Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22014A0430(02)

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi

    ĠU L 128, 30.4.2014, p. 49–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/242/oj

    Related Council decision
    Related Council decision

    30.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 128/49


    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”;

    kif ukoll

    IR-REPUBBLIKA TAL-AZERBAJĠAN,

    minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

    BIX-XEWQA li jiffaċilitaw il-kuntatti bejn persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta' rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Azerbajġan fuq il-bażi ta' reċiproċità;

    FILWAQT LI JQISU l-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Azerbajġan, min-naħa l-oħra, kif ukoll n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan li tnedew fl-2010,

    WARA LI KKUNSIDRAW id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fis-7 ta' Mejju 2009, li fih ġie ddikjarat l-appoġġ politiku lejn il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża f'ambjent sikur,

    FILWAQT LI JAGĦRFU li l-faċilitazzjoni tal-viża ma għandux iwassal għal migrazzjoni illegali u filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u r-rijammissjoni,

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-għan u l-kamp ta' applikazzjoni

    L-għan ta' dan il-Ftehim hu sabiex jiffaċilita, fuq il-bażi ta' reċiproċità, il-ħruġ ta' viżi għal żjara intiża għal mhux aktar minn 90 jum kull perjodu ta' 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Azerbajġan.

    Artikolu 2

    Klawżola Ġenerali

    1.   Il-faċilitazzjonijiet tal-viża previsti f'dan il-Ftehim għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-Repubblika tal-Azerbajġan biss sakemm ma jkunux eżenti mill-ħtieġa tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tar-Repubblika tal-Azerbajġan, tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, tal-ftehim preżenti jew ftehimiet internazzjonali oħra.

    2.   Il-liġi nazzjonali tar-Repubblika tal-Azerbajġan, jew tal-Istati Membri jew il-liġi tal-Unjoni għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, bħaċ-ċaħda milli tinħareġ viża, rikonoxximent ta' dokumenti ta' vvjaġġar, prova ta' mezzi ta' għejxien suffiċjenti u ċ-ċaħda tad-dħul u miżuri ta' espulsjoni.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' dan il-Ftehim:

    (a)

    “Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Irlanda, u r-Renju Unit;

    (b)

    “ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif iddefinit fil-punt (a);

    (c)

    “Ċittadin tar-Repubblika tal-Azerbajġan” tfisser kwalunkwe persuna li jkollha ċ-ċittadinanza tar-Repubblika tal-Azerbajġan skont il-leġiżlazzjoni tiegħu fis-seħħ;

    (d)

    “viża” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan fil-konfront ta' intenzjoni ta' transitu mit-territorju tal-Istati Membri jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan, jew ta' żjara intiża fihom ta' mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum;

    (e)

    “persuna legalment residenti” tfisser:

    għar-Repubblika tal-Azerbajġan, ċittadin tal-Unjoni li kiseb permess ta' residenza temporanja jew permanenti għal perjodu ta' aktar minn 90 jum fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan,

    għall-Unjoni, ċittadin tar-Repubblika tal-Azerbajġan awtorizzat jew intitolat li joqgħod għal aktar minn 90 jum fit-territorju ta' Stat Membru, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Artikolu 4

    Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ

    1.   Għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Azerbajġan, id-dokumenti li ġejjin huma suffiċjenti sabiex ikun ġustifikat l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:

    (a)

    għall-qraba mill-viċin — konjugi, tfal (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u tfal tat-tfal — li jżuru liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu legalment fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri, jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan residenti fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan:

    talba bil-miktub mill-persuna ospitanti;

    (b)

    mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, għall-membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali inklużi l-membri permanenti tat-tali delegazzjonijiet li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan, jieħdu sehem f'laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew f'wieħed mill-Istati Membri:

    ittra maħruġa minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru jew tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li tikkonferma li l-applikant ikun membru tad-delegazzjoni tagħha rispettivament jew membru permanenti tad-delegazzjoni tagħha, li qed jivvjaġġa lejn it-territorju tal-Parti l-oħra biex jipparteċipa f'dawn l-avvenimenti msemmija, flimkien ma' kopja tal-istedina uffiċjali;

