EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0216

Kawża C-216/09 P: Appell ippreżentat fil- 15 ta’ Ġunju 2009 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) mogħtija fil- 31 ta’ Marzu 2009 fil-Kawża T-405/06, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 205, 29.8.2009, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/22


Appell ippreżentat fil-15 ta’ Ġunju 2009 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) mogħtija fil-31 ta’ Marzu 2009 fil-Kawża T-405/06, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-216/09 P)

2009/C 205/38

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre u X. Lewis, aġenti)

Appellati: ArcelorMittal Luxembourg SA, li qabel kienet Arcelor Luxembourg SA, ArcelorMittal Belval & Differdange, li qabel kienet Arcelor Profil Luxembourg SA, ArcelorMittal International, li qabel kienet Arcelor International SA

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2009 mogħtija fil-Kawża T-405/06, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni, sa fejn annullat il-multi imposti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2006) 5342 finali, tat-8 ta’ Novembru 2006 (1), fuq ArcelorMittal Belval & Differdange SA (li qabel kienet ProfilARBED) u fuq ArcelorMittal International SA (li qabel kienet TradeARBED),

tiċħad ir-rikors ta’ ArcelorMittal Belval & Differdange SA u ta’ ArcelorMittal International SA

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqajjem aggravju wieħed insostenn tal-appell tagħha bbażat fuq il-ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tar-regoli dwar il-preskrizzjoni tal-proċeduri.

Skont il-Kummissjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija bbażata fuq interpretazzjoni letterali u eċċessivament restrittiva tad-Deċiżjoni 715/78/KEFA (2) u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 3 tagħha, sa fejn tagħmel distinzjoni bejn l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni u s-sospensjoni tagħha. Fil-fatt, b’mod differenti mill-Artikolu 2(2) li jipprevedi espressament l-effett erga omnes tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, l-Artikolu 3 ma jgħid xejn dwar il-kwistjoni tal-effetti tas-sospensjoni. Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija vvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn tikkonkludi li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni li tirriżulta mill-fatt li parti tressaq proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qorti Komunitarja tgħodd biss fir-rigward tal-impriża rikorrenti u tikkunsidra għalhekk li t-terminu tal-preskrizzjoni skada fir-rigward tal-partijiet l-oħra.

Il-Kummissjoni tirrileva li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-effett relattiv tas-sospensjoni ma jistax jiġi dedott mis-silenzju leġiżlattiv u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 715/78/KEFA għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, dwar il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tipproċedi kontra u tissanzjona effettivament il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5342 finali, tat-8 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] dwar ftehim u prattiki miftiehma li jimplikaw lil produtturi Ewropej tat-travi (Każ COMP/F/38.907 — Travi tal-azzar)

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 715/78/KEFA, tas-6 ta’ April 1978, dwar il-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċeduri u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 94, p. 22).


Top