EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0902

Kawża T-902/16: Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2016 – HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni

ĠU C 53, 20.2.2017, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 53/40


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2016 – HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-902/16)

(2017/C 053/49)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: HeidelbergCement AG (Heidelberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Denzel, C. von Köckritz, P. Pichler u H. Weiß, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru (2016)6591 finali, tal-10 ta’ Ottubru 2016, sabiex jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 (1) fil-Każ M. 7878 – HeidelbergerCement/Schwenk/Cemex Hungary/Cemex Croatia dwar l-akkwist mistenni minn Duna-Dráva Cement Kft. ta’ 100 % tal-ishma f’Cemex Hratska dd. u Cemex Hungária Építőanyagok Kft.; u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni Ewropea wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat lir-rikorrenti u lil Schwenk Zement KG – u mhux lil Duna-Dráva Cement Kft., li hija impriża konġunta b’funzjoni sħiħa li fiha r-rikorrenti u Schwenk Zement KG kull waħda żżomm interess ta’ kontroll ta’ 50 %, bħala “impriżi kkonċernati” u b’hekk ikkonkludiet li t-tranżazzjoni għandha “dimensjoni tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. Skont ir-rikorrenti, fir-realtà, il-Kummissjoni Ewropea ma għandhiex il-kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u li tistħarreġ it-tranżazzjoni abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u l-prinċipji fundamentali ta’ ċertezza legali u ta’ sussidjarjetà.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball ta’ liġi u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq il-paragrafu 147 tal-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat (2) sabiex tikkwalifika lir-rikorrenti u lil Schwenk Zement KG u mhux Duna-Dráva Cement Kft., bħala l-“impriżi kkonċernati”;

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-paragrafu 147 tal-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat ikun illegali li kieku jista’ tassew jiġi applikat għall-kawża inkwistjoni minħabba ksur tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u l-prinċipji fundamentali tad-dritt primarju ta’ ċertezza legali u ta’ sussidjarjetà.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

(2)  Avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1).


Top