Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CA0206

    Kawża C-206/06: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas- 17 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Groningen — L-Olanda) — Essent Netwerk Noord BV, Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, Aluminium Delfzijl BV vs Aluminium Delfzijl BV, Staat der Nederlanden, Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, Saranne BV (Suq intern ta' l-enerġija elettrika — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta' żieda fuq il-prezz tat-trasport ta' l-enerġija elettrika għall-benefiċċju ta' kumpannija nnominata mil-liġi li hija responssabbli għall-ħlas ta' l-ispejjeż mhux irkuprabbli — Taxxi ta' effett ekwivalenti għal dazju doganali — Taxxi interni diskriminatorji — Għajnuna mogħtija mill-Istati Membri)

    ĠU C 223, 30.8.2008, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 223/4


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Groningen — L-Olanda) — Essent Netwerk Noord BV, Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, Aluminium Delfzijl BV vs Aluminium Delfzijl BV, Staat der Nederlanden, Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, Saranne BV

    (Kawża C-206/06) (1)

    (Suq intern ta' l-enerġija elettrika - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta' żieda fuq il-prezz tat-trasport ta' l-enerġija elettrika għall-benefiċċju ta' kumpannija nnominata mil-liġi li hija responssabbli għall-ħlas ta' l-ispejjeż mhux irkuprabbli - Taxxi ta' effett ekwivalenti għal dazju doganali - Taxxi interni diskriminatorji - Għajnuna mogħtija mill-Istati Membri)

    (2008/C 223/06)

    Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Rechtbank Groningen

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Essent Netwerk Noord BV, Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, Aluminium Delfzijl BV

    Konvenuti: Aluminium Delfzijl BV, Staat der Nederlanden, Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, Saranne BV

    Suġġett

    Talba għal domanda preliminari — Rechtbank Gronigen — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 25 KE, 87(1) KE u 90 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi żieda fil-prezz ta' l-elettriku dovut mill-konsumaturi stabbiliti fl-Olanda lill-operatur tas-sistema waqt perijodu tranżitorju — Obbligu, għal dan ta' l-aħħar, li jħallas l-ammont taż-żieda lil kumpannija tal-produtturi nazzjonali ta' l-elettriku indikata mil-liġi, bħala kumpens għal ċerta somma li tirrappreżenta l-ammont ta' obbligi assunti u l-investimenti magħmula minn dik il-kumpanniija qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq — Ħlas ta' l-ammont żejjed, minn dik il-kumpannija, lill-ministeru kompetenti

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 25 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi miżura leġiżlattiva li tobbliga lill-utenti nazzjonali ta' enerġija elettrika li jħallsu lill-operatur tan-netwerk żieda fit-tariffa għall-kwantitajiet ta' enerġija elettrika prodotti fl-Istat Membru u importati li ġew ipprovduti lilhom, meta din iż-żieda għandha titħallas mill-imsemmi operatur lil kumpannija nnominata għal dan l-għan mil-leġiżlatur, peress li din il-kumpannija hija sussidjarja komuni ta' l-erba' impriżi nazzjonali li jipproduċu l-enerġija elettrika u qabel kienet l-amministratur ta' l-ispejjeż ta' l-enerġija elettrika kollha prodotta u importata, u li din iż-żieda fit-tariffa għandha tiġi allokata b'mod sħiħ għall-ħlas ta' spejjeż li mhumiex konformi mas-suq li hija responsabbli għalihom din il-kumpannija, bil-konsegwenza li s-somom li nġabru minn din il-kumpannija jikkumpensaw b'mod sħiħ il-piż finanzjarju fuq l-enerġija elettrika nazzjonali ttrasportata.

    L-istess jgħodd meta l-impriżi produttriċi nazzjonali ta' enerġija elettrika għandhom l-obbligu li jieħdu r-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż u meta, minħabba konvenzjonijiet eżistenti, permezz tal-ħlas ta' prezz ta' xiri ta' l-enerġija elettrika prodotta fl-Istat Membru, permezz tal-ħlas ta' dividendi lid-diversi impriżi nazzjonali produttriċi ta' enerġija elettrika li l-kumpannija nnominata hija s-sussidjarja tagħhom jew bi kwalunkwe mezz ieħor, il-vantaġġ ikkostitwit miż-żieda fil-prezz seta' jiġi mgħoddi mill-kumpannija nnominata lill-impriżi nazzjonali produttriċi ta' enerġija elettrika.

    L-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-istess miżura leġiżlattiva meta d-dħul mit-taxxa miġbura fuq l-enerġija elettrika ttrasportata jaffettwa biss parzjalment il-ħlas ta' spejjeż li mhumiex konformi mas-suq, jiġifieri meta l-ammont miġbur mill-kumpannija nnominata jikkumpensa biss parzjalment il-piż finanzjarju fuq l-enerġija elettrika nazzjonali ttrasportata.

    2)

    l-Artikolu 87 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammonti mħallsa lill-kumpannija nnominata b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 9 tal-liġi tranżitorja dwar is-settur tal-produzzjoni ta' enerġija elettrika, tal-21 ta' Diċembru 2000 (Overgangswet Elektriciteitsproductiesector) jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta' din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE safejn huma jirrappreżentaw vantaġġ ekonomiku u mhux kumpens għas-servizzi pprovduti mill-kumpannija nnominata għall-eżekuzzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku.


    (1)  ĠU C 178, 29.7.2006.


    Top