Atlasiet eksperimentālās funkcijas, kuras vēlaties izmēģināt!

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 52008IP0545

Appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Novembru 2008 dwar l-appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili (2008/2140(INI))

ĠU C 16E, 22.1.2010., 28.–32. lpp. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 16/28


Appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili

P6_TA(2008)0545

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili (2008/2140(INI))

(2010/C 16 E/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 li ġġib l-isem L-appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili (COM(2008)0013) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni dwar l-istudju tal-impatt (SEC(2008)0047),

wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (COM(2008)0016) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, dwar l-istudju tal-impatt (SEC(2008)0052),

wara li kkunsidra l-proposta għal-direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE, 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (COM(2008)0018) d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, dwar l-istudju tal-impatt (SEC(2008)0054),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-22 ta' Novembru 2007 li ġġib l-isem Pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija tal-enerġija (SET-PLAN): Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju (COM(2007)0723) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, dwar mappa teknoloġika (SEC(2007)1510) u dwar mappa tal-kapaċitajiet (SEC(2007)1511)

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 bit-titolu “20 għal darbtejn sa l-2020: L-opportunitajiet dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa” (COM(2008)0030),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 bit-titolu “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” (COM(2007)0001),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0418/2008),

A.

Billi l-użu ta' fjuwils fossili fi ħdan l-UE, skont l-aħħar għarfien xjentifiku u teknoloġiku, jekk ma jkunx hemm investimenti kbar fir-riċerka u l-iżvilupp f'teknoloġiji oħra, se jibqa' neċessarju għal għexieren ta' snin oħra biex is-sikurezza tal-provvista tkun fiż-żgur,

B.

billi l-faħam huwa l-uniku sors ta' enerġija fossili disponibbli fl-UE li jista' jillimita d-dipendenza dejjem tikber fuq l-importazzjoni taż-żejt u l-gass minn pajjiżi terzi li huma f'qagħda inċerta u, għalhekk, għandu importanza starteġika,

C.

billi, filwaqt li f'ħafna Stati Membri l-faħam għandu rwol ewlieni fit-taħlita ta' enerġija, l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam jeħtieġu programmi kbar ta' mmodernizzazzjoni u investiment sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra,

D.

billi ħafna Stati Membri tal-UE għandhom riżorsi kbar ta' faħam, li huma stmati li jservu għal żmien konsiderevoli fis-seklu li jmiss,

E.

billi l-użu fuq skala wiesgħa ta' teknoloġiji tal-qbid u l-ħażna tad-dijossidu tal-karbonju (CCS), — fl-impjanti tal-enerġija, kif ukoll, fuq żmien fit-tul, f'oqsma industrijali fejn hemm emissjonijiet kbar tad-CO2, — jista' jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-UE rigward il-klima li jmorru lilhinn mis-sena 2020, u billi l-użu ta' dawn it-teknoloġiji għandu jikkompleta l-isforzi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija fuq in-naħa tal-provvista u d-domanda kif ukoll fil-qasam tal-enerġiji li jiġġeddu,

F.

billi l-produzzjoni tal-enerġija f'ħafna ekonomiji li qed jikbru fid-dinja tiddependi fuq il-faħam, u billi l-kisbiet tal-politika tal-klima f'dawn ir-reġjuni huma marbuta mill-qrib ħafna mal-possibilità tal-użu tal-faħam b'emissjonijiet imnaqqsa,

G.

billi l-użu ta' teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija mill-2020 ikun biss possibbli jekk permezz ta' proġetti ta' turija jinkisbu żviluppi ġodda u meħtieġa fit-teknoloġija u titjib fl-effiċjenza u fil-vijabilità ekonomika, filwaqt li fl-istess ħin ikun żgurat li jkun irrispettat l-ambjent,

H.

billi dewmien fil-bini ta' impjanti ta' turija jixħet fid-dubju l-użu ta' teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija u konsegwentement li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar il-klima,

I.

billi s'issa għad m'hemmx qafas leġiżlattiv adegwat li huwa meħtieġ għall-użu tat-teknoloġiji tas-CCS,

J.

billi l-leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam trid tiġi adottata mill-aktar fis mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u għandha tkun issupplimentata bi proposti leġiżlattivi ġodda, l-aktar fir-rigward tal-bini ta' infrastruttura tat-trasport,

K.

