EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0271

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt possibbli pożittiv jew negattiv taż-żjieda fir-rekwiżiti (politiki) ambjentali u ta' l-enerġija fuq il-kompetittività ta' l-industrija ta' l-UE

ĠU C 162, 25.6.2008, p. 72–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 162/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt possibbli pożittiv jew negattiv taż-żjieda fir-rekwiżiti (politiki) ambjentali u ta' l-enerġija fuq il-kompetittività ta' l-industrija ta' l-UE

(2008/C 162/14)

Nhar l-20 ta' Settembru 2007, il-Presidenza Slovena talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-impatt possibbli pożittiv jew negattiv taż-żjieda fir-rekwiżiti (politiki) ambjentali u ta' l-enerġija fuq il-kompetittività ta' l-industrija ta' l-UE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Jannar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Wolf.

Matul l-442 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta' Frar 2008 (seduta tat-13 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'128 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

Kontenut

1.

Sommarju u konklużjonijiet

2.

Punt tat-tluq u kummenti ġenerali

3.

Kummenti speċifiċi — Analiżi u konklużjonijiet

4.

Osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

1.   Sommarju u konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat iffoka din l-opinjoni fuq kwistjonijiet li huma konnessi mal-politika ta' l-enerġija u l-bidla fil-klima. Ser jeżamina taħt liema ċirkostanzi jinħolqu l-vantaġġi jew l-iżvantaġġi għall-kompetittività ta' l-UE jekk il-konsum ta' l-enerġija u l-emissjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'mod sinifikanti. L-opinjoni tiffoka l-iktar fuq l-aspetti ekonomiċi.

1.2

Meta wieħed jikkunsidra l-interdipendenza bejn il-kompetittività, il-prestazzjoni ekonomika, l-impjieg u l-prosperità soċjali taċ-ċittadini, is-suġġett ta' din l-opinjoni huwa wkoll ta' importanza konsiderevoli għall-ġejjieni soċjali ta' l-Ewropa.

1.3

Il-Kumitat jikkonkludi li l-isfidi marbutin ma' dan iġibu magħhom opportunità sabiex tinħoloq mewġa ta' innovazzjoni u investiment u b'hekk tissaħħaħ l-ekonomija u l-kompetittività (globali) ta' l-industrija Ewropea. Jekk dan ikollu suċċess, il-vantaġġi għandhom jegħlbu l-iżvantaġġi, inter alia fir-rigward l-impatt fuq l-impjieg u t-tisħiħ tal-mudell soċjali Ewropew.

1.4

Prerekwiżit ewlieni għal dan huwa li, fl-oqsma ta' l-enerġija, l-ekonomija u r-riċerka, jittieħdu l-aħjar miżuri ta' politika, jiġu applikati l-prinċipji tajbin, u tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda. Jekk dan ma jsirx, ikun hemm lok għal tħassib li l-iżvantaġġi — użu eċċessiv ta' enerġija li tqum wisq flus, it-telfien tal-kompetittività ekonomika, relokazzjonijiet, li l-mudell soċjali Ewropew ikun fir-riskju — jegħlbu l-vantaġġi u s-sitwazzjoni tkun tippermetti li jiżviluppaw kriżijiet. L-enerġija affordabbli hija essenzjali għall-vitalità ta' soċjetajiet moderni industrijali u post-industrijali bil-kisbiet soċjali u kulturali kollha tagħhom. Għalhekk, il-prezz ta' l-enerġija ma għandux — lil hinn minn dak neċessarju sabiex titħares il-klima u minħabba l-iskarsità tar-riżorsi — jiżdied aktar minħabba miżuri addizzjonali ta' l-istat.

