EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0508

Kawża C-508/08: Rikors ippreżentat fl- 20 ta' Novembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Malta

ĠU C 32, 7.2.2009, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/18


Rikors ippreżentat fl-20 ta' Novembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Malta

(Kawża C-508/08)

(2009/C 32/28)

Lingwa tal-kawża: Il-Malti

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J. Aquilina, K. Simonsson, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta' Malta

Talbiet

tiddikjara li, billi ffirmat, mingħajr ma saret sejħa għal offerti minn qabel, kuntratt esklużiv ta' servizz pubbliku mal-kumpanija “Gozo Channel Company Ltd.” (GCCL), fis-16 ta' April 2004, ir-Repubblika ta' Malta naqset mill-obbligi tagħha taħt ir-Regolament tal-Kunsill Nru 3577/1992 (1) tas-7 ta' Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta' liberta' li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri, b'mod speċifiku l-Artikoli l u 4 tiegħu,

tikkundanna lir-Repubblika ta' Malta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Biex ikunu jistgħu jipprovdu għal kuntratt eskluziv sabiex ikopri s-servizz marittimu bejn Malta u Għawdex, l-awtoritajiet Maltin għandhom ikunu f'pożizzjoni li juru li dan il-kuntratt huwa neċessarju sabiex jimponu l-obbligi ta' servizz pubbliku li huma jqisu neċessarji ħalli jiżguraw livell ta' servizz xieraq fir-rotta inkwistjoni, u li dan il-kuntratt huwa proporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex.

Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi mal-ewwel li servizz sodisfaċjenti huwa assolutament fundamentali għar-rotta bejn Malta u Għawdex, hija tikkonstata min-naħa l-oħra li f'dan il-każ l-awtoritajiet Maltin bl-ebda mod ma ressqu din il-prova: f'dan is-sens, huma lanqas fittxew li jistabbilixxu jekk operatur jew operaturi privati kinux lesti li jiżguraw dan is-servizz bl-istess kundizzjonijiet fuq bażi purament kummerċjali. Barra minn hekk, huma ma wrewx li l-esklużività mogħtija lil GCCL hija mezz xieraq u proporzjonat sabiex jintlaħaq dan il-għan.

Barra min hekk, iċ-ċirkustanza li dan il-kuntratt ġie konkluż mingħajr ma qabel saret sejħa għal offerti Komunitarja miftuħa, intiża li tiżgura aċċess non-diskriminatorju għas-suq għal kull operatur interessat, tmur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 3577/92.


(1)  ĠU L 364, p. 7.


Top