Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62022TN0385

    Kawża T-385/22: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2022 – Carmeuse Holding vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 340, 5.9.2022, p. 48/49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 340/48


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2022 – Carmeuse Holding vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-385/22)

    (2022/C 340/67)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Carmeuse Holding SRL (Brașov, ir-Rumanija) (rappreżentanti: S. Olaru, R. Ionescu u R. Savin, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2022/C 160/09 tal-14 ta’ Frar 2022 li tagħti struzzjonijiet lill-Amministratur Ċentrali tar-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex idaħħal it-tabelli ta’ allokazzjoni nazzjonali tal-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja fir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (1) sal-punt li tistabbilixxi numru ħażin ta’ kwoti b’xejn li għandhom jiġu allokati lill-installazzjonijiet Valea Mare Pravat u Fieni tar-rikorrenti għas-snin 2021-2025 u tnaqqas:

    numru ta’ 5 355 kwota b’xejn għall-installazzjoni Carmeuse Holding SRL – Valea Mare Pravat, li tinsab f’Valea Mare Pravat, fil-kontea ta’ Arges, ir-Rumanija, ID 55 fir-Reġistru tal-Unjoni għal kull waħda mis-snin 2021-2025;

    numru ta’ 4 569 kwota b’xejn għall-installazzjoni Carmeuse Holding SRL – Fieni, li tinsab f’Fieni, Triq Garii, Nru 2, fil-kontea ta’ Dambovita, ir-Rumanija, ID 56 fir-Reġistru tal-Unjoni għal kull waħda mis-snin 2021-2025;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f’dawn il-proċeduri;

    tieħu dawk il-miżuri l-oħra jew iktar li l-ġustizzja tista' teħtieġ.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel żball fil-kalkolu tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet b’xejn li għandhom jiġu allokati lill-installazzjonijiet ta’ Carmeuse.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret diversi prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni meta ħarġet id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-prinċipju ta’ ugwaljanza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi u d-dritt ta’ Carmeuse għal amministrazzjoni tajba u dritt ta’ difiża, li għandu irriżulta fl-allokazzjoni ta’ inqas kwoti ta’ emissjonijiet b’xejn lill-installazzjonijiet ta’ Carmeuse.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed fir-rigward tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet b’xejn allokati lill-installazzjonijiet ta’ Carmeuse, peress li ma tagħtix dettalji dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u lanqas ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-argumenti ta’ Carmeuse, u ma tindirizzax ir-raġunijiet essenzjali li għalihom il-formula hekk applikata mill-Kummissjoni tieħu post il-leġiżlazzjoni vinkolanti.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2022 li tagħti struzzjonijiet lill-Amministratur Ċentrali tar-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex idaħħal it-tabelli ta’ allokazzjoni nazzjonali tal-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja fir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2022, C 160, p. 27).


    Arriba