1.5

Għaldaqstant, l-iktar effiċjenza possibbli għandha tkun il-prinċipju ta' gwida għal miżuri u miri tal-politika ta' l-enerġija. Huwa biss jekk dan isir li jkunu jistgħu jibqgħu minimi l-ispejjeż ekonomiċi u l-piż soċjali fuq il-pubbliku. Fir-rigward tal-bidla fil-klima l-miżura għandha tkun in-nefqa sabiex tiġi evitata l-emissjoni ta' kwantità partikulari ta' gassijiet b'effett ta' serra (per eżempju CO2). Fir-rigward tal-konsum ta' l-enerġija, l-aħjar miżura hija l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. (F'kull każ, huwa importanti li dawn il-miżuri jiġu definiti b'mod li jagħmel sens.) Għalhekk, strumenti Ewropej tal-politika ta' l-enerġija u tal-klima għandhom jiffokaw fuq miżuri ekonomiċi għall-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-użu ta' teknoloġiji ta' l-enerġija li huma ekonomiċi u sostenibbli.

1.6

Il-prinċipju ta' gwida għal miżuri ta' politika Ewropea għandu jkun politika ta' l-enerġija u tal-klima li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bl-involviment ta' sħubijiet bejn is-settur pubbliku u s-settur privat u li tgħaqqad flimkien u tagħmel l-aħjar użu tas-saħħa ekonomika, ġeografika u ta' riżorsi ta' kull Stat Membru. Per eżempju, tekniki għall-użu ta' enerġija li tiġġedded għandhom jintużaw f'dawk il-postijiet fl-Ewropa fejn hemm l-aħjar kundizzjonijiet (b'mod partikulari kundizzjonijiet tat-temp), inklużi rotot tat-trasmissjoni xierqa, u mhux fejn jinzertaw l-ikbar sussidji nazzjonali. Iktar minn hekk, madankollu, għandhom isiru sforzi lejn kooperazzjoni globali fl-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji li ma jaħlux enerġija u li jevitaw l-emissjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra.

1.7

Għalkemm il-kwistjoni tal-klima hija urġenti, il-pass tal-bidliet u l-aġġustamenti meħtieġa għall-provvista ta' l-enerġija u l-konsum ma għandux jestendi żżejjed il-kapaċità tan-negozju u s-soċjetà sabiex iwettqu dawk il-bidliet u aġġustamenti. Mezzi ta' kejl jinkludu ċikli ta' deprezzament, iż-żmien meħtieġ sabiex jitħarrġu n-nies, l-istadji ta' żvilupp ta' teknoloġiji ġodda, u b'mod partikulari, aġġustament għall-kuntratt soċjali, miżuri ta' taħriġ u bidliet oħra fis-soċjetà. Ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom jagħtu kontribut ewlieni.

1.8

B'approċċ minn isfel għal fuq (bottom-up), l-inizjattiva tal-partijiet interessati kollha, u d-diversità, id-diversifikazzjoni u l-flessibilità ta' metodi tekniċi u ekonomiċi għandhom ikunu faċilitati u inkoraġġuti. Huwa biss mid-diversità u minn kompetizzjoni f'saħħitha bejn l-approċċi, l-innovazzjonijiet u l-metodi diversi li tissawwar is-saħħa sabiex jiġu miġġielda kriżijiet individwali u biex jinħolqu dawk it-teknoloġiji l-iktar effiċjenti. Għalhekk, hija meħtieġa taħlita ta' enerġija b'firxa wiesgħa, li jfisser li l-ebda teknoloġija (1) utli ma għandha tiġi abbandunata qabel il-waqt.

1.9

Meta jiġu stabbiliti objettivi, regolamenti u strumenti tal-politika ta' l-enerġija, għandhom jiġu kkunsidrati l-limiti fiżiċi. Huwa imperattiv li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda u d-dupplikazzjoni li twassal għal kontradizzjonijiet. Dawn ta' l-aħħar iwasslu għal allokazzjoni ħażina u b'hekk żjidiet mhux neċessarji fl-ispejjeż li jagħmlu ħsara lill-prosperità u l-kompetittività. Importanti daqs dan huwa l-fatt li l-objettivi u l-istrumenti għandu jkollhom kredibilità fit-tul, peress li investimenti li jqumu l-flus u żviluppi ġodda ser ikunu msejsa fuqhom. Dħul ekonomiku minn dawn l-investimenti, u l-impjieg u l-prosperità li jsegwu, jistgħu jintlaħqu biss jekk jintużaw għal ċertu perijodu ta' żmien.

