Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0847

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/847 tal-15 ta' Mejju 2019 dwar il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Insalvaw in-naħal! Il-ħarsien tal-bijodiversità u t-titjib tal-ħabitats għall-insetti fl-Ewropa” (notifikata bid-dokument C(2019) 3800)

    C/2019/3800

    ĠU L 138, 24.5.2019, p. 90–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/847/oj

    24.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 138/90


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/847

    tal-15 ta' Mejju 2019

    dwar il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Insalvaw in-naħal! Il-ħarsien tal-bijodiversità u t-titjib tal-ħabitats għall-insetti fl-Ewropa”

    (notifikata bid-dokument C(2019) 3800)

    (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-suġġett tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Insalvaw in-naħal! Il-ħarsien tal-bijodiversità u t-titjib tal-ħabitats għall-insetti fl-Ewropa” jirreferi għal dan li ġej: “L-insetti neħtiġuhom għall-ekosistemi tagħna u biex niżguraw is-sigurtà alimentari. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta leġiżlazzjoni li tħares u ttejjeb il-ħabitats għall-insetti bħala indikaturi ta' ambjent b'saħħtu”.

    (2)

    L-għanijiet tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini jirreferu għal dan li ġej: “Biex intejbu l-bażi naturali għall-ħajja b'mod evidenti nappellaw għal miri obbligatorji: biex il-promozzjoni tal-bijodiversità ssir għan ġenerali tal-PAK; biex jinqatal-użu tal-pestiċidi, jiġu pprojbiti pestiċidi dannużi mingħajr eċċezzjoni u ssir riforma tal-kriterji ta' eliġibbiltà; biex issir il-promozzjoni tad-diversità strutturali fil-pajsaġġi agrikoli; biex in-nutrijenti jitnaqqsu b'mod effettiv (pereż. Natura 2000); biex jinħolqu żoni ta' konservazzjoni b'mod effettiv (pereż. id-DQI); biex jiġu intensifikati r-riċerka u l-monitoraġġ u tissaħħaħ l-edukazzjoni.”

    (3)

    It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta'inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

    (4)

    Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

    (5)

    Jistgħu jiġu adottati atti ġuridiċi tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati:

    għall-ħolqien tal-organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u d-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni, abbażi tal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

    għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jkollhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE;

    għall-miżuri fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji li l-għan dirett tagħhom ikun il-ħarsien tas-saħħa pubblika, abbażi tal-Artikolu 168(4)(b) TFUE;

    għall-adozzjoni tal-programm qafas pluriennali li jistabbilixxi l-attivitajiet kollha tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, abbażi tal-Artikolu 182(1) tat-TFUE;

    għal azzjoni li tkun trid tittieħed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u ta' użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, abbażi tal-Artikolu 192(1) tat-TFUE, aqra flimkien mal-Artikolu 191(1), l-ewwel u t-tielet inċiżi tat-TFUE.

    (6)

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, b'konformità mal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

    (7)

    Barra minn hekk, il-kumitat taċ-ċittadini ġie ffurmat u l-persuni ta' kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, fiergħa jew vessatorja, u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikolu 2 tat-TUE.

    (8)

    Għaldaqstant il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Insalvaw in-naħal! Il-ħarsien tal-bijodiversità u t-titjib tal-ħabitats għall-insetti fl-Ewropa” jenħtieġ li tiġi rreġistrata.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Insalvaw in-naħal! Il-ħarsien tal-bijodiversità u t-titjib tal-ħabitats għall-insetti fl-Ewropa” hija rreġistrata b'dan.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-27 ta' Mejju 2019.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Insalvaw in-naħal! Il-ħarsien tal-bijodiversità u t-titjib tal-ħabitats għall-insetti fl-Ewropa”, irrappreżentati mis-Sinjura Manuela RIPA u s-Sinjura Clara BORASIO, li huma l-persuni ta' kuntatt.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Frans TIMMERMANS

    L-Ewwel Viċi President


    (1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.


    Top