EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0179

Kawża T-179/09: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ April 2009 — Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni

ĠU C 167, 18.7.2009, p. 16–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/16


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2009 — Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-179/09)

2009/C 167/32

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Dunamenti Erőmű Zrt. (Százhalombatta, l-Ungerija) (rappreżentanti: J. Lever, QC, A. Nourry u R. Griffith, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni u d-dispożizzjonijiet operattivi tad-dispożittiv sa fejn dawn japplikaw fil-konfront tar-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 2 u 5 tad-deċiżjoni sa fejn dawn jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna mingħand ir-rikorrenti minbarra kull għajnuna li l-Kummissjoni kellha tikkonstata li hija inkompatibbli mas-suq komuni;

tordna miżuri istruttorji skont l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura fejn titlob lill-Kummissjoni tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kopji tal-komunikazzjonijiet kollha bil-miktub bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi kif ukoll il-minuti kollha ta’ laqgħat u diskussjonijiet bejniethom, bħal dawk imsemmija fil-Premessa 446 tad-deċiżjoni kkontestata.

jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li teħtieġ l-assistenza ta’ espert jew esperti, tordna miżuri istruttorji intiżi li jsir rapport jew rapporti minn dawn l-esperti kif ukoll miżuri istruttorji oħra li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huma meħtieġa;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad- Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 2223 finali tal-4 ta’ Ġunju 2008 li tiddikjara l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi, lil ċerti produtturi tal-enerġija elettrika, f’forma ta’ Ftehim dwar ix-xiri fit-tul ta’ enerġija elettrika (iktar ’il quddiem “FXE”), konklużi bejn l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni Magyar Villamos Müvek Rt (iktar ’il quddiem “MVM”), proprjetà tal-Istat Ungeriż, u dawn il-produtturi f’data qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea [Għajnuna mill-Istat C 41/2005 (ex NN 49/2005) — “Spejjeż mhux irkuprabbli” Ungeriżi]. Id-deċiżjoni kkontestata tidentifika lir-rikorrenti bħala benefiċjarja tal-allegata għajnuna mill-Istat u tordna lill-Ungerija sabiex tirkupra l-għajnuna, bl-interessi, mingħand ir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha.

Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE sa fejn ikkwalifikat il-FXE tar-rikorrenti bħala miżura ta’ għajnuna minkejja li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li dan kien jikkostitwixxi ftehim “essenzjali” li jippreċedi l-privatizzazzjoni. Fil-fehma tar-rikorrenti, l-awtoritajiet Ungeriżi kienu għaldaqstant qed jaġixxu skont il-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat it-Trattat ta’ adeżjoni tal-Ungerija u l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 (1).

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li anki li kieku jiġi kkunsidrat li l-FXE kien jagħtiha, fl-1995, għajnuna mill-Istat, hija kellha d-dritt li tistrieħ fuq l-aspettattiva leġittima li, taħt id-dritt Komunitarju, tali għajnuna kellha tiġi meqjusa bħala għajnuna eżistenti.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li billi tikkwalifika l-FXE tar-rikorrenti bħala għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli, id-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-għajnuna ġiet ikklasifikata b’mod żbaljat bħala għajnuna għall-operat u ma jmisshiex tqieset bħala inkompatibbli anki inkwantu kkumpensat lir-rikorrenti għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li din il-konklużjoni hija vviżżjata minn motivazzjoni inadegwata u/jew difettuża u tikser l-Artikolu 87(3)(a) KE billi ma tirrikonoxxix li l-FXE tar-rikorrenti għandu xi rwol fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku.

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li l-ordni ta’ rkupru tikser l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju bħall-prinċipju ta’ interessi leġittimi u ta’ aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali sostanzjali, bħad-drittijiet proċedurali tagħha għal smigħ xieraq.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU 1999 L 83, p. 1)


Top