Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0022

    Kawża C-22/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fis- 17 ta’ Jannar 2011 — Finnair Oyj vs Timy Lassooy

    ĠU C 80, 12.3.2011, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 80/15


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fis-17 ta’ Jannar 2011 — Finnair Oyj vs Timy Lassooy

    (Kawża C-22/11)

    2011/C 80/30

    Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

    Qorti tar-rinviju

    Korkein oikeus

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Finnair Oyj

    Konvenut: Timy Lassooy

    Domandi preliminari

    (1)

    Ir-Regolament Nru 261/2004 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata biss għall-każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba li l-kumpannija tal-ajru ħadet wisq riżervazzjonijiet għal raġunijiet ekonomiċi, jew jista’ jiġi applikat ukoll f’każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi?

    (2)

    L-Artikolu 2(j) tar-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet ammissibbli stabbiliti fih huma llimitati biss għall-fatturi li jirrigwardaw lill-passiġġieri, jew każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jitqiesu bħala iġġustifikati għal raġunijiet oħra? Jekk ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jkunu validament iġġustifikati minn raġunijiet barra dawk li jirrigwardaw lill-passiġġieri, għandu jiġi kkunsidrat li l-każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jkunu ġġustifikati wkoll minn ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-premessi 14 u 15 tar-regolament?

    (3)

    Dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru jista’ jkun eżentat minn responsabbiltà taħt l-Artikolu 5(3) mhux biss fir-rigward ta’ titjira li huwa kkanċella minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda wkoll fir-rigward tal-passiġġieri fuq titjiriet sussegwenti, meta jipprova jqassam l-effetti negattivi ikkawżati minn ċirkustanzi eċċezzjonali li ltaqgħa magħhom, bħal pereżempju strajk, fost il-membri ta’ grupp usa ta’ passiġġieri minn dik tal-passiġġieri tat-titjira kkanċellata billi jippjana mill-ġdid it-titjiriet sussegwenti, sabiex l-ebda passiġġier ma jkun suġġett għal dewmien mhux raġjonevoli? Fi kliem ieħor, it-trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali anki fir-rigward ta’ passiġġier fuq titjira sussegwenti li l-vjaġġ tagħha ma kienx direttament affettwat minn dawn iċ-ċirkustanzi? F’dan ir-rigward, teżisti differenza sinjifikattiva skont jekk l-istatus tal-passiġġier u d-dritt għal kumpens jiġux evalwati fid-dawl tal-Artikolu 4 tar-regolament, dwar il-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira, jew mal-Artikolu 5 tiegħu, dwar il-kanċellazzjoni ta’ titjira?


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10)


    Top