EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE0279

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-perspettivi tar-riċerka Ewropea fil-qasam tal-faħam u l-azzar

ĠU C 162, 25.6.2008, p. 88–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 162/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-perspettivi tar-riċerka Ewropea fil-qasam tal-faħam u l-azzar

(2008/C 162/22)

Nhar is-27 ta' Settembru 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni addizzjonali fuq inizjattiva proprja dwar:

Il-perspettivi tar-riċerka Ewropea fil-qasam tal-faħam u l-azzar

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, li hija inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Zboril u l-ko-rapporteur kien is-Sur Gibellieri.

Matul l-442 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-13 u l-14 ta' Frar 2008 (seduta tat-13 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'158 vot favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

Parti I — Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

A.

Il-KESE huwa sodisfatt li r-reviżjoni proposta tal-linji ta' gwida tekniċi għall-programm ta' riċerka tal-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (FRFA), imressqa mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill għal deċiżjoni, tfittex li ttejjeb aktar ir-riżultati tajbinMeta titqies il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tixtieq li l-programm ikun sempliċi kemm jista' jkun għall-parteipanti, m'hemmx bżonn ta' modifiki kbar.

B.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissarju Potočnik li l-programm ta' riċerka FRFA jibqa' separat u kumplimentari għall-programm kwadru ta' riċerka u jkopri l-aspetti kollha relatati mal-faħam u l-azzar.

C.

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-proposta għal Deċiżjoni tissemplifika l-proċeduri amministrattivi, inter alia billi tħassar xi miżuri ta' akkompanjament peress li huma diġà koperti mis-7 Programm Kwadru (RTD FP), biex b'hekk iżżid l-appoġġ finanzjarju minn 40 għal 50 % għal proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni, u tippermetti lill-industrija tal-faħam u l-azzar iniedu sejħiet riżervati għall-prijoritajiet identifikati fuq il-bażi tal-ħtiġijiet strateġiċi tagħhom li jikkonverġu mas-7 Programm Kwadru ta' Riċerka u jikkompletaw l-aġendi ta' riċerka strateġika tal-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej rilevanti.

D.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tintlaqa' t-talba mis-setturi industrijali ikkonċernati biex jingħata rwol aktar importanti u proattiv kemm lill-Grupp Konsultattiv dwar il-Faħam kif ukoll lill-Grupp Konsultattiv dwar l-Azzar fil-ġestjoni tal-programm ta' riċerka FRFA, biex b'hekk ikunu jistgħu:

jeżerċitaw ir-rwoli tagħhom kif deskritti fid-Deċiżjoni 2003/78/KE

jipproponu listi ta' esperti mill-industrija, ċentri ta' riċerka u d-dinja akkademika biex ikunu involuti fl-evalwazzjoni ta' riċerka u proġetti pilota/ta' dimostrazzjoni;

jistabbilixxu prijoritajiet għall-programm ta' riċerka kumplimentari għall-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej rilevanti (ESTEP (European Steel Technology Platform — Pjattaforma Teknoloġika Ewropea dwar l-Azzar), ZEP (Zero Emission Fossil Fuel Power Plants Platform — Pjattaforma għall-Ebda Emissjonijiet mill-Impjanti Teknoloġiċi ta' l-Enerġija Bbażata fuq il-Karburanti Fossili), SMR (Sustainable Minerals Resource Platform — Pjattaforma dwar ir-Riżorsi Minerali Sostenibbli) (1);

jiddeċiedu dwar il-ħtieġa li jinħarġu sejħiet dedikati għal kwistjonijiet speċifiċi u rilevanti ħafna;

jimmodifikaw, fejn addattat, it-tifsira ta' “faħam” u “azzar” fid-dokument mehmuż mad-Deċiżjoni.

E.

Il-KESE titlob lill-Kummissjoni biex terġa' tinkludi l-kummenti u l-proposti li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tar-riċerka u l-proġetti pilota/ta' dimostrazzjoni mill-Gruppi Konsultattivi tal-Faħam u ta' l-Azzar fir-regoli ta' proċedura għall-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Programm tal-Faħam u l-Azzar.

1.   Parti 2 — Sfond

1.1

Nhar l-1 ta' Lulju 2004, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-perspettivi tar-riċerka Ewropea fil-qasam tal-faħam u l-azzar

1.2

Il-Kummissjoni Konsultattiva għall-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha (CCMI/018 — CESE 845/2005) nhar it-13 ta' Ġunju 2005. Ir-rapporteur kien is-Sur Lagerholm u l-ko-rapporteur kien is-Sur Gibellieri.

1.3

Matul l-419-il sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-13 u l-14 ta' Lulju 2005 (seduta tat-13 ta' Lulju 2005), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni msemmija hawn fuq b'57 vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.4

Aktar minn sentejn wara l-pubblikazzjoni ta' l-opinjoni tal-KESE msemmija hawn fuq, qed isiru xi tibdiliet għall-programm ta' riċerka FRFA. Fil-fatt, fl-10 ta' Lulju 2007, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Programm tal-Faħam u l-Azzar il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar reviżjoni tal-linji ta' gwida tekniċi dwar il-programm ta' riċerka FRFA għall-infiq tal-fondi fuq ir-riċerka dwar il-faħam u l-azzar.

