Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0851

    Kawża T-851/16: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2016 – Access Info Europe vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 53, 20.2.2017, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 53/31


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2016 – Access Info Europe vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-851/16)

    (2017/C 053/39)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Access Info Europe (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: O. Brouwer, E. Raedts u J. Wolfhagen, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6029, tad-19 ta’ Settembru 2016, li tirrifjuta li tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1);

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għat-tressiq u t-twettiq tal-proċedura, inklużi l-ispejjeż ta’ kwalunkwe parti intervenjenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ddeċidiet li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jimmina b’mod serju r-relazzjonijiet internazzjonali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ddeċidiet li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jimmina b’mod serju l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti mibdija fil-Kawżi T-192/16, T-193/16 u T-257/16 u li l-aċċess għall-imsemmija dokumenti jimmina l-interess tal-Kummissjoni li tfittex parir legali u li tirċievi parir frank, oġġettiv u komplet. Taħt dan il-motiv qiegħed jiġi sostnut ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi li l-aċċess għad-dokumenti mitluba huwa ta’ interess pubbliku superjuri u li għal din ir-raġuni dawn għandhom jiġu żvelati.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-ewwel u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ddeċidiet li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jimmina b’mod serju l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni u/jew billi naqset milli tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, b’mod partikolari peress li l-proċċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni inkwistjoni ġie ffinalizzat.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljat tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ma tatx tal-inqas aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba u żammithom mistura kompletament.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


    Top