billi n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali jagħmilha diffiċli li l-impriżi jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment jew li investituri potenzjali jaġixxu fis-swieq finanzjarji,

L.

billi l-bini ta' mill-inqas 12-il impjant ta' turija għandu jkun appoġġjat, u billi l-proġetti ta' turija fuq livell Ewropew għandhom jintgħażlu skont jekk jipprovdux l-għarfien ġdid meħtieġ fir-rigward tat-teknoloġiji individwali u d-diversi għażliet ta' trasport u ħżin,

1.   Jenfasizza li l-għan tal-politika tal-UE dwar il-klima għandu jkun it-tnaqqis dinji tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

2.   Ifakkar fir-Rapport Speċjali tal-2005 dwar is-CCS tal-Panil Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) li identifika s-CCS bħala teknoloġija promettenti għat-tnaqqis b'ħeffa tal-emisjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, bil-potenzjal li jinkiseb tnaqqis sa 55 % sal-2100;

3.   Jirrikonoxxi li l-użu ta' teknoloġiji tas-CCS jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima wara s-sena 2020; madankollu jirrimarka li l-appoġġ għall-użu tat-teknoloġiji tas-CCS jikkumplineta l-isforzi li qed isiru biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u biex jiżdied l-użu tal-enerġiji li jiġġeddu;

4.   Ifakkar fl-impenn tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 li jistimula l-bini u t-tħaddim, sal-2015, ta' sa 12-il faċilità ta' turija ta' teknoloġiji li jippermettu l-użu sostenibbli ta' fjuwils fossili għall-produzzjoni kummerċjali tal-enerġija;

5.   Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li jitwettqu dibattiti nazzjonali u li l-esperti kollha fil-qasam ikunu involuti, sabiex tiġi enfasizzata l-importanza tat-turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili;

6.   Jaqbel mal-fehma li huwa meħtieġ li jinbnew mill-inqas 12-il impjant ta' turija fl-UE sabiex jintlaħaq l-użu mixtieq tat-teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija u l-ħżin mingħajr perikli tad-CO2 mis-sena 2020 'l quddiem; huwa tal-fehma li, jekk ikun possibbli, f'dan il-kuntest, it-turija tat-teknoloġiji tas-CCS għandha tkun appoġġjata wkoll f'faċilitajiet industrijali oħra qabel l-2020; jirrimarka li t-turija tal-proċessi tas-CCS fil-fażijiet tal-qabda, tat-trasport u tal-ħażna, jeħtieġ li tistabilixxi jekk it-teknoloġiji tas-CCS jistgħux jintużaw b'mod sikur u jekk dawn joffrux soluzzjoni effettiva f'sens ta' nefqa għall-problema tal-bidla fil-klima;

7.   Iqis l-iżvilupp u l-użu, li qed jikbru, tat-teknoloġiji tas-CCS, bħala mezz ta' kif isir progress lejn l-ilħuq simultanju tal-objettivi tas-sigurtà tal-provvista, tal-ħarsien tal-klima u tal-kompetittività;

8.   Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-irwol tal-fjuwils fossili fit-taħlita tal-enerġiji ta' ħafna pajjiżi fid-dinja, it-teknoloġiji tas-CCS fl-UE jistgħu, flimkien mal-isforzi li qed isiru biex titkabbar l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġiji li jiġġeddu, jikkontribwixxu biex tinkiseb sigurtà fil-provvista u ħarsien tal-klima;

9.   Jenfasizza li jridu jiġu stipulati kriterji stretti u li jorbtu għas-sikurezza fit-tul u l-permanenza tal-postijiet tal-ħażna;

10.   Iqis li l-ħażna taħt qiegħ il-baħar tista', f'każ ta' xi inċident, tipperikola l-ekosistemi tal-baħar;

11.   Huwa tal-fehma li l-miżuri ppreżentati mill-Kummissjoni mhumiex biżżejjed biex jipprovdu l-inċentivi mixtieqa sabiex jinbnew mill-inqas 12-il impjant ta' turija sa l-2015;

12.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta stima ddettaljata tal-ispiża ta' kull wieħed mit-12-il faċilità ta' turija, u tas-sehem tas-settur privat u tas-settur pubbliku fil-finanzjament tagħhom;