1.5

Din ir-reviżjoni hija imposta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE, 2003/77/KE, 2003/78/KE ta' l-1 ta' Frar 2003, li ħolqot l-FRFA. Għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE wkoll ittrasferiet l-assi u r-responsabbiltajiet tal-KESE lill-Komunità Ewropea u allokat il-valur globali ta' dawn l-assi għar-riċerka fis-setturi relatati mal-faħam u l-azzar.

2.   Parti 3 — Motivazzjoni

2.1

Il-Fond ta' Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar għandu baġit annwali ta' bejn EUR 50 miljun u EUR 60 miljun għar-riċerka f'dawn iż-żewġ oqsma, iffinanzjat mill-interessi fuq l-assi tat-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li issa skada. Il-programm FRFA huwa programm separat, li jikkumplimenta l-Programm Kwadru ta' Riċerka u jkopri l-aspetti kollha tal-faħam u l-azzar, minn proċessi ta' produzzjoni sa applikazzjoni, u jħares lejn l-użu u l-konverżjoni ta' riżorsi, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ħarsien ambjentali permezz tat-titjib ta' l-użu tal-faħam bħala sors ta' enerġija nadifa u t-tnaqqis ta' emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni tal-faħam u l-azzar.

2.2

Il-proposta għal Deċiżjoni tissemplifika xi proċeduri amministrattivi, fost l-oħrajn billi:

tħassar xi miżuri ta' akkumpanjament peress li huma diġà koperti mis-7 Programm Kwadru (RTD FP);

iżżid l-appoġġ finanzjarju minn 40 għal 50 % għal proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni, u tippermetti t-tnedija ta' sejħiet dedikati dwar prijoritajiet identifikati li jikkonverġu mas-7 Programm Kwadru ta' Riċerka u li jikkumplimentaw l-aġendi ta' riċerka strateġika tal-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej rilevanti.

2.3

Il-parteċipazzjoni hija sempliċi: il-proposti jistgħu jitressqu kull ħin bid-data ta' l-għeluq tkun il-15 ta' Settembru kull sena. M'hemm l-ebda limitu għall-baġit tal-proġett jew għan-numru ta' msieħba parteċipanti f'kull proġett. Il-pajjiżi terzi jistgħu jipparteċipaw, imma ma jibbenefikaw mill-ebda appoġġ finanzjarju Ewropew. Il-proġetti huma evalwati minn esperti esterni u magħżula skond il-kwalità tar-riċerka proposta. Il-monitoraġġ tal-proġetti huwa magħmul skond proċess annwali ta' reviżjoni minn pari (peer review).

2.4

Kien ukoll meħtieġ li jsiru xi bidliet għar-regoli ta' sħubija tal-gruppi konsultattivi u għar-rwol li jaqdu l-Istati Membri fil-Kumitat tal-Programm tal-Faħam u l-Azzar, partikularment fid-dawl ta' tkabbir reċenti ta' l-Unjoni Ewropea (il-perjodiċità tar-reviżjonijiet, it-tul tal-mandati, is-sistema ta' l-għażla tal-proposti u l-monitoraġġ tal-proġetti biex jiġu evitati kunflitti ta' interess, eċċ.).

2.5

Din ir-reviżjoni hija imposta mid-Deċiżjoni leġislattiva li ħolqot l-FRFA. Fil-fehma tal-Kummisjoni l-FRFA s'issa ħadem tajjeb u għalhekk m'hemmx bżonn ta' reviżjoni profonda.

2.6

Sadanittant, il-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea dwar l-Azzar (ESTEP) kompliet bix-xogħol tagħha. L-istqarrija ta' l-istampa ta' l-ESTEP ta' Lulju 2007 turi l-ewwel riżultati ta' l-impenn tagħha fuq perijodu fit-tul għal futur sostenibbli. L-ESTEP ipproponiet Aġenda Strateġika ta' Riċerka f'Diċembru 2003 li ġiet inawgurata f'Marzu 2004.

2.7

L-ESTEP kienet fost l-ewwel pjattaformi teknoloġiċi li tiddefenixxi u tippubblika l-viżjoni tagħha tal-futur. Il-prijoritajiet ta' l-Aġenda Strateġika ta' Riċerka huma kkonċentrati fuq it-tkabbir sostenibbli, b'enfasi fuq il-kompetittività dejjiema ta' l-industrija bbażata fuq l-innovazzjoni, il-kooperazzjoni ma' l-imsieħba, l-għarfien ambjentali u l-konnessjoni qawwija tagħha mal-produtturi ta' l-azzar. Dan hu l-mod kif il-pjattaforma tikkontribwixxi għall-programmi ta' riċerka ta' l-UE.