1.10

Kull fejn huwa possibbli, għandhom jintużaw minflok regolamenti ddettaljati inċentivi tas-suq bħall-allokazzjoni ta' drittijiet ta' l-emissjoni li huma definiti b'mod li jagħmel sens. L-enerġija affordabbli tibqa' prerekwiżit għall-kompetittività globali, għall-provvediment bażiku, u għall-akkumulazzjoni ta' kapital mill-industrija Ewropea li huwa neċessarju sabiex jiġu ffinanzjati investimenti ġodda u n-nefqa fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp.

1.11

Barra minn hekk, hija neċessarja żjieda sinifikanti fir-riċerka ta' firxa wiesgħa dwar l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' l-enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-klima u li ma jaħlux ir-riżorsi, Flimkien ma' taħriġ għall-inġiniera, ix-xjentisti u t-tekniċi neċessarji. Tekniki ġodda għall-użu ta' enerġija li tiġġedded li għadhom wisq 'il bogħod milli jsiru vijabbli ekonomikament għandhom jiġu żviluppati aktar b'mod attiv, iżda ma għandhomx jiddaħħlu fis-suq b'mod prematur bis-saħħa ta' sussidji li jqumu wisq flus (jew prezzijiet artifiċjali). Minflok, dawn il-flus għandhom jiġu investiti f'iktar riċerka u żvilupp ta' teknoloġiji ta' l-enerġija li huma sostenibbli u li jevitaw milli jużaw is- CO2 sakemm dawn isiru vijabbli. Għal din ir-raġuni, l-enfasi tal-miżuri kollha għandha tkun fuq l-iżvilupp innovattiv u l-użu effiċjent ta' teknoloġiji ta' l-enerġija li ma jaħlux enerġija, li huma newtrali f'termini ta' impatt fuq il-klima u li huma kompetittivi.

1.12

Madankollu, objettivi fir-rigward tal-bidla fil-klima globali li jorbtu 'l dawk kollha li huma responsabbli għal kwantità sinifikanti ta' emissjonijiet huma neċessarji jekk ser jinħolqu kundizzjonijiet ugwali fil-livell globali. Huwa biss meta jsir dan li jista' jiġi evitat xenarju fejn l-ispejjeż għoljin fuq l-enerġija fl-UE jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni żvantaġġużi madwar id-dinja, nibdew mir-relokazzjoni gradwali ta' industriji intensivi fl-użu ta' l-enerġija mingħajr ma bl-ebda mod jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-klima (“carbon leakage”). Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-partijiet interessati Ewropej kollha lejn dan l-objettiv (per eżempju l-konferenza ta' Bali). Sakemm jintlaħaq dan il-għan, għandhom jiġu evitati dawk il-piżijiet li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq dawn l-industriji. Mingħajr dawn l-industriji, l-Ewropa ma tistax tibqa' kompetittiva fit-tul.

2.   Punt tat-tluq u kummenti ġenerali

2.1

Is-sinifikat ta' l-enerġija. L-iżvilupp u l-użu intensiv ta' proċessi industrijali, makkinarju u sistemi tat-trasport li jikkonsmaw ħafna enerġija ta' kontribut sinifikanti għall-kisba tal-livell ta' l-għajxien attwali tagħna: l-enerġija ħelset in-nies mill-piż ta' l-iktar xogħol fiżiku diffiċli, immpoltiplika l-produttività tagħhom, ipprovda t-tisħin u t-tidwil, irrevoluzzjona l-prodott agrikolu, u ppermetta mobilità u komunikazzjoni li qabel lanqas kien joħlom bihom il-bniedem. L-enerġija saret l-essenza vitali ta' l-ekonomiji moderni tas-suq soċjali u hija prerekwiżit għall-provvista tal-bżonnijiet bażiċi.