13.   Iqis li jinħtieġ impenn finanzjarju dirett biex ikun iggarantit il-bini ta' 12-il proġett ta' turija;

14.   Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-akkwist ta' kapital fis-swieq finanzjarji għall-faċilitajiet ta' turija qed ikunu imxekkla minħabba n-nuqqas ta' qafas leġiżlattiv, b'mod partikolari fil-livell nazzjonali u reġjonali, u minħabba inċertezzi rigward iċ-ċaqliq fil-ġejjieni fil-prezzijiet taċ-ċertifikati fl-iskambju ta' emissjonijiet;

15.   Huwa tal-fehma li l-ispazju ta' żmien li hemm bejn l-appoġġ potenzjali mill-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet mis-sena 2013, u l-fażi meħtieġa ta' ppjanar u bini tal-faċilitajiet ta' turija, jista' jimtela billi jitpoġġew għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji.

16.   Jipproponi, f'dan il-kuntest, li r-riżorsi mill-mekkaniżmu tal-qsim tar-riskju finanzjarju (RSFF) li ġew miżmuma wara l-adozzjoni tas-Seba' Programm ta' Riċerka ta' Qafas sakemm issir l-evalwazzjoni ta' nofs iż-żmien, għandhom jiġu allokati għall-faċilitajiet ta' turija tas-CCS, sabiex ir-riżorsi jkunu disponibbli fil-pront biex jappoġġjaw dawn il-proġetti u, jekk ikun possibbli, kif maħsub mill-Kummissjoni, biex dawn jiżdiedu b'aktar fondi bil-kooperazzjoni mal-EIB;

17.   Iqis, barra minn hekk, li, fir-rigward tal-iskema tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet tal-UE (EU ETS), l-inċentivi għall-produzzjoni tat-teknoloġiji tas-CCS għandhom jiġu miżjuda, billi jiġu allokati, fi ħdan l-EU ETS, kwoti għall-produzzjoni mistennija tat-teknoloġiji tas-CCS b'żieda ta' mill-anqas 25 % mill-2013; iqis ukoll li dawn il-kwoti għandhom, madankollu, jingħataw mhux inqas minn sentejn qabel il-bini sabiex ikunu jistgħu jiġu skambjati; iqis b'alternattiv, li għandha tkun prevista allokazzjoni ta' 500 miljun kwota ta' skambju ta' emissjonijiet għas-sostenn ta' dawn il-proġetti; barra minn hekk jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jużaw id-dħul mill-irkantar tal-kwoti ta' emissjoni fil-qafas tal-EU ETS biex ikunu ta' sostenn għat-teknoloġiji tas-CCS u għall-infrastruttura meħtieġa;

18.   Iqis li huwa assolutament meħtieġ li talanqas it-12-il faċilità ta' turija li għandhom jiġu sostnuti għandhom ikopru l-kombinazzjonijiet kollha possibbli tat-tliet teknoloġiji tas-CCS bis-sorsi differenti ta' enerġija u bl-għażliet differenti ta' ħażna u li l-għażla tas-siti tkun ispirata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-akbar diversifikazzjoni ġeoġrafika possibbli madwar l-UE,

19.   Jirrakkomanda bis-sħiħ li fl-għażla jkunu inklużi l-impjanti tal-enerġija b'qawwa minima ta' 180 MW;

20.   Huwa tal-fehma li mingħajr dewmien għandhom jiġu fformulati r-rekwiżiti għall-proċeduri ta' awtorizzazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali għat-trasport u l-ħażna;

21.   Iqis li jinħtieġ impenn ulterjuri tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa tat-trasport, u jinnota, f'dan ir-rigward, li l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni fl-Istati Membri individwali għal infrastrutturi oħra tat-trasport jistgħu jieħdu is-snin; f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni dwar l-importranza li dawn il-proċeduri jitqassru sabiex jiġi ggarantit il-bini tagħhom sal-2020;

22.   Iqis l-użu ta' fondi strutturali għall-impjanti tat-turija tas-CCS bħala possibilità biss jekk reġjuni individwali ma jkunux għadhom rabtu l-fondi ma' proġetti oħra fuq żmien fit-tul, jew ressqu proposti f'dan is-sens, u jenfasizza li l-aċċettazzjoni ta' sforzi għall-ħarsien tal-klima jiġu tonqos jekk l-approprijazzjonijiet għat-titjib fil-koeżjoni ekonomika u soċjali ikollhom jikkompetu mal-miżuri dwar il-ħarsien tal-klima;

23.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lil gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.


Augša