Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0576

    Kawża C-576/19 P: Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2019 minn Intercept Pharma Ltd, Intercept Pharmaceuticals, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-377/18, Intercept Pharma and Intercept Pharmaceuticals vs EMA

    ĠU C 432, 23.12.2019, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 432/17


    Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2019 minn Intercept Pharma Ltd, Intercept Pharmaceuticals, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-377/18, Intercept Pharma and Intercept Pharmaceuticals vs EMA

    (Kawża C-576/19 P)

    (2019/C 432/21)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Intercept Pharma Ltd, Intercept Pharmaceuticals, Inc. (irrappreżentati minn L. Tsang, J. Mulryne, E. Amos, Solicitors, F. Campbell, Barrister)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

    Talbiet

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2019;

    tannulla d-deċiżjoni kkomunikata mill-appellata lill-appellanti fil-15 ta’ Mejju 2018 li tirrilaxxa r-rapport perjojdiku ta’ evalwazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji, u

    tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż kemm legali u kemm oħrajn marbuta ma’ din il-vertenza, kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ aggravji.

    1.

    L-ewwel aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-“protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati” prevista fl-inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 (1) hija rilevanti biss meta d-dokumenti jkunu ġew redatti fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji speċifiċi jew meta jkunu jinkludu pożizzjonijiet legali li huma s-suġġett ta’ tali proċeduri. Dan ta lok għal restrizzjoni u limitazzjoni mhux permessibbli fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 4(2) li ma jinstabux fir-regolament.

    2.

    It-tieni aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-“interessi kummerċjali” previsti fl-inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 jistgħu japplikaw biss meta jkunu identifikati elementi speċifiċi tad-dokument li jimminaw l-interessi kummerċjali tal-parti rilevanti, u ma jistgħux japplikaw sempliċiment abbażi tal-fatt li l-iżvelar ta’ dokument fl-intier tiegħu jkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tal-awtur tiegħu. Din l-opinjoni pprekludiet lill-Qorti Ġenerali milli tirrikonoxxi l-iżball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-appellata meta rrifjutat li tqis il-kuntest tat-talba għal żvelar fil-każ odjern.


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


    Top