Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IE5712

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inugwaljanza fil-ġid fl-Ewropa: il-qasma bejn il-profitt u x-xogħol bejn l-Istati Membri” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 129, 11.4.2018, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inugwaljanza fil-ġid fl-Ewropa: il-qasma bejn il-profitt u x-xogħol bejn l-Istati Membri”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2018/C 129/01)

    Relatur:

    Plamen DIMITROV

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    22.9.2016

    Bażi legali:

    Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti:

    Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    7.9.2017

    Adottata fil-plenarja

    6.12.2017

    Sessjoni tal-plenarja Nru

    530

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    188/30/23

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jemmen li l-inugwaljanzi fid-dħul u l-ġid fl-UE saru sfidi ekonomiċi u soċjali li għandhom jiġu indirizzati b’miżuri adatti fil-livell nazzjonali u bl-appoġġ ta’ azzjoni fil-livell tal-UE. L-inugwaljanzi fid-dħul nagħtuhom importanza akbar, sew fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja. Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni lejn l-inugwaljanzi fil-ġid li, madankollu, huma ta’ natura ħafna aktar varjabbli u b’effett aktar fit-tul. Dan jimplika l-ħtieġa li jiġu ċċarati r-raġunijiet għal dawn l-inugwaljanzi u l-fatturi li jiddeterminawhom, kif ukoll li jitfasslu soluzzjonijiet ta’ politika biex jindirizzawhom.

    1.2.

    Jeħtieġ li jsiru analiżi bir-reqqa u valutazzjoni dwar in-natura preċiża tad-distribuzzjoni tal-ġid fl-UE, kif ukoll jittieħdu miżuri preventivi f’waqthom biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi bħall-evaporazzjoni rapida tal-“klassi medja” filwaqt li aktar u aktar persuni jaqgħu fil-kategorija tal-“ħaddiema fqar” jew dawk “f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali”. L-ekonomija tas-suq għandha titqies mhux biss bħala mezz biex jinkiseb tkabbir ekonomiku qawwi, iżda wkoll bħala wieħed mill-mekkaniżmi meħtieġa biex jinkisbu għanijiet importanti għas-soċjetà.

    1.3.

    L-aktar għodda importanti għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex jippromovu ridistribuzzjoni ġusta ta’ valur miżjud għas-soċjetà kollha kemm hi hija l-politika fiskali. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jgħinu biex iwittu t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħajja tax-xogħol għandhom jitqiegħdu wkoll fiċ-ċentru tal-attenzjoni, flimkien ma’ politiki li jirregolaw it-tassazzjoni u t-trasferimenti soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw kemm jista’ jkun malajr miżuri fiskali li jistgħu jnaqqsu l-inugwaljanza u jiżguraw ridistribuzzjoni ġusta ta’ valur miżjud ġdid fis-soċjetà kollha kemm hi.

    1.4.

    Il-KESE jaħseb li hija meħtieġa sistema li tiffunzjona tajjeb ta’ trasferimenti soċjali u assistenza soċjali. Ir-ridistribuzzjoni bħala mekkaniżmu ta’ kumpens għandha fil-parti l-kbira tagħha tikkomplementa d-distakki fis-sistema tas-suq. Għandhom jiġu żviluppati assi pubbliċi (infrastruttura, faċilitajiet għal servizzi fl-interess tal-pubbliku, eċċ.) u r-rwol tagħhom għandu jitqies bħala mezz biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi. Id-dħul fiskali għandu jitressaq minn tassazzjoni bbażata fuq ix-xogħol għal waħda bbażata aktar fuq il-ġid, b’tassazzjoni fuq il-wirt u d-dħul kapitali.

    1.5.

    Il-konċentrazzjoni tal-ġid twassal ukoll għal konċentrazzjoni ta’ poter enormi, li jieħu ħafna forom, inkluż id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-KESE jemmen li tkabbir ekonomiku intensiv huwa essenzjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-faqar u fil-ġid. Dan għandu jkun promoss permezz tal-użu aħjar tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, l-inkoraġġiment tal-intraprenditorija, il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, programmi li jappoġġjaw lill-SMEs u l-implimentazzjoni ta’ politiki biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-persuni f’sitwazzjonijiet żvantaġġati.