    (c)

    għan-nies tan-negozju jew rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tan-negozju:

    talba bil-miktub mill-persuna ġuridika jew kumpanija ospitanti, organizzazzjoni jew uffiċċju jew fergħa ta' tali persuna ġuridika, jew kumpanija jew awtoritajiet statali jew lokali tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-Istati Membri jew kumitati organizzattivi jew wirjiet ta' kummerċ u industrija, konferenzi u simpożji li jsiru fit-territorji ta' xi wieħed mill-Istati Membri, approvata mill-awtoritajiet kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

    (d)

    għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta' trasport ta' passiġġieri bejn it-territorji tar-Repubblika tal-Azerbajġan u l-Istati Membri f'vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fir-Repubblika tal-Azerbajġan:

    talba bil-miktub mill-assoċjazzjoni jew il-kumpanija nazzjonali (unjoni) ta' min iġorr fir-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra ta' min iġorr fl-Istati Membri li jfornu trasport internazzjonali bit-triq, li tagħti l-iskop, l-itinerarju, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

    (e)

    għal tfal tal-iskola, studenti, studenti postuniversitarji u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta' studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta' programmi ta' bdil kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola:

    talba bil-miktub jew ċertifikat ta' reġistrazzjoni mill-università, akkademja, istitut, kulleġġ jew skola li tospita, jew karti tal-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li jkunu se jattendu;

    (f)

    għal persuni li jkunu qed jipparteċipaw f'attivitajiet xjentifiċi, akkademiċi, kulturali jew artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta' skambju:

    talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita biex jieħdu sehem f'dawk l-attivitajiet;

    (g)

    għall-ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali:

    ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali jew minn min iħaddem lill-applikant, li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalist kwalifikat u li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jwettaq xogħol ġurnalistiku jew li jixhed li l-persuna hi membru tal-ekwipaġġ tekniku li qed jakkumpanja l-ġurnalist f'kapaċità professjonali;

    (h)

    għal parteċipanti f'avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali:

    talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita, mill-awtoritajiet kompetenti, mill-Federazzjonijiet sportivi nazzjonali tal-Istati Membri jew tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew Kumitati Olimpiċi Nazzjonali tal-Istati Membri;

    (i)

    għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta' bdil organizzati minn bliet ġemellati:

    talba bil-miktub mill-Kap tal-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta' dawn l-ibliet;

    (j)

    għal persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi u l-persuni li jkun jeħtieġ li jakkumpanjawhom:

    dokument uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta' kura medika f'din l-istituzzjoni, in-neċessità tal-akkompanjament, u evidenza ta' mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku;

    (k)

    għal membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f'wirjiet internazzjonali, konferenzi, simposji, seminars jew attivitajiet simili oħra li jsiru fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew tal-Istati Membri:

    talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita li tikkonferma li l-persuna kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment;

    (l)

    għar-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta' taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta' programmi ta' bdil:

    talba bil-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni li tospita, konferma li l-persuna tkun qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta' tali organizzazzjoni mir-Reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

    (m)

    qraba li jżuru għal ċerimonji ta' dfin:

    dokument uffiċjali li jikkonferma l-fatt tal-mewt kif ukoll konferma tar-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna li se tindifen;

    (n)

    għal żjarat f'ċimiterji militari u ċivili:

    dokument uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll ir-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna midfuna;

    2.   It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkollha l-elementi li ġejjin:

    (a)

    għall-persuna mistiedna: isem u kunjom, data tat-twelid, sess, ċittadinanza, numru tal-passaport, ħin u għan tal-vjaġġ, numru ta' daħliet u fejn rilevanti l-isem tal-konjugi u tat-tfal li qed jakkumpanjaw lill-persuna mistiedna;

    (b)

    għall-persuna li tistieden: isem, kunjom u indirizz;

    (c)

    għall-persuna ġuridika, kumpanija jew organizzazzjoni li tistieden: l-isem u l-indirizz sħaħ u:

    jekk it-talba ssir minn organizzazzjoni jew awtorità, l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiffirma t-talba;

    jekk il-persuna li tistieden hija persuna ġuridika jew kumpanija jew uffiċċju jew fergħa ta' tali persuna ġuridika jew kumpanija stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru jew fir-Repubblika tal-Azerbajġan, in-numru tar-reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew mil-liġi tar-Repubblika tal-Azerbajġan.

