This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0114(01)
Decision No E3 of 19 October 2011 concerning the transitional period as defined in Article 95 of Regulation (EC) No 987/2009 of the European Parliament and of the Council Text of relevance to the EEA and to the EC/Switzerland Agreement
Deċiżjoni Nru E3 tad- 19 ta' Ottubru 2011 dwar il-perjodu ta' tranżizzjoni kif definit fl-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera
Deċiżjoni Nru E3 tad- 19 ta' Ottubru 2011 dwar il-perjodu ta' tranżizzjoni kif definit fl-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera
ĠU C 12, 14.1.2012, p. 6–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 19/05/2014; Mibdul minn 32014D0520(03)
14.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 12/6 |
DEĊIŻJONI Nru E3
tad-19 ta' Ottubru 2011
dwar il-perjodu ta' tranżizzjoni kif definit fl-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)
2012/C 12/03
IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(d) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (1), skont liema l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli biex tħeġġeġ kemm tista' l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, b'mod partikolari billi timmodernizza proċeduri għall-iskambju tal-informazzjoni u l-addattament tal-fluss tal-informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet għal skopijiet ta' skambju permezz ta' mezzi elettroniċi, b'kunsiderazzjoni tal-iżvilupp tal-ipproċessar tad-dejta f'kull Stat Membru,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistipula l-proċedura tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (2) skont liema l-Kummissjoni Amministrattiva għandha s-setgħa li tistabbilixxi l-istruttura, il-kontenut, il-format u l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju ta' dokumenti u dokumenti elettroniċi strutturati u tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi biex l-informazzjoni, id-dokumenti jew id-deċiżjonijiet jintbagħtu lill-persuna kkonċernata permezz ta' mezzi elettroniċi,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 95(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, dwar il-perjodu tranżitorju, li jiddikjara li Kull Stat Membru jista’ jibbenefika minn perjodu tranżitorju għall-iskambju ta’ dejta permezz ta’ mezzi elettroniċi u li dawn il-perjodi tranżitorji ma għandhomx jaqbżu l-24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ implimentazzjoni,
Wara li kkunsidrat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, skont liema l-Kummissjoni Amministrattiva tista' taqbel dwar kull estensjoni xierqa ta' dawn il-perjodi jekk it-twassil tal-infrastruttura Komunitarja neċessarja (Skambju Elettroniku tat-Tagħrif tas-Sigurtà Soċjali – EESSI) ikollha dewmien serju fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' implimentazzjoni.
Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jipprevedi perjodu tranżitorju ta' 24 xahar mid-dħul fis-seħħ sabiex jippermetti lill-Istati Membri li jimplimentaw u jintegraw l-infrastruttura nazzjonali meħtieġa għall-iskambju ta' dejta permezz ta' mezzi elettroniċi. |
(2) |
L-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Amministrattiva biex taqbel fuq estensjoni tal-perjodu tranżitorju għall-Istati Membri jekk it-twassil tal-infrastruttura Komunitarja jkollu dewmien serju. |
(3) |
Fuq il-bażi ta' analiżi mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kumitat tat-Tmexxija tal-Proġett EESSI, il-Kummissjoni Amministrattiva għamlet stima ġenerali tas-sitwazzjoni tal-proġett fil-livell tal-UE u fil-livelli nazzjonali. |
(4) |
Skont din l-valutazzjoni, hemm bżonn ta' estensjoni tal-perjodu tranżitorju sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tas-sistema EESSI, b'kunsiderazzjoni tal-progress tal-preparazzjonijiet fil-livelli nazzjonali u fil-livell tal-UE filwaqt li fl-istess ħin jiġi kkunsidrat li huwa fl-interess tal-partijiet kollha li din l-estensjoni tkun limitata fil-ħin. |
(5) |
B'kunsiderazzjoni tal-kumplessità teknika tal-proġett u fid-dawl tad-diversi soluzzjonijiet ta' implimentazzjoni possibbli fejn kull waħda fosthom għandha medda ta' żmien differenti, il-Kummissjoni Amministrattiva tqis li huwa xieraq li testendi l-perjodu tranżitorju b'24 xahar apparti l-perjodu identifikat skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. |
(6) |
Madankollu, il-Kummissjoni Amministrattiva tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jibdew l-iskambju tad-dejta elettronika mill-aktar fis possibbli, mingħajr dewmien, sabiex il-perjodu tal-iskambju parallel elettroniku u tal-karti jiġi limitat kemm jista' jkun, skont l-istadji intermedjarji importanti li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni Amministrattiva, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kumitat tat-Tmexxija tal-Proġett EESSI. |
(7) |
Il-Kummissjoni Amministrattiva qiegħda ssejjaħ lill-Kumitat tat-Tmexxija tal-Proġett EESSI sabiex jistabbilixxi għodda tal-monitoraġġ xierqa, biex jipproponi stadji intermedjarji importanti u jimmonitorja mill-qrib il-progress tal-implimentazzjoni tal-EESSI f'kull Stat Membru matul il-perjodu estiż. |
(8) |
Skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, il-Kummissjoni Amministrattiva tista' tirrevedi din id-deċiżjoni fuq il-bażi tal-ippjanar u l-analiżi inġenerali tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Proġett EESSI. |
(9) |
Id-Deċiżjoni Nru E1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-perjodu tranżitorju tal-iskambju ta’ dejta permezz ta’ mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) se tibqa' tapplika mutatis mutandis matul il-perjodu estiż. |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
1. |
Il-perjodi tranżitorji, imsemmija fl-Artikolu 95(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għall-iskambju sħiħ tad-dejta permezz ta' mezzi elettroniċi mill-Istati Membri se jiġi estiż b'24 xahar sat-30 ta' April 2014. |
2. |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-ewwel jum tax-xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva
Elżbieta ROŻEK
(1) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
(3) ĠU C 106, 24.4.2010, p. 9.