Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0482

    Kawża C-482/08: Rikors ippreżentat fl- 10 ta' Novembru 2008 — Ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 32, 7.2.2009, p. 15–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 32/15


    Rikors ippreżentat fl-10 ta' Novembru 2008 — Ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-482/08)

    (2009/C 32/24)

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (rappreżentanti: V. Jackson, aġent, T. Ward, barrister)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tal-parti rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008, li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra (1);

    tistabbilixxi, wara l-annullament tad-Deċiżjoni għall-Aċċess tal-VIS mill-Pulizija, li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jibqgħu effettivi, ħlief safejn dawn jeskludu lir-Renju Unit milli jipparteċipa fid-Deċiżjoni għall-Aċċess tal-VIS mill-Pulizija;

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-Renju Unit ġie miċħud id-dritt li jipparteċipa fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni għall-Aċċess tal-VIS mill-Pulizija minħabba li l-Kunsill qies li l-miżura tikkostitwixxi żvilupp f'dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fiha r-Renju Unit ma jipparteċipax — jiġifieri l-politika komuni dwar il-viża. B'hekk, il-Kunsill iqis li r-Renju Unit mhuwiex marbut mid-Deċiżjoni jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    Ir-Renju Unit isostni li l-Kunsill kien żbaljat meta kkonkluda li d-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fiha r-Renju Unit ma jipparteċipax. Id-Deċiżjoni għall-Aċċess tal-VIS mill-Pulizija mhijiex żvilupp tal-politika komuni dwar il-viża, iżda hija pjuttost miżura ta' kooperazzjoni tal-pulizija. La l-għan u lanqas il-kontenut tal-Deċiżjoni għall-Aċċess tal-VIS mill-Pulizija ma jsemmu l-politika komuni dwar il-viża. Kollha kemm hi tikkonċerna pjuttost l-iskambju ta' informazzjoni mdaħħla mill-awtoritajiet tal-viża mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-Europol għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra. Dan jirrifletti l-għażla tal-bażi legali tal-Kunsill, b'mod partikolari l-Artikoli 30(1)(b) u 34(2)(ċ) TUE.

    L-annullament tad-Deċiżjoni għall-Aċċess tal-VIS mill-Pulizija hija wkoll mitluba għaliex l-esklużjoni tar-Renju Unit mill-adozzjoni tagħha tagħti lok għall-ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali u/jew il-ksur tat-Trattat, fis-sens tal-Artikolu 35(6) UE.


    (1)  ĠU L 218, p. 129.


    Top