EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0068

Kawża T-68/15: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2015 – Scandlines Øresund et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 138, 27.4.2015, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/56


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2015 – Scandlines Øresund et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-68/15)

(2015/C 138/73)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Scandlines Øresund I/S (Helsingør, id-Danimarka), HH Ferries Helsingor ApS (Helsingør, id-Danimarka), HH-Ferries Helsingborg AB (Helsingborg, l-Isvezja) (rappreżentanti: M. Johansson, R. Azelius u P. Remnelid, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din it-talba qed titressaq skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Ottubru 2014 taħt l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (fil-Każijiet SA.36558 u SA.38371 – Id-Danimarka, u SA.36662 – L-Isvezja, Għajnuna mogħtija lil Øresundsbro Konsortiet).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ evalwazzjoni.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-finanzjament tal-Faċilitajiet Hinterland ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat peress li l-miżuri kkonċernati ma kinux suġġetti għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura inkondizzjonata ta’ garanziji tal-Istat u d-dritt tal-Konsorzju li jista’ jiġi legalment implementat, sabiex jinkiseb finanzjament iggarantit mill-Istat kif ukoll rigward l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tan-numru ta’ garanziji mill-Istat.

Permezz tat-tielet u tar-raba’ partijiet, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-miżuri ta’ garanzija Svediżi jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna kif ukoll għajnuna eżistenti.

Permezz tal-ħames parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-garanziji mill-Istat huma limitati għall-finanzjament tal-Kollegament Fiss.

Permezz tas-sitt parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex raġunijiet suffiċjenti sabiex tikkonstata l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.

Taħt is-sitt parti, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma evalwatx l-effett kumulattiv tal-miżuri ta’ għajnuna differenti kollha direttament u indirettament mogħtija lill-Konsorzju.

Permezz tas-seba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali.

It-tieni motiv huwa maqsum f’dsatax-il parti, li permezz tagħhom ir-rikorrenti jsostnu li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kien insuffiċjenti u inkomplet, u li l-Kummissjoni fir-rigward ta’ diversi punti naqset milli ssegwi l-linji gwida u l-komunikazzjonijiet tagħha stess. Dawn in-nuqqasijiet jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sensiela konsistenti ta’ indizji li turi li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tirriżolvi d-diffikultajiet serji kollha identifikati fil-każ inkwistjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni bi żball naqset milli tiżgura d-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti jibbenefikaw minnhom skont l-Artikolu 108(2) TFEU.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Permezz tat-tielet u l-aħħar motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli taċċerta li l-indikazzjonijiet u r-raġunijiet fid-deċiżjoni kkontestata kienu preċiżi biżżejjed għar-rikorrenti li jiddefendu d-drittijiet tagħhom u għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. In-nuqqasijiet allegati fir-raġunament jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Faċilitajiet Hinterland, il-garanziji tal-Istat, il-vantaġġi ta’ taxxa Daniżi, is–self mill-Istat Daniż u, fl-aħħar nett, il-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward kompatibbiltà mas-suq intern u aspettattivi leġittimi huma bbażati fuq raġunament ċirkolari.


Top