    3.   Għall-kategoriji ta' persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skont il-proċedura simplifikata mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda ġustifikazzjoni, invit jew validazzjoni ulterjuri dwar l-għan tal-vjaġġ, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet.

    Artikolu 5

    Il-ħruġ ta' viżi għal dħul multiplu

    1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Azerbajġan joħorġu viżi b'terminu ta' validità sa massimu ta' ħames (5) snin għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini:

    (a)

    Konjugi, tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta' 21 jew ikunu dipendenti, ġenituri (inklużi l-kustodi), li jżuru liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu legalment fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jkunu legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan residenti fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan;

    (b)

    membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan, jieħdu sehem b'mod regolari f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew f'wieħed mill-Istati Membri:

    B'deroga mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perjodu iqsar, it-terminu tal-validità tal-viża ta' diversi dħul hu limitat għal dak il-perjodu, partikolarment meta:

    fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (a), il-perjodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni għal residenza legali ta' ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jirrisjedu legalment f'wieħed mill-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment jew fir-Repubblika tal-Azerbajġan;

    fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (b), it-terminu tal-validità tal-istatus bħala membru permanenti ta' delegazzjoni uffiċjali,

    ikun inqas minn ħames snin.

    2.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u r-Repubblika tal-Azerbajġan joħorġu viżi għal dħul multiplu b'perjodu ta' validità ta' sena għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta' qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta' dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru:

    (a)

    studenti, studenti postuniversitarji li jivvjaġġaw regolarment għall-għanijiet ta' studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' bdil;

    (b)

    ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali;

    (c)

    parteċipanti fi programmi uffiċjali ta' bdil organizzati minn bliet ġemellati;

    (d)

    xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta' trasport ta' passiġġieri bejn it-territorji tar-Repubblika tal-Azerbajġan u l-Istati Membri f'vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fir-Repubblika tal-Azerbajġan;

    (e)

    persuni li jeħtieġu li jżuru regolarment għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom;

    (f)

    membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f'wirjiet internazzjonali, konferenzi, simposji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili li jivvjaġġaw b'mod regolari lejn ir-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-Istati Membri;

    (g)

    rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jivvjaġġaw b'mod regolari lejn ir-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-Istati Membri għall-għanijiet ta' taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju;

    (h)

    persuni li jkunu qed jipparteċipaw f'attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta' bdil, li jivvjaġġaw regolarment fir-Repubblika tal-Azerbajġan jew fl-Istati Membri;

    (i)

    parteċipanti f'avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali;

    (j)

    membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan, jieħdu sehem b'mod regolari f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew tal-Istati Membri;

    (k)

    nies fin-negozju u rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet ta' negozju li jivvjaġġaw regolarment fir-Repubblika tal-Azerbajġan jew fl-Istati Membri;

    B'deroga mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perjodu iqsar, it-tul ta' żmien tal-validità tal-viża għal dħul multiplu jkun limitat għal dak il-perjodu.

    3.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Azerbajġan joħorġu viżi ta' dħul multiplu b'perjodu ta' validità minimu ta' sentejn (2) u massimu ta' ħames (5) snin għall-kategoriji ta' ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn (2) ta' qabel ikunu wżaw il-viżi ta' dħul multiplu għal sena skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat li żaru sakemm il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment ma tkunx manifestament limitata għal perjodu iqsar, li f'dan il-każ il-perjodu tal-validità tal-viża ta' dħul multiplu jkun limitat għal dak il-perjodu.

