Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0200

    Kawża C-200/15: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ April 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

    ĠU C 205, 22.6.2015, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 205/25


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ April 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

    (Kawża C-200/15)

    (2015/C 205/33)

    Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Wasmeier u P. Guerra e Andrade, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

    Talbiet

    tiddikjara li billi applikat, bil-għan li tiddetermina l-valur taxxabbli tal-vetturi użati minn Stat Membru ieħor, introdotti fit-territorju Portugiż, sistema relatata mal-kalkolu ta’ deprezzament tal-vetturi li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-valur reali tal-vettura u, b’mod partikolari, li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-deprezzament fil-każ ta’ vetturi li għandhom iktar minn ħames snin, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni tqis li r-regoli tal-Artikolu 11 tal-Kodiċi Portugiż dwar it-taxxa fuq il-vetturi huma diskriminatorji fir-rigward tal-vetturi awtomobilistiċi li jidħlu fil-Portugall, jiġifieri, vetturi użati b’reġistrazzjoni definittiva maħruġa minn Stat Membru ieħor li huma introdotti fis-suq Portugiż. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jiġri bil-vetturi użati oriġinarjament introdotti fil-Portugall, il-vetturi introdotti minn Stati Membri oħra jiġu suġġetti għal rati ta’ taxxa li ma jirriflettux, b’mod adegwat, id-deprezzament tal-vettura. B’mod partikolari, hemm tnaqqis fir-rata ta’ taxxa biss wara sena ta’ użu. Barra minn hekk, minn ħames snin ta’ użu, il-perċentwali ta’ tnaqqis ma tistax teċċedi t-52 %.


    Top