Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62022CN0364

    Kawża C-364/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Ġunju 2022 – J.B., S.B. u F.B. vs Bundesrepublik Deutschland

    ĠU C 340, 5.9.2022, p. 19/19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 340/19


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Ġunju 2022 – J.B., S.B. u F.B. vs Bundesrepublik Deutschland

    (Kawża C-364/22)

    (2022/C 340/24)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Verwaltungsgericht Minden

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: J.B., S.B., F.B..

    Konvenut: Bundesrepublik Deutschland

    Domandi preliminari

    1.

    L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprovdi li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli irrispettivament minn jekk l-applikant ikkonċernat kienx intbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali?

    2.

    Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, tagħmel differenza l-kwistjoni ta’ jekk l-applikant ikkonċernat kienx is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew jekk marx lura minn rajh?

    3.

    L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi li Stat Membru jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti ma tkunx ikkonċernat l-għoti tal-istatus marbut mal-protezzjoni sussidjarja iżda tkun tat lok għal stħarriġ tal-eżistenza tar-raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija u fejn dan l-istħarriġ ikun sostanzjalment paragunabbli mal-istħarriġ imwettaq sabiex jingħata l-istatus marbut mal-protezzjoni sussidjarja?

    4.

    L-istħarriġ tal-eżistenza tar-raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija u l-istħarriġ imwettaq sabiex jingħata l-istatus marbut mal-protezzjoni sussidjarja huma paragunabbli meta, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-eżistenza tar-raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija, kellu jiġi vverifikat b’mod kumulattiv jekk, fl-Istat li lejh għandu jitneħħa, l-applikant ikkonċernat,

    (a)

    huwiex mhedded konkretament li jkun suġġett għal tortura jew għal trattament jew piena inumani jew degradanti,

    (b)

    huwiex fil-perikolu li jiġi kkundannat għall-mewt jew fil-perikolu li tiġi eżegwita kundanna għall-mewt,

    (c)

    huwiex espost għar-riskju ta’ ksur tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – KEDB), jew

    (d)

    huwiex espost għal theddida konkreta u sostanzjali fir-rigward tal-persuna tiegħu, tal-ħajja tiegħu jew tal-libertà tiegħu,

    jew inkella

    (e)

    jekk huwiex espost, bħala membru tal-popolazzjoni ċivili, għal theddida individwali kunsiderevoli fir-rigward tal-persuna tiegħu jew tal-ħajja tiegħu fil-kuntest ta’ kunflitt b’armi internazzjonali jew nazzjonali?


    (1)  ĠU 2013, L 180, p. 60.


    Arriba