    4.   Il-perjodu totali ta' residenza ta' persuni msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż id-90 jum għal kull perjodu ta' 180 jum fit-territorju tal-Istati Membri jew fir-Repubblika tal-Azerbajġan.

    Artikolu 6

    Ħlas għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal viża

    1.   Il-ħlas għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet tal-viża jammonta għal EUR 35.

    Dan l-ammont jista' jiġi rivedut skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 14(4).

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 il-ħlasijiet għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta' persuni:

    (a)

    għall-qraba mill-viċin — konjugi, tfal (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u tfal tat-tfal — li jżuru liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu legalment fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri, jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan residenti fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan:

    (b)

    għal membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali, inklużi membri permanenti ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan, jieħdu sehem f'laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew f'wieħed mill-Istati Membri;

    (c)

    tfal tal-iskola, studenti, studenti postuniversitarji u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta' studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola;

    (d)

    persuni b'diżabbiltà u l-persuni li jakkumpanjawhom, jekk meħtieġ;

    (e)

    parteċipanti f'avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali;

    (f)

    ersuni li jieħdu sehem f'attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi tal-università u programmi oħrajn ta' skambju;

    (g)

    persuni li ppreżentaw dokumenti li jippruvaw il-ħtieġa li jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji, inkluż biex jirċievu trattament mediku urġenti u l-persuna li takkumpanjahom, jew li jattendu funeral ta' qarib, jew biex iżuru qarib li għandu mard serju;

    (h)

    rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jivvjaġġaw għal raġunijiet ta' taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju;

    (i)

    pensjonanti;

    (j)

    tfal li jkollhom anqas minn 12-il sena;

    (k)

    ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali:

    3.   Jekk Stat Membru jew ir-Repubblika tal-Azerbajġan jikkoopera ma' fornitur tas-servizzi estern bl-iskop ta' ħruġ ta' viża, il-fornitur tas-servizzi estern jista' jitlob ħlas għas-servizz. Dan il-ħlas ikun proporzjonat ma' kemm ikun nefaq il-fornitur tas-servizzi estern waqt it-twettiq tal-ħidmiet tiegħu, u ma għandux ikun aktar minn EUR 30. L-Istati Membri u r-Repubblika tal-Azerbajġan iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom.

    Għall-Unjoni, il-fornitur estern tas-servizzi jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu skont il-Kodiċi tal-Viżi u fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Azerbajġan.

    Għar-Repubblika tal-Azerbajġan, il-fornitur estern tas-servizzi jagħmel l-operazzjonijiet tiegħu skont il-leġiżlazzjoni tal-Azerbajġani u l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tal-UE.

    Artikolu 7

    Tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-viża

    1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Azerbajġan għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data ta' meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ tal-viża.

    2.   Il-perjodu ta' żmien għat-teħid ta' deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista' jkun estiż sa 30 jum f'każijiet individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju tal-applikazzjoni.

    3.   Il-perjodu biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal viża jista' jitnaqqas għal jumejn (2) ta' xogħol jew inqas f'każijiet urġenti.

    Jekk l-applikanti jkunu obbligati jiksbu appuntament għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni, l-appuntament iseħħ, bħala regola, fi żmien ġimagħtejn mid-data ta' meta jkun intalab l-appuntament. Minkejja s-sentenza ta' qabel, il-fornituri esterni tas-servizzi jiżguraw li applikazzjoni għal viża, bħala regola, tkun tista' tiġi ppreżentata mingħajr dewmien żejjed.

    F'każijiet ta' urġenza ġġustifikati, l-applikanti jistgħu jitħallew mill-konsulat jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom jew mingħajr appuntament, jew jingħata appuntament minnufih.

    Artikolu 8

    Tluq f'każ ta' dokumenti mitlufa jew mistruqa

    Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Azerbajġan li jkunu tilfu d-dokumenti ta' identità tagħhom, jew li jkunu nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-Istati Membri, jistgħu jħallu dak it-territorju fuq il-bażi ta' dokumenti ta' identità validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri jew tar-Repubblika tal-Azerbajġan mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra.

