Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0475

    Kawża C-475/08: Rikors ippreżentat fil- 5 ta' Novembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju

    ĠU C 32, 7.2.2009, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 32/13


    Rikors ippreżentat fil-5 ta' Novembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju

    (Kawża C-475/08)

    (2009/C 32/22)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Patakia u B. Schima, aġenti)

    Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

    Talbiet tar-rikorrenti

    Tikkonstata li,

    billi ma nnominax l-operaturi tas-sistemi, kif jirrikjedi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (1),

    billi ma jipprovdix biss aċċess regolat iżda wkoll aċċess negozjat ta' terzi għas-sistema, kuntrarjarment għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 25(2) tagħha,

    billi ma ttrasponix l-Artikolu 22(3)(d) u (e) u (4) tad-Direttiva 2003/55/KE,

    ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din il-direttiva.

    tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni tqajjem tliet ilmenti insostenn tar-rikors tagħha.

    L-ewwel nett, hija tikkritika lill-konvenut talli huwa ma nnominax l-operaturi tas-sistemi tat-trasmissjoni, tal-ħażna tal-gass u tat-terminali tal-gass naturali likwifikat, kif stipulat fl-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva 2003/55/KE.

    Sussegwentement hija tikkritika lill-konvenut talli huwa ħoloq inċertezza legali fir-rigward tal-kompetituri ġodda inkwantu huwa jagħti l-impressjoni li l-aċċess negozjat għas-sistema huwa alternattiva għall-aċċess regolat. Issa jirriżulta ċar mill-Artikoli 18 u 25(2) tad-Direttiva 2003/55/KE li l-aċċess regolat jirrappreżenta l-unika possibbiltà ta' aċċess ta' terzi għas-sistema u li hija l-awtorità regolatorja biss li tista' tiffissa jew tapprova, qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, għall-inqas il-metodoloġiji użati biex jinħadmu jew jiġu stabbiliti t-tariffi.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, billi eżenta l-infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass naturali mill-applikazzjoni tad-direttiva, il-konvenut ma ttrasponiex korrettament l-Artikolu 22(3)(d) tad-Direttiva, f'dak li jirrigwarda l-obbligu ta' pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, u l-Artikolu 22(3)(e) tal-istess direttiva, dwar l-obbligu ta' konsultazzjoni mal-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji l-oħrajn ikkonċernati mill-każijiet ta' interkonnessjoni ta' dawn l-infrastrutturi. Barra minn hekk, il-konvenut ma stipulax fil-liġi nazzjonali tiegħu l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, mingħajr dewmien, bid-deċiżjoni dwar tali deroga kif ukoll b'kull informazzjoni rilevanti oħra relatata magħha, kif previst fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva.


    (1)  ĠU L 176, p. 57.


    Top