Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0540

Kawża C-540/14 P: Appell ippreżentat fis- 27 ta’ Novembru 2014 minn DK Recycling und Roheisen GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis- 26 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-630/13, DK Recycling und Roheisen GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 26, 26.1.2015, pp. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/21


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2014 minn DK Recycling und Roheisen GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-26 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-630/13, DK Recycling und Roheisen GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-540/14 P)

(2015/C 026/26)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: DK Recycling und Roheisen GmbH (rappreżentanti: S. Altenschmidt u P.-A. Schütter, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

1.

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fis-26 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-630/13, sa fejn il-kumplament tar-rikors huwa miċħud fil-punt 2 tad-dispożittiv;

2.

tilqa’, fl-intier tagħhom, it-talbiet ippreżentati fir-rikors tal-ewwel istanza billi tannulla l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/EU (1), tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2013) 5666), sa fejn jiċħad l-inklużjoni tal-installazzjonijiet elenkati fl-Anness IA, bil-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ installazzjoni DE000000000001320 u DE-new-14220-0045, fil-lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE, ippreżentati lill-Kummissjoni mill-Ġermanja, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll il-kwantitajiet annwali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas lil dawn l-installazzjonijiet;

3.

sussidjarjament, tannulla s-sentenza msemmija fil-punt 1 u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

4.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tat-tielet alternattiva tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Billi kisret id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni r-rifjut tal-Kummissjoni li talloka mingħajr ħlas kwoti ta’ emissjonijiet abbażi ta’ klawżola ta’ diffikultajiet eċċessivi ta’ Stat Membru. Is-sentenza appellata tikser id-drittijiet li l-appellanti għandha bis-saħħa tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

L-appellanti ssostni, fir-rigward tal-aggravju invokat, li, fid-Deċiżjoni 2011/278/UE, il-Kummissjoni ma ppreveditx, fid-dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, prekawzjoni intiża għal protezzjoni individwali suffiċjenti tad-drittijiet fundamentali. Skont id-Deċiżjoni 2011/278/UE, l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet issir abbażi ta’ parametri ta’ kalkolu standard. Madankollu, id-deċiżjoni ma tipprevedix dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġu allokati mingħajr ħlas kwoti supplimentari ta’ emissjonijiet fil-każijiet fejn, b’applikazzjoni tal-parametri ta’ kalkolu standard, l-allokazzjoni timplika piż eċċezzjonali jew diffikultajiet eċċessivi każ b’każ.

Iċ-ċaħda tar-rikors tikser id-drittijiet fundamentali tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Qorti Ġenerali limitat ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-effett oneruż klassiku tas-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet u tas-sistema ta’ allokazzjoni skont id-Deċiżjoni 2011/278/UE. Kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali injorat kompletament il-protezzjoni individwali neċessarja tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti.


(1)  ĠU L 240, p. 27.


Top