EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0221

Kawża C-221/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Ir-Repubblika ta’ Malta) fis- 17 ta’ Ġunju 2009 — AJD Tuna Ltd vs Direttur tal-Agrikoltura u s-Sajd u Avukat Ġenerali

ĠU C 205, 29.8.2009, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Ir-Repubblika ta’ Malta) fis-17 ta’ Ġunju 2009 — AJD Tuna Ltd vs Direttur tal-Agrikoltura u s-Sajd u Avukat Ġenerali

(Kawża C-221/09)

2009/C 205/41

Lingwa tal-kawża: Il-Malti

Qorti tar-rinviju

Prim’Awla tal-Qorti Ċivili

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AJD Tuna Ltd

Konvenuti: Direttur tal-Agrikoltura u s-Sajd, Avukat Ġenerali

Domandi preliminari

1)

Jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu ma jiġġustifikax suffiċjentement ir-raġunijiet għat-teħid tal-miżuri ta’ emerġenza adottati permezz tal-Artikoli 1, 2 u 3 tal-istess Regolament u ma jagħtix stampa ċara biżżejjed tal-motivazzjoni ta’ tali miżuri, huwiex invalidu peress illi jivvjola l-Artikolu 253 tat-Trattat;

2)

Jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu fil-Premessi tiegħu ma jindikax adekwatament (i) l-eżistenza ta’ theddida serja għall-konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall-ekosistema tal-baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas-sajd u (ii) il-bżonn li tittieħed azzjoni immedjata, huwiex invalidu peress illi jivvjola l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 2371/2002;

3)

Jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 huwiex invalidu inkwantu l-miżuri li ttieħdu jċaħħdu lil operaturi Komunitarji bħas-soċjetà rikorrenti mill-aspettativi leġittimi tagħhom mibnija fuq il-bażi tal-Ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 446/2008 tat-22 ta’ Mejju 2008 u tat-Tieni Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 2371/2002 tal-20 ta’ Dicembru 2002;

4)

Jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 huwiex invalidu minħabba li jivvjola l-prinċipju tal-proporzjonalità inkwantu jfisser illi (i) ebda operatur Komunitarju ma jista’ jġestixxi attività ta’ ħatt fl-art jew tqegħid f’gaġeġ ta’ tonn bl-iskop li jkabbar u jsemmen l-istess anke rispettivament għal tonn maqbud preċedentement u għalhekk perfettament f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008; u (ii) ebda operatur Komunitarju ma jista’ jisvolġi dawn l-attivitajiet rispettivament għal tonn maqbud minn sajjieda li l-bastimenti tagħhom ma jtajrux il-bandiera ta’ xi wieħed mill-Istati Membri elenkati fl-Ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 anke jekk dan it-tonn ikun ġie maqbud konformement mal-kwoti stabiliti taħt l-International Convention for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT);

5)

Jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 huwiex invalidu minħabba li jivvjola l-prinċipju tal-proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni naqset milli turi illi l-miżura li kienet sejra tieħu kienet sejra tikkontribwixxi għat-tkabbir mill-ġdid tal-ħażna tat-tonn;

6)

Jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu jagħmel distinzjoni bejn purse seiners taħt il-bandiera Spanjola u dawk taħt il-bnadar tal-Greċja, l-ltalja, Franza, Ċipru u Malta, u inkwantu jagħmel distinzjoni bejn dawn is-sitt Stati Membri u Stati Membri oħra, huwiex invalidu minħabba li l-miżuri adottati huma irraġonevoli u diskriminatorji fuq il-bażi tan-nazzjonalità kontra l-Artikolu 12 tat-Trattat li Jistabilixxi l-Komunità Ewropea;

7)

Jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu l-partijiet interessati u l-Istati Membri ma ngħataw ebda ċans li jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom qabel it-teħid tad-deċiżjoni, huwiex invalidu minħabba li l-prinċipji tal-ġustizzja kif protetti permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma ġewx rispettati;

8)

Jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu l-partijiet interessati u l-Istati Membri ma ngħataw ebda ċans li jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom qabel it-teħid tad-deċiżjoni, huwiex invalidu minħabba li l-prinċipju tal-kuntradittorju (audi alteram partem) bħala prinċipju ġenerali tad-Dritt Komunitarju ma ġiex rispettat;

9)

Jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 2371/2008 huwiex invalidu minħabba li l-prinċipju tal-kuntradittorju (audi alteram partem) bħala prinċipju ġenerali tad-Dritt Komunitarju u/jew il-prinċipji tal-ġustizzja kif protetti permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma ġewx rispettati, u konsegwentement jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, minħabba li huwa ibbażat fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 2371/2008, huwiex invalidu;

10)

Jekk, kemm-il darba jiġi deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 huwa validu, dan ir-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens illi l-miżuri stabbiliti permezz tal-Artikolu 3 tal-istess Regolament jipprojbixxu ukoll li operaturi Komunitarji jaċċettaw il-ħatt l-art, it-tqegħid f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jew it-trażbordi f’ilmijiet jew f’portijiet tal-Komunità ta’ tonn maqbud fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ xi Stat extra-Komunitarju u li jistadu bil-purse seines.


Top