EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0103

Kawża T-103/15: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2015 – Flabeg Deutschland vs Il-Kummisjoni

ĠU C 138, 27.4.2015, p. 62–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/62


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2015 – Flabeg Deutschland vs Il-Kummisjoni

(Kawża T-103/15)

(2015/C 138/81)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Flabeg Deutschland GmbH (Nürnberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Küper u E.-M. Schwind, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-25 ta’ Novembru 2014 fil-proċedura “Għajnuna mill-Istat SA. 33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – C (2014) 8786 finali”, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3(1) u (2), 4 u 5 tagħha (attribuzzjoni tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat u konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-EEG 2012, inkluża l-iskema speċjali ta’ kumpens tagħha, mas-suq komuni) kif ukoll id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 6 u 7 tagħha (ordni ta’ rkupru parzjali immedjat mingħand il-benefiċjarji);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv: il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex issodisfati.

Ir-rikorrenti ssostni li l-mekkaniżmu tat-taxxa EEG u l-iskema speċjali ta’ kumpens tal-EEG 2012 ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-każ li jeħtieġ li l-iskema speċjali ta’ kumpens tal-EEG 2012 titqies li hija għajnuna, din hija ġġustifikata skont l-Artikolu 107(3)(b) u (ċ) TFUE (promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġett fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew jew l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi mingħajr tfixkil tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ fi grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni) u għalhekk ma hijiex kuntrarja għad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.

It-tieni motiv: inapplikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-enerġija (the Environmental and Energy State Aide Guidelines – Lijni Gwida), li huma determinanti għal pjan ta’ adattament.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Linji Gwida, li huma determinanti għall-iffissar tal-ammont li għandu jiġi rkuprat konformement mal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni tal-konvenuta, u li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014 ma humiex applikabbli għaliha, fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità tal-azzjoni amministrattiva, li japplika wkoll fil-livell tal-UE, u minħabba l-fatt li l-istrumenti kkunsidrati, jiġifieri l-mekkaniżmu tat-taxxa EEG u l-iskema speċjali ta’ kumpens tal-EEG 2012, ma humiex għajnuna.


Top