2.8

B'mod parallel, il-prijoritajiet tal-Grupp għall-Ebda Emissjonijiet mill-Impjanti Teknoloġiċi ta' l-Enerġija Bbażata fuq il-Karburanti Fossili (ZEP) għandhom l-għan li jidentifikaw u jneħħu t-tfixkil għall-ħolqien ta' impjanti ta' l-enerġija ferm effiċjenti bi kważi l-ebda emissjonijiet li jnaqqsu drastikament l-impatt ambjentali ta' l-użu tal-karburanti fossili. Dan ser jinkludi l-ġabra u l-ħazna tas-CO2, kif ukoll teknoloġiji ta' konverżjoni nadifa li jwasslu għal titjib sostanzjali fl-effiċjenza, il-kredibilità u l-ispiża ta' l-impjanti.

2.9

Fir-rigward ta' l-aspett industrijali, hemm referenzi għaż-żmien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA, li skadiet f'Lulju 2002) fejn il-proġetti ta' Riċerka u Żvilupp koperti mill-programm rilevanti tar-Riċerka u l-Iżvilupp kienu evalwati u magħżula b'kontribut sinjifikanti mill-produtturi ta' l-azzar involuti. Il-parti tal-programm li tirrigwarda s-settur tal-faħam ġiet trattata fuq l-istess linji bħall-linji gwidi tekniċi. Dan ir-rwol ta' l-industrija kien iġġustifikat mill-fatt li l-fondi tal-KEFA ġew esklussivament mit-taxxa fuq l-industrija tal-faħam u l-azzar.

2.10

Is-sitwazzjoni nbidlet ħafna meta fl-2003 twaqqaf il-Fond ta' Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (FRFA) (Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE, 2003/77/KE, 2003/78/KE ta' l-1 ta' Frar 2003, ippubblikati fil-ĠU L 29/22, ĠU L 29/25, ĠU L 29/28 tal-5 ta' Frar 2003). F'dak iż-żmien il-fondi li kien għad fadal tal-KEFA ġew ittrasferiti għall-fond il-ġdid u l-Kummissjoni tqabbdet biex tamministra kemm il-fondi kif ukoll il-programm ta' Riċerka u Żvilupp relatat, skond l-elementi essenzjali tal-programmi ta' riċerka li kienu implimentati qabel tal-KEFA.

2.11

L-idea tal-Kummissjoni ta' l-influwenza ta' l-industrija tal-faħam u l-azzar fuq il-programm FRFA hija differenti minn dik ta' l-industrija. Biex tinżamm konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2003/78/KE, il-Kumitat tal-Programm tal-Faħam u l-Azzar u ż-żewġ Gruppi Konsultattivi tal-Faħam u l-Azzar għandhom jingħataw il-possibilità li jeżerċitaw r-rwoli li ġew allokati, li m'għandhomx jiġu limitati billi l-influwenza tagħhom tiċċaqlaq minn evalwazzjoni diretta biss għall-aspetti qabel is-sejħa għal proposti.

2.12

Bis-saħħa tal-proposta reċenti biex jiġu riveduti l-linji ta' gwida tekniċi tal-programm FRFA, il-Kummissjoni qiegħda tfittex li taddatta, kull fejn hu meqjus ta' benefiċċju, l-proċeduri u l-istrutturi formali għas-7 Programm Kwadru ta' Riċerka (FP7) ta' l-UE. Għalhekk, kull armonizzazzjoni mar-regoli u l-proċeduri ta' l-FP għandha tkun strettament limitata għal oqsma fejn semplifikazzjoni ġenwina u/jew effettività miżjuda jistgħu jintwerew b'mod ċar. Filwaqt li fejn possibbli għandhom jittieħdu l-vantaġġi mis-sinerġiji eżistenti bejn l-FP 7 u l-FRFA, ir-rwol ta' l-FRFA bħala programm kumplimentari u indipendenti jeħtieġ li jiġi ppreservat (ara Part 1 — B).

Brussell, it-13 ta' Frar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Il-prijoritajiet ta' l-Aġenda Strateġika ta' Riċerka tal-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea dwar l-Azzar (ESTEP) huma kkonċentrati fuq it-tkabbir sostenibbli, b'enfasi fuq il-kompetittività dejjiema ta' l-industrija bbażata fuq l-innovazzjoni, il-kooperazzjoni ma' l-imsieħba, l-għarfien ambjentali u l-konnessjoni qawwija tagħha mal-produtturi ta' l-azzar; dan hu l-mod kif tikkontribwixxi għall-programmi ta' riċerka ta' l-UE.

B'mod parallel, il-prijoritajiet tal-Pjattaforma Teknoloġika ZEP għandhom l-għan li jidentifikaw u jneħħu t-tfixkil għall-ħolqien ta' impjanti ta' l-enerġija ferm effiċjenti bi kważi l-ebda emissjonijiet li jnaqqsu drastikament l-impatt ambjentali ta' l-użu tal-karburanti fossili. Dan ser jinkludi l-ġabra u l-ħazna tas-CO2, kif ukoll teknoloġiji ta' konverżjoni nadifa li jwasslu għal titjib sostanzjali fl-effiċjenza, il-kredibilità u l-ispiża ta' l-impjanti. Ser titqies ukoll il-Pjattaforma dwar ir-Riżorsi Minerali Sostenibbli.


Top