    1.6.

    Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-effikaċja tal-politika attwali tal-UE skont l-istrateġija Ewropa 2020, li tqiegħed enfasi partikolari fuq il-faqar. Din għandha bżonn appoġġ politiku aktar adatt sabiex toffri biżżejjed appoġġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw ix-xejriet fl-inugwaljanza li sejrin għall-agħar. Hija meħtieġa azzjoni aktar vigoruża biex jiġi indirizzat il-faqar, li kiber f’termini assoluti matul dawn l-aħħar ftit snin (1). Il-politiki jeħtieġ li jitfasslu fil-livell Ewropew sovranazzjonali sabiex jippromovu tkabbir aktar inklużiv permezz ta’ approċċ integrat. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jkun marbut aktar mill-qrib mas-Semestru Ewropew u dawn, min-naħa tagħhom, għandhom ikunu f’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, sabiex l-għanijiet fil-llivell nazzjonali u ta’ madwar l-Ewropa kollha mħaddnin fihom jintlaħqu b’mod effettiv.

    1.7.

    Flimkien ma’ dan hemm bżonn ta’ miżuri mmirati lejn is-suq tax-xogħol marbutin mal-protezzjoni soċjali. Minħabba li l-protezzjoni tal-impjiegi, li qed jinbidlu b’mod dinamiku ħafna, mhix dejjem vijabbli, hemm bżonn ukoll li ssir enfasi fuq il-promozzjoni tal-impjieg u l-protezzjoni tal-forza tax-xogħol. Huwa importanti ħafna li jkun hemm standards soċjali minimi li jiggarantixxu paga u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. L-enfasi għandha titqiegħed fuq l-iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet fil-ħajja tax-xogħol filwaqt li fl-istess ħin jiġu ggarantiti drittijiet tax-xogħol u soċjali komuni, inkluż id-dritt ta’ sħubija fi trade union u d-dritt għan-negozjar kollettiv.

    1.8.

    Il-KESE jemmen li għandu jidħol fis-seħħ mekkaniżmu trasparenti biex b’mod sistematiku jimmonitorja d-data dwar id-dħul u l-ġid kollu, kif ukoll jagħti l-possibbiltà li din id-data tiġi kkonsolidata. Dan, minn naħa waħda, se jtejjeb l-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, jiffaċilita l-kumpilazzjoni tal-informazzjoni tal-istatistika dwar id-distribuzzjoni tal-ġid fl-Istati Membri. L-istabbiliment ta’ reġistru ta’ azzjonisti korporattivi fil-livell Ewropew jista’ jkollu rwol importanti f’dan il-kuntest.

    2.   Kuntest

    2.1.

    L-inugwaljanza fil-ġid fl-Ewropa tmur lura ħafna fiż-żmien. Dan huwa proċess storiku, li ma waqafx lanqas wara t-twaqqif taż-żona tal-euro – minħabba l-iżbilanċi interni u esterni li dejjem jinħolqu minn livelli differenti f’aspetti ta’ kompetittività ekonomika. Dawn jinkludu l-aspetti tal-prezz/l-ispejjeż u attwalment huma aggravati minħabba l-isfidi politiċi kbar li l-UE qed tiffaċċja, bħalma huma t-terroriżmu, il-populiżmu, l-elezzjonijiet nazzjonali u, mil-lat ekonomiku, investiment baxx, tkabbir baxx, rata għolja ta’ qgħad, tibdil demografiku u l-pożizzjoni tal-Ewropa fir-rivalità globali ġdida għall-poter permezz tal-kummerċ u d-diġitizzazzjoni.

    2.2.

    Għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-inugwaljanzi fid-dħul u l-inugwaljanzi fil-ġid, għaliex dawn tal-aħħar għandhom effett aktar fit-tul, li jagħmilha kruċjali li jiġu eżaminati aktar fil-fond. Il-ġid huwa sistematikament imqassam b’mod aktar inugwali mid-dħul. Spiss, l-operaturi ekonomiċi jista’ jkollhom dħul relattivament simili, iżda jkollhom differenzi enormi fil-ġid tagħhom għal numru ta’ raġunijiet mhux monetarji, altruwistiċi, ta’ wirt u oħrajn. B’riżultat ta’ dan, l-enfasi fuq l-inugwaljanzi fil-ġid tagħtina ħarsa aktar oġġettiva lejn id-disparitajiet monetarji reali bejn iċ-ċittadini tal-UE.

    2.3.

    Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-iżviluppi ekonomiċi fl-Ewropa huma dejjem iżjed dinamiċi, u huma ta’ sfida għall-istituzzjonijiet u l-kapaċità tagħhom biex ilaħħqu mat-tibdil. Din il-kwistjoni hija wkoll partikolarment f’waqtha fir-rigward tad-dibattitu rigward id-diverġenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri tal-UE. Hemm differenzi sostanzjali bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk fil-fażi tal-iżvilupp, bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant, bejn l-Istati Membri fi ħdan iż-żona tal-euro u dawk barra, bejn l-Istati Membri ta’ Schengen u dawk li mhumiex fiż-żona ta’ Schengen.

    2.4.

    Il-KESE jinnota li l-inugwaljanza fid-dħul u fil-ġid fl-Ewropa żdiedet b’mod gradwali sa mill-1970. B’mod ġenerali, il-globalizzazzjoni għandu jkollha rwol ta’ benefiċċju biex tnaqqas id-differenzi fid-dħul u dawk materjali bejn il-pajjiżi, imma fis-snin reċenti x-xejra kienet bil-maqlub. Mhux biss l-aktar 10 % tal-familji sinjuri jaqilgħu madwar 31 % tad-dħul totali, imma għandhom ukoll 50 % tal-ġid totali fl-UE 28. It-tkabbir fil-ġid qabeż it-tkabbir fil-PDG f’ħafna pajjiżi, b’hekk dan wassal għal disparitajiet kbar wisq (2). Dawn għandhom riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi severi li jitolbu diskussjoni pubblika serja u dibattitu bejn l-esperti u l-politiċi dwar kif għandha tiġi indirizzata din il-kwistjoni, u jirrikjedu azzjoni politika.

    2.5.

    Il-KESE jemmen li hemm riskju reali li l-problema tal-inugwaljanzi tista’ tmur għall-agħar fuq livell dinji, peress li l-pass tal-iżvilupp ekonomiku fl-Ewropa huwa estremament rapidu u qed isir dejjem aktar diffiċli li titwettaq il-politika makroekonomika f’waqtha. Iż-żieda fl-inugwaljanza fid-dħul u fil-ġid matul id-deċennji reċenti hija kkonfermata minn żieda fil-koeffiċjent Gini, li żdied bħala medja fil-pajjiżi tal-OECD minn 0,29 f’nofs it-tmeninijiet għal 0,32-0,35 fl-2013-2015. Ix-xejra f’pajjiżi individwali tal-UE hija simili (3). Madankollu, għandu jiġi nnutat li f’pajjiżi bħall-Bulgarija, il-Litwanja u r-Rumanija diġà laħaq valuri kritiċi akbar minn 0,37 (4). Minkejja l-fatt li hemm ammont kbir ta’ data u studji dwar l-inugwaljanzi fid-dħul, hemm ħafna inqas evidenza dwar l-inugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-ġid tal-familji, kemm fi ħdan il-pajjiżi kif ukoll bejniethom. Fil-fatt, anke llum, ma jeżisti l-ebda standard internazzjonali li l-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali u produtturi oħra tad-data jistgħu jużaw meta jiġbru data dwar id-distribuzzjoni tal-ġid (5).

    2.6.

    Huwa inkwetanti li, minħabba nuqqas ġenerali ta’ fiduċja f’ħafna ekonomiji Ewropej, profitti akkumulati ma jiġux investiti mill-ġdid u dan wassal għal trażżin tal-kompetizzjoni, tnaqqis qawwi fl-investiment u nuqqas ta’ impjiegi ġodda. Fil-ktieb tiegħu (6), Thomas Piketty jipprovdi evidenza empirika dwar din il-kwistjoni, filwaqt li jeżamina l-ekonomija Ewropea b’mod partikolari. Meta l-profitt jiġi sempliċement akkumulat u kapitalizzat mill-ġdid ma jgħinx biex jipproduċi valur miżjud jew biex iżid ir-redditu fuq ir-riżorsi fl-ekonomija reali. Għalhekk huwa loġiku li l-qasma bejn is-sinjuri u l-fqar baqgħet tikber fl-UE għal għexieren ta’ snin.

    2.7.

    Il-KESE jaħseb li hemm ir-riskju li l-klassijiet medji fl-UE se jkunu taħt pressjoni fuq perjodu medju ta’ żmien. Fil-futur qrib, aktar u aktar impjiegi se jgħibu bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni. Barra minn hekk, qed jisparixxu wkoll ċerti tipi ta’ professjonijiet, għalkemm hemm evidenza attwali u mill-imgħoddi li dawn ix-xejriet aktarx joħolqu wkoll impjiegi u professjonijiet ġodda. Dawn it-tibdiliet – jekk ma jiġux ġestiti b’mod adegwat – huma mistennija jikkontribwixxu għal inugwaljanzi li dejjem jikbru. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-ħin biex tilqa’ għall-konsegwenzi negattivi ta’ dawk li mill-bqija huma proċessi innovattivi u ġeneralment ta’ benefiċċju soċjali ta’ tiġdid teknoloġiku.

    2.8.

    Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu li l-proporzjon bejn ir-rata tal-profitt u l-valur miżjud prodott mill-fattur tax-xogħol fl-Istati Membri qed isir dejjem aktar sproporzjonat. Dan iwassal għal żieda fl-inugwaljanzi fl-Ewropa, kemm fil-ġid kif ukoll fid-dħul.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Hemm it-tendenza li l-inugwaljanzi fil-ġid ikunu ferm akbar mill-inugwaljanzi fid-dħul (7). Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-ewwel u qabel kollox l-Istati Membri huma dawk li għandhom l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom – bħalma huma l-programmi għall-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ġodda, u t-tassazzjoni u t-trasferimenti soċjali – sabiex jindirizzaw l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali. Madankollu, hemm lok għal azzjoni fil-livell Ewropew ukoll u l-kwistjoni għandha tiġi indirizzata b’mod aktar serju mill-istituzzjonijiet Ewropej, għaliex l-effetti tagħha fuq iċ-ċiklu kummerċjali reali jkunu kumplessi u ferm aktar fit-tul. Il-politiki eżistenti jkomplu jimmiraw lejn id-dħul aktar milli l-ġid.

    3.2.

    Il-problema prinċipali, kif jaraha l-KESE, hija li l-ekonomija Ewropea tiġġenera tkabbir li spiss jonqos milli jkun ta’ benefiċċju għal dawk li għandhom diffikultajiet ekonomiċi. L-intenzjoni bl-ebda mod mhija li jkun hemm oppożizzjoni għall-funzjonament tal-ekonomija tas-suq, li toffri opportunitajiet biex jiġi ġġenerat il-ġid permezz tal-innovazzjoni, it-twaqqif tan-negozji, il-ħolqien tal-impjiegi u b’hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-finanzjament tas-sigurtà soċjali. Madankollu, b’mod ġenerali, il-persuni li jinsabu fil-qiegħ tal-piramida tar-ridistribuzzjoni tal-ġid u tad-dħul, ma jibbenefikawx minn impjiegi maħluqa reċentement. Minn dan isegwi li s-soċjetà tkun aktar ugwali finanzjarjament jekk il-politika tal-Unjoni Ewropea timmira lejn miżuri li jippermettu aktar u aktar persuni jidħlu fis-suq tax-xogħol u jaqsmu l-benefiċċji ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv. F’dan is-sens, it-tnaqqis tal-inugwaljanza fil-ġid u l-konsolidazzjoni tat-tkabbir ekonomiku fit-tul huma differenti iżda relatati.

    3.3.

    Il-KESE jinsab imħasseb li l-akkumulazzjoni dejjem tikber tal-ġid tista’ toħloq soċjetà b’mentalità ta’ renti akbar, li twassal biex il-ġid li ma jiġix investit mill-ġdid. Għalhekk dan ma jikkontribwixxix għall-iżvilupp tal-ekonomija reali u għal żieda fil-PDG potenzjali. Din hija l-problema ewlenija li Piketty jittratta fil-ktieb tiegħu – il-frott ta’ ħmistax-il sena ta’ riċerka u ġbir ta’ data empirika dwar l-inugwaljanza fid-dħul u fil-ġid f’soċjetajiet kapitalisti. Ir-riżultati finali juru diskrepanzi sinifikanti fl-UE, anke jekk xi wħud mill-metodi tiegħu huma kkontestati minn xi wħud. Skont id-data ta’ Piketty, ir-rata ta’ redditu annwali fuq il-kapital hija 4 % sa 5 %, filwaqt li t-tkabbir annwali fid-dħul fiċ-ċentru tal-Ewropa huwa madwar 1 % sa 1,5 %, skont il-pajjiż, minħabba d-diversità tal-pajjiżi kkonċernati.

    3.4.

    Fil-fehma tal-KESE, huma meħtieġa miżuri addizzjonali f’livelli adegwati, f’oqsma bħall-finanzjalizzazzjoni eċċessiva, u aktar koordinazzjoni u armonizzazzjoni tal-politika dwar it-taxxa, miżuri kontra r-rifuġji fiskali, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, sabiex tiġi miġġielda x-xejra fit-tul tal-ekonomija sewda: dħul min-negozju rrappurtat b’mod ħażin, impjegati mhux reġistrati jew moħbija u ħlas fl-idejn u miżuri li jottimizzaw it-taħlita ta’ taxxi u l-piż tagħhom bħala sehem mid-dħul mit-taxxa tal-Istat Membru. Id-dħul mit-taxxa bbażat fuq ix-xogħol għandu jinbidel sabiex jiffavorixxi dħul ibbażat fuq il-ġid.

    3.5.

    Matul l-aħħar żewġ deċennji, il-kompetizzjoni fiskali fost l-Istati Membri wasslet biex bosta gvernijiet implimentaw miżuri li bidlu n-natura ridistributtiva tal-politika fiskali u stimolaw żieda fl-inugwaljanza. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jivvalutaw l-implikazzjonijiet negattivi tal-politiki dwar it-taxxa u jikkoreġuhom kemm jista’ jkun malajr.

    3.6.

    Il-KESE jaħseb li, bħala prijorità, il-Pjan Juncker għandu jkun immirat lejn pajjiżi bl-akbar inugwaljanzi, hi x’inhi n-natura tagħhom. Huwa imperattiv li jitħeġġeġ l-investiment barrani u domestiku. Dan kollu għandu jiġi implimentat b’mod uniformi f’armonija mal-leġislazzjoni Ewropea u l-karatteristiċi nazzjonali speċifiċi, u l-użu tal-fondi għandu jiġi ssorveljat bir-reqqa.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-Ġermanja u l-Awstrija huma l-pajjiżi fiż-żona tal-euro fejn l-inugwaljanzi fil-ġid huma l-aktar evidenti. Fil-Ġermanja, l-aktar 5 % sinjuri tal-popolazzjoni għandhom 45,6 % tal-ġid tal-pajjiż u fl-Awstrija ċ-ċifra hija ogħla fil-livell ta’ 47,6 % (8), (9). Il-problema teżisti wkoll, bl-istess tendenza, f’pajjiżi bħal Ċipru, il-Portugall, Franza, il-Finlandja, il-Lussemburgu u n-Netherlands (10). Dan juri d-diversità kbira fid-distribuzzjoni tar-riżorsi f’pajjiżi individwali. Minn naħa, dawn il-pajjiżi juru livelli baxxi tal-inugwaljanza fid-dħul, iżda min-naħa l-oħra, livelli għoljin ta’ inugwaljanza tal-ġid.

    4.2.

    Fl-1910, 10 % tal-popolazzjoni tal-Ewropa kellha 90 % tal-ġid, bl-aktar 1 % sinjuri jkollhom 50 %. Sussegwentement, bħala riżultat taż-żewġ gwerer dinjija u tad-Dipressjoni l-Kbira, li qerdu ħafna mill-kapital finanzjarju, u d-diversi politiki pubbliċi kkaratterizzati minn tassazzjoni progressivament ogħla fuq id-dħul u l-wirt, trażżin fuq l-ispekulazzjoni finanzjarja, żieda fis-salarji askapitu tad-dħul mill-kapital, u l-bqija, l-inugwaljanza naqset b’mod konsiderevoli. Fis-sebgħinijiet u fit-tmeninijiet, l-ogħla 1 % kellhom 20 % tal-ġid, id-9 % ta’ wara kellhom 30 %, u l-klassi medja ta’ 40 % kellha 40 %. L-inugwaljanza fid-dħul ukoll naqqset b’mod sinifikanti (11). Mill-1980, madankollu, l-inugwaljanza reġgħet bdiet tikber. Illum, il-kapital privat fil-pajjiżi żviluppati fl-UE 28 huwa bejn 500 % u 600 % tal-PDG, li jilħaq it-800 % fl-Italja.

    4.3.

    Fil-fehma tal-KESE, hemm ukoll problema sostanzjali fid-distribuzzjoni tal-ġid bejn is-sessi. Pajjiżi bħas-Slovakkja u Franza huma l-aktar milqutin b’mod serju, segwiti mill-Awstrija, il-Ġermanja u l-Greċja. Fis-Slovakkja u fi Franza, l-irġiel għandhom aktar minn 75 % tal-ġid u n-nisa 25 % biss, minkejja bilanċ bejn is-sessi ferm differenti f’dawn il-popolazzjonijiet. Fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fil-Greċja madwar 55 % tal-ġid jappartjeni għall-irġiel (12). Huwa importanti li jiġu vvalutati r-raġunijiet għal dawn ix-xejriet u jekk dan l-aspett għandux jiġi kopert minn politika għall-UE kollha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    4.4.

    Il-KESE jaħseb li t-tqassim tal-ġid huwa importanti ħafna biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ vokazzjonali, tal-firxa tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni u l-bqija. Irridu, f’konformità mal-Mudell Soċjali Ewropew, nirrispettaw il-prinċipji fundamentali – opportunitajiet indaqs u trattament indaqs, ugwaljanza bejn is-sessi, nondiskriminazzjoni u ġustizzja interġenerazzjonali. Ir-riformi strutturali li għandhom l-għan li jżidu l-kapital uman huma importanti biex itejbu l-istandards tal-għajxien u jistfgħu jnaqqsu wkoll l-inugwaljanzi fid-dħul mix-xogħol u l-inugwaljanzi fil-ġid.

    4.5.

    Madwar 44 % tal-persuni fiż-żona tal-euro għandhom dejn mal-banek jew ma’ istituzzjonijiet finanzjarji b’xi mod jew ieħor. Is-sitwazzjoni hija aħjar minn kif tinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika, pereżempju, fejn iċ-ċifra hija ta’ 75 %, imma fis-snin reċenti l-pass taż-żieda fil-pożizzjoni ta’ dejn huwa allarmanti (13). Ir-responsabbiltà tas-sistema bankarja hija wkoll kbira ħafna għaliex tista’ twettaq il-prevenzjoni primarja kontra ż-żieda fil-pożizzjoni ta’ dejn ġenerali tas-soċjetà. L-imġiba responsabbli għandha tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

    4.6.

    Il-globalizzazzjoni aċċellerata matul l-aħħar tliet deċennji żiedet il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol u reġġgħet lura l-proporzjon tal-pagi u l-kapital fil-prodott domestiku gross. Bħala riżultat, il-pagi naqsu bħala proporzjon tal-PDG b’medja annwali ta’ 0,3 % bejn l-1980 u l-2006 fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-OECD. Matul l-istess perjodu, is-sehem tal-profitt fil-PDG żdied minn madwar 31 % għal 47 % fl-UE15 (14). Il-KESE jemmen li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jimplimentaw b’urġenza politiki biex ireġġgħu lura din ix-xejra.

    4.7.

    Il-KESE jinsab imħasseb li f’pajjiżi bħar-Renju Unit u Franza aktar minn 50 % tal-ġid jinsab fis-settur tad-djar. Minn naħa waħda, dan jissuġġerixxi nuqqas ta’ diversifikazzjoni tal-ġid. Min-naħa l-oħra, ifisser li proporzjon kbir tan-nies jakkumulaw il-ġid tagħhom minn dħul mill-proprjetà immobbli. Dan il-ġid imbagħad ma jerġax jiġi investit. Ir-rikapitalizzazzjoni nnifisha takkumula. Dan iqajjem il-kwistjoni dwar il-kapital, li jiġi ġġenerat b’rata ferm aktar mgħaġġla mill-valur miżjud. L-aħħar rapport minn Oxfam (15) żvela li l-ġid tal-aktar tmien persuni sinjuri fid-dinja huwa daqs dak li għandhom l-aktar 50 % fqar – sors ta’ tħassib pubbliku komuni. Il-kapital kien fattur importanti fil-perjodu industrijali, imma meta jsir għan fih innifsu jitlef l-iskop tiegħu.

    Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Eżempju ta’ dan huwa Salverda et al. (2013, Tabelli 2.3 u 5.2).

    (2)  Piketty, Capital in the Twenty-First Century, Harvard University Press, 2014, ISBN 978-0674430006.

    (3)  L-Inugwaljanza Ekonomika, il-Parlament Ewropew: Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Impjiegi u Affarijiet Soċjali, Tgħarrif, Lulju 2016.

    (4)  Eurostat, SILC 2015.

    (5)  OECD Statistic Brief, June 2015-No 21.

    (6)  Piketty, Capital in the Twenty-First Century, Harvard University Press, 2014, ISBN 978-0674430006.

    (7)  F’termini kwantitattivi.

    (8)  Eurosystem Household Finance and Consumption Survey, 2010.

    (9)  Vermeulen 2016 (ECB WP), stimi bbażati fuq il-listi ta’ Forbes tal-iktar persuni sinjuri fid-dinja.

    (10)  HFCS 2010; Sierminska u Medgyesi 2013; Holzner, Jestl, Leitner 2015.

    (11)  Piketty, Capital in the Twenty-First Century, Harvard University Press, 2014, ISBN 978-0674430006.

    (12)  Rehm, M., Schneebaum, A., Mader, K. Hollan, K., The Gender Gap Wealth Across European Countries, Vienna University of Economics and Business, Department of Economics, Working Paper 232, September 2016.

    (13)  HFCS 2010; Sierminska and Medgyesi 2013; Holzner, Jestl, Leitner 2015.

    (14)  OECD, In It Together: Why Less Inequality Benefits All, OECD Publishing, Paris 2015.

    (15)  An Economy for the 99 % (Oxfam, 2017).


    Appendiċi

    għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti.

    Punt 1.4.

    Ibdel it-test kif ġej:

    Il-KESE jaħseb li hija meħtieġa sistema li tiffunzjona tajjeb ta’ trasferimenti soċjali u assistenza soċjali. Ir-ridistribuzzjoni bħala mekkaniżmu ta’ kumpens għandha fil-parti l-kbira tagħha tikkomplementa d-distakki fis-sistema tas-suq. Għandhom jiġu żviluppati assi pubbliċi (infrastruttura, faċilitajiet għal servizzi fl-interess tal-pubbliku, eċċ.) u r-rwol tagħhom għandu jitqies bħala mezz biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi. Id-dħul fiskali għandhom jiġi mibdul minn tassazzjoni bbażata fuq ix-xogħol għal waħda bbażata aktar fuq il-ġid, b’tassazzjoni fuq il-wirt u d-dħul kapitali. L-Istati Membri għandhom jibdlu l-fokus tad-dħul mit-taxxi tagħhom u jnaqqsu t-taxxi fuq ix-xogħol.”

    Raġuni

    F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u fid-dawl tad-differenzi bejn l-Istati Membri, il-bidliet li jġib miegħu l-iżvilupp tas-soċjetà diġitali, u l-ħtieġa biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli, l-Istati Membri għandhom jaqdu rwol akbar biex jirriformaw is-sistemi tat-taxxa. Tista’ tkun possibbli li ssir tranżizzjoni mit-taxxi msemmija hawn lejn enfasi akbar fuq it-taxxi ambjentali, it-tassazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, jew forom kompletament ġodda ta’ tassazzjoni (bħalma hu t-tassazzjoni fuq il-makkinarju).

    L-emenda nċaħdet b’116-il vot favur, 95 vot kontra u 24 astensjoni.


    Top