Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0903

    Kawża T-903/16: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2016 – RE vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 53, 20.2.2017, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 53/41


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2016 – RE vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-903/16)

    (2017/C 053/50)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: RE (Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tordna l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea SEC 10.20/06/15, tat-12 ta’ Ottubru 2016, sa fejn tirrigwarda r-Regolament 45/2001, u tordna lill-konvenuta tħallas għaxart elef ewro (EUR 10 000) bħala kumpens ġust u ekwu għal danni morali li jirriżultaw mir-rifjut illegali ta’ aċċess għad-data personali tiegħu;

    tordna lill-konvenuta tipproduċi dokument relatat mar-reklutaġġ tar-rikorrent, skont l-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jew inkella, sussidjarjament, tikkomunika dan id-dokument lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura u tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent tletin elf ewro (EUR 30 000) bħala kumpens għal danni morali li jirriżultaw mill-ipproċessar illegali u mhux etiku tad-data personali tiegħu matul l-investigazzjoni;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tar-rikorrent sostnuti f’din il-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament, ir-rikorrent jallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas sħiħ ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ data li għaliha ma ġiet invokata l-ebda eċċezzjoni li tiġġustifika r-rifjut li r-rikorrent jingħata aċċess għal din id-data personali.

    Barra minn hekk, ir-rikorrent jgħid li, sa fejn ipprekludiet aċċess lir-rikorrent għad-data personali tiegħu billi invokat eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni ta’ investigazzjonijiet taħt l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament 45/2001 (1), id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali peress li naqset milli turi kif tali eċċezzjoni tkompli tapplika wara l-għeluq tal-investigazzjoni li tinvolvi r-rikorrent.

    Ir-rikorrent iżid ukoll li ċ-ċaħda fid-deċiżjoni kkontestata tat-talba speċifika tiegħu li jikseb aċċess f’forma b’partijiet imneħħija/moħbija, li tressqet għall-ewwel darba mar-rikors tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2016, għandha titqies bħala illegali, sa fejn hija ma pprovdiet l-ebda motivazzjoni biex tispjega għalfejn l-iżvelar tad-data personali tar-rikorrent f’forma b’partijiet imneħħija ma kienx possibbli f’dan il-każ, b’mod partikolari wara l-għeluq tal-investigazzjoni.

    Insostenn tar-rikors tiegħu għad-danni, ir-rikorrent jallega li sofra danni morali kkawżati mir-rifjut illegali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u Sigurtà li jagħtih aċċess għad-data personali tiegħu, li sostna dannu sinjifikattiv għall-avvanz professjonali tiegħu minħabba l-ipproċessar illegali tad-data personali tiegħu mill-imsemmi Direttorat u, b’mod iktar partikolari, mill-iżvelar illegali ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-investigazzjoni bl-intenzjoni li jiġi ppreġudikat l-iżvilupp tal-karriera tiegħu, liema dannu ma jistax jiġi rimedjat biss bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni żewġ dokumenti sabiex teżamina t-talba tar-rikorrent għal kumpens tad-dannu morali sostnut minħabba l-aġir tal-amministrazzjoni u tordna l-kumpens għad-danni morali.


    (1)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Vol. 26, p. 102)


    Top