    Artikolu 9

    Estensjoni tal-viża f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni

    Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan li ma jkunux jistgħu jitilqu mit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew it-territorju tal-Istati Membri sad-data ddikjarata fil-viżi tagħhom għal raġunijiet ta' force majeure jkollhom il-perjodu ta' validità u/jew it-tul ta' soġġorn tal-viża maħruġa tagħhom estiż mingħajr ħlas konformement mal-leġiżlazzjoni applikata mir-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-Istat Membru li jirċievi għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn lejn l-Istat ta' residenza tagħhom.

    Artikolu 10

    Passaporti diplomatiċi

    1.   Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan li huma detenturi ta' passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu, joħorġu jew jagħmlu tranżitu mit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew l-Istati Membri mingħajr viżi.

    2.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu joqogħdu fit-territorju tar-Repubblika tal-Azerbajġan jew fit-territorji tal-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum.

    Artikolu 11

    Il-validità territorjali tal-viżi

    Soġġetti għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tal-Azerbajġan u tal-Istati Membri u soġġetti għar-regoli tal-UE dwar viżi b'validità territorjali limitata, iċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan u tal-Unjoni jkunu intitolati għall-ivjaġġar fit-territorju tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Azerbajġan fuq bażi ugwali bħaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Azerbajġan.

    Artikolu 12

    Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

    1.   Il-Partijiet jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Repubblika tal-Azerbajġan. L-Unjoni tkun rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, assistita minn esperti mill-Istati Membri.

    2.   Il-Kumitat, b'mod partikolari, ikollu l-funzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

    (b)

    jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

    (c)

    isolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f'dan il-Ftehim.

    3.   Il-Kumitat jiltaqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba minn waħda mill-Partijiet u għall-inqas darba f'sena.

    4.   Il-Kumitat jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

    Artikolu 13

    Ir-relazzjoni ta' dan il-Ftehim ma' Ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Azerbajġan

    Sa minn meta jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim jieħu preċedenza fuq dispożizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali jew multilaterali konkluż bejn Stati Membri individwali u r-Repubblika tal-Azerbajġan, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim.

    Artikolu 14

    Klawżoli finali

    1.   Dan il-Ftehim jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn taħt ikunu tlestew.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan dwar ir-rijammissjoni jekk din id-data tkun wara d-data stipulata fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    3.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta' żmien indefinit, sakemm ma jkunx terminat skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.

    4.   Dan il-Ftehim jista' jkun emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-għan.

    5.   Kull Parti tista' tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew kollu kemm hu għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw.

    6.   Kull Parti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara d-data ta' tali notifika.

    Magħmul f'Vilnius fid-disgħa u għoxrin jum ta' Novembru tas-sena elfejn u tlettax, f'żewġ kopji bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, it-Taljan, l-Ungeriż, u l-Azerbajġan b'kull wieħed minn dawn it-testi jkun awtentiku bl-istess mod.

    За Европейския съюз

    Рог la Unión Europea

    Za Evropskou unii

    For Den Europæiske Union

    Für die Europäische Union

    Euroopa Liidu nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

    For the European Union

    Pour l'Union européenne

    Za Europsku uniju

    Per l'Unione europea

    Eiropas Savienības vārdā –

    Europos Sąjungos vardu

    Az Európai Unió részéről

    Għall-Unjoni Ewropea

    Voor de Europese Unie

    W imieniu Unii Europejskiej

    Pela União Europeia

    Pentru Uniunea Europeană

    Za Európsku úniu

    Za Evropsko unijo

    Euroopan unionin puolesta

    För Europeiska unionen

    Avropa İttifaqı adından

    Image

    За Азербайджанската република

    Por la República de Azerbaiyán

    Za Ázerbájdžánskou republiku

    For Republikken Aserbajdsjan

    Für die Republik Aserbaidschan

    Aserbaidžaani Vabariigi nimel

    Για τη Δημοκρατία χου Αζερμπαϊτζάν

    For the Republic of Azerbaijan

    Pour la République d'Azerbaïdjan

    Za Republiku Azerbajdžan

    Per la Repubblica dell'Azerbaigian

    Azerbaidžanas Republikas vārdā –

    Azerbaidžano Respublikos vardu

    Az Azerbajdzsán Köztársaság részéről

    Għar-Repubblika tal-Azerbajģan

    Voor de Republiek Azerbeidzjan

    W imieniu Republiki Azerbejdżanu

    Pela República do Azerbaijāo

    Pentru Republica Azerbaidjan

    Za Azerbajdžanskú republiku

    Za Azerbajdžansko republiko

    Azerbaidžanin tasavallan puolesta

    För Republiken Azerbajdzjan

    Image

    Image


    PROTOKOLL

    għall-Ftehim dwar l-Istati Membri li ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen

    Dawk l-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta' Schengen iżda li għadhom ma joħorġux il-viżi ta' Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill f'dan is-sens, joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom hija limitata għat-territorju tagħhom stess.

    Skont id-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, minn Ċipru u mir-Rumanija ta' ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta' tranżitu mit-territorji tagħhom (1) ittieħdu miżuri armonizzati sabiex jiġi ssimplifikat it-transitu ta' detenturi ta' viżi ta' Schengen u ta' permessi ta' residenza ta' Schengen madwar it-territorju tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen.


    (1)  ĠU L 161, 20.6.2008, p. 30.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

    dwar l-Artikolu 10 tal-ftehim dwar passaporti diplomatiċi

    Kemm l-Unjoni kif ukoll ir-Repubblika tal-Azerbajġan tista' tinvoka sospensjoni parzjali tal-ftehim u partikolarment tal-Artikolu 10, skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 14(5), jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tkun abbużata mill-Parti l-oħra jew twassal għal theddida għas-sigurtà pubblika.

    Fil-każ ta' sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 10, iż-żewġ Partijiet jibdew konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-ftehim bil-ħsieb li jsolvi problemi li jwasslu għal sospensjoni.

    Bħala prijorità, iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw l-impenn tagħhom sabiex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà għall-passaporti diplomatiċi, partikolarment billi jintegraw identifikanti bijometriċi. Għall-Unjoni, dan ikun żgurat f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (1).


    (1)  ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

    dwar id-Danimarka

    Il-Partijiet jieħdu nota li dan il-Ftehim mhux applikabbli għall-proċeduri tal-ħruġ ta' viżi mill-missjonijiet diplomatiċi u s-servizzi konsulari tad-Danimarka.

    F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa mixtieq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u tar-Repubblika tal-Azerbajġan jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehim bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi għal żjajjar qosra f'termini simili bħall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

    dwar ir-Renju Unit u l-Irlanda

    Il-Partijiet jinnotaw li dan il-Ftehim preżenti mhux applikabbli fit-territorju tar-Renju Unit u fl-Irlanda.

    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-Irlanda u r-Repubblika tal-Azerbajġan, jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

    li Tikkonċerna l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein

    Il-Partijiet jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera, l-Islanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

    F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, tal-Islanda u tar-Repubblika ta' Montenegro jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi għal żjajjar qosra f'termini simili bħall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Azerbajġan.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

    dwar il-kooperazzjoni fejn jidħlu dokumenti tal-ivvjaġġar

    Il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim, meta jkun qed jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, għandu jevalwa l-impatt tal-livell ta' sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar rispettivi dwar il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jinformaw lil xulxin b'mod regolari dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar il-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

    dwar il-passaporti tas-servizz

    Il-Partijiet, meta jitqies il-qafas ta' dawn in-negozjati, jaffermaw mill-ġdid li dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri individwali u r-Repubblika tal-Azerbajġan jikkonkludu ftehimiet bilaterali li jipprevedu l-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-viża għad-detenturi tal-passaporti tas-servizz.


    Top