2.2

Il-problema. Ħafna previżjonijiet ibassru li, billi l-popolazzjoni qiegħda tikber u minħabba l-ħtiġijiet ta' żvilupp ta' ħafna pajjiżi, id-domanda madwar id-dinja għall-enerġija hija mistennija tirdoppja (jew anke tittrippla) sa l-2060. Huwa magħruf sew li żewġ żviluppi sinifikanti huma ostakoli għal dan, u jeħtieġu azzjoni politika jekk ser jiġu evitati kunflitti serji u kriżijiet ekonomiċi: it-tnaqqis tar-riżorsi u l-protezzjoni ta' l-ambjent. Waqt li l-problema ambjentali ewlenija f'dan il-kuntest hija l-kontribut tal-bniedem għall-bidla fil-klima (“gassijiet tal-klima” jew “gassijiet b'effett ta' serra”, b'mod partikulari is-CO2, il-metanu u l-ossidu nitriju), għandu jitqies ukoll l-impatt ta' kwalunkwe miżura dwar il-bijodiversità, is-saħħa u l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-iskart.

2.3

Kunsill Ewropew. Għalhekk, ġew imfissra dawn il-prijoritajiet tal-politika ta' l-enerġija fil-konklużjonijiet tal-presidenza tal-Kunsill tar-Rebbiegħa ta' l-2007:

It-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista;

Iż-żamma tal-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta' enerġija bi prezz li jista' jintlaħaq;

Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

2.3.1

Il-Kumitat fassal opinjonijiet ewlenin dwar dan is-suġġet biex juri t-triq. Dawn huma elenkati fl-appendiċi (2).

2.4

Talba mill-Presidenza Slovena tal-Kunsill. Ittra mill-ministru ta' l-ekonomija ta' l-Islovenja, is-Sur Vizjak, għarrfet lill-Kumitat li l-prijoritajiet tal-Presidenza Slovena f'dan il-qasam ta' politika industrijali għandhom jinkludu l-objettiv ta' ekonomija Ewropea effiċjenti ħafna fl-użu ta' l-enerġija, li toħloq kemm jista' jkun ftit gassijiet b'effett ta' serra. Għal dan il-għan, huma importanti b'mod partikulari inċentivi sabiex jiġu vvintati u użati teknoloġiji u prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Qed jiġi ppreparat pjan ta' azzjoni xieraq għal politika ta' l-industrija sostenibbli, u l-Kunsill Ewropew ser jiddiskutih fis-summit tar-Rebbiegħa tiegħu fl-2008. F'dan il-kuntest, il-Kumitat intalab joħloq opinjoni dwar l-impatt possibbli pożittiv jew negattiv taż-żjieda fir-rekwiżiti (politiki) ambjentali u ta' l-enerġija fuq il-kompetittività ta' l-industrija ta' l-UE.

2.5

Il-kompetittività, il-prestazzjoni ekonomika u l-prosperità soċjali. Pubblikazzjonijiet reċenti (3) mill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (4) (per eżempju 58 miżura konkreta sabiex ikun żgurat is-suċċess ta' l-istrateġija ta' Lisbona) jagħmlu ċar ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-kompetittività, il-prestazzjoni ekonomika u l-ispazju għall-manuvribbiltà għall-bżonnijiet tas-soċjetà. Għal din ir-raġuni, din l-opinjoni tiffoka fuq l-aspetti ekonomiċi relevanti (5) tal-kwistjoni.

2.6

Pajjiżi industrijalizzati. Pajjiżi industrijalizzati żviluppati ħafna għandhom responsabbiltà speċjali f'dan il-qasam, l-ewwel nett għaliex huma joħolqu l-ikbar proporzjon ta' dawn il-gassijiet, u t-tieni għaliex qegħdin fuq quddiem fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda. Dawn jinkludu li ma tinħelhiex l-enerġija, aktar effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, l-użu ta' sorsi ta' l-enerġija li ma joħolqux emissjonijiet (jew ftit biss) (6) u l-iżvilupp ta' proċessi tekniċi xierqa. L-isfida hija li tiġi identifikata l-aħjar azzjoni li tista' tittieħed fl-isfond tat-tensjoni li teżisti bejn dak li huwa neċessarju, dak li huwa mixtieq, u dak li huwa realistiku ekonomikament, u wara li din l-azzjoni tittieħed b'mod iffokat u deċiżiv.

2.7

Spejjeż  (7). Madankollu, l-użu ta' tipi ta' enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent huwa, f'ħafna każi, assoċjat ma' iktar spejjeż (8) għal konsumaturi individwali u proċessi industrijali. Eżempji huma l-enerġija mir-riħ u mix-xemx (9) (fil-Ġermