Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009E0130

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/130/PESK tas- 16 ta' Frar 2009 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Ażja Ċentrali

    ĠU L 46, 17.2.2009, p. 43–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2009/130/oj

    17.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 46/43


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/130/PESK

    tas-16 ta' Frar 2009

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Ażja Ċentrali

    IL-KUNSILL tal-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/670/PESK (1) sabiex jaħtar lis-Sur Pierre MOREL bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali.

    (2)

    Fit-12 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/107/PESK (2) li emendat u estendiet il-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2009.

    (3)

    Abbażi ta’ reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/107/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż b’perijodu ta’ 12-il xahar.

    (4)

    Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat tas-Sur Pierre MOREL bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali huwa b’dan estiż sat-28 ta’ Frar 2010.

    Artikolu 2

    Objettivi tal-politika

    Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-UE fl-Asja Ċentrali. Dawn l-objettivi jinkludu:

    (a)

    il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ valuri u interessi komuni kif imniżżla fi ftehim rilevanti;

    (b)

    il-kontribut għat-tisħiħ tal-istabbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun;

    (ċ)

    il-kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta’ dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali;

    (d)

    l-indirizzar ta’ riskji ewlenin, speċjalment ta’ problemi speċifiċi b’implikazzjonijiet diretti għall-Ewropa;

    (e)

    it-titjib tal-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma’ sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti, bħall-OSCE.

    Artikolu 3

    Mandat

    1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-Asja Ċentrali u jiżgura l-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza Komunitarja;

    (b)

    jagħmel monitoraġġ, f’isem ir-Rappreżentant Għoli u skont il-mandat tiegħu, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Presidenza, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza Komunitarja, tal-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lill-korpi rilevanti tal-Kunsill fuq bażi regolari;

    (ċ)

    jassisti lill-Kunsill fl-iżvilupp ulterjuri ta’ politika komprensiva fir-rigward tal-Asja Ċentrali;

    (d)

    isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-medja tal-massa;

    (e)

    jinkoraġġixxi lill-Kazakastan, ir-Repubblika tal-Kirgiztan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan biex jikkooperaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet reġjonali ta’ interess komuni;

    (f)

    jiżviluppa kuntatti u kooperazzjoni adatti mal-atturi interessati ewlenin fir-reġjun, inkluż l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha, inklużi l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO), il-Komunità Ekonomika Ewrasjana (EURASEC), il-Konferenza dwar l-Interazzjoni u Miżuri li jibnu l-Kunfidenza fl-Asja (CICA), l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO), il-Programm ta’ Kooperazzjoni Ekonomika Reġjonali tal-Asja Ċentrali (CAREC) u ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u Koordinazzjoni Reġjonali tal-Asja Ċentrali (CARICC);

    (g)

    jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tan-nisa u t-tfal u f’żoni affetwati minn kunflitt, speċjalment permezz tal-monitoraġġ u l-indirizzar tal-iżviluppi f’dan ir-rigward;

    (h)

    jikkontribwixxi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-OSCE, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti billi jiżviluppa kuntatti mal-awtoritajiet u ma’ atturi lokali oħra (NGOs, partiti politiċi, minoritajiet, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom);

    (i)

    jagħti l-fehmiet tiegħu għall-formulazzjoni ta’ aspetti ta’ sigurtà tal-enerġija kif ukoll ta’ aspetti relatati anti-narkotiċi tal-PESK fir-rigward tal-Asja Ċentrali.

    2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) u jżomm vista ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   L-EUSR għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ.

    2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lill-RSUE fil-qafas tal-mandat.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sat-28 ta’ Frar 2010 għandu jkun ta’ EUR 998 000.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Marzu 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

    Artikolu 6

    Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp

    1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f’konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f’assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-grupp għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jinforma lis-SĠ/RGħ, il-Presidenza u l-Kummssjoni dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tiegħu.

    2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ personal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-personal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-UE għar-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-UE kkonċernati rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE.

    3.   Kull personal issekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-personal tiegħu

    Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u għall-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-personal tiegħu għandhom jiġu maqbula mal-parti/partijiet ospitanti kif xieraq. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu s-sostenn kollu meħtieġ għal dan l-iskop.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

    2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    Ir-RSUE għandu, skont il-politika tal-UE dwar is-sigurtà ta’ personal skjerat barra l-UE f’kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-personal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b’mod partikolari billi:

    (a)

    jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b)

    jiżgura li l-personal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

    (ċ)

    jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra mill-UE, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, jkunu rċevew taħriġ ta’ sigurtà adatt qabel ma jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

    (d)

    jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula wara valutazzjonijiet tas-sigurtà regolari jkunu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u ta’ implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rappurtar

    Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment bil-fomm u bil-mitkub lis-SĠ/RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jirrapporta lill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-UE fil-qasam jkunu impenjati b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk tar-RSUE għall-Afganistan. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.

    F’dan il-qasam, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra f’dan il-qasam.

    Artikolu 13

    Reviżjoni

    L-implementazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni Ewroepa lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2009 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2009. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendar jew it-terminazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 15

    Pubblikazzjoni

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Frar 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    O. LIŠKA


    (1)  ĠU L 275, 6.10.2006, p. 65.

    (2)  ĠU L 38, 13.2.2008, p. 19.

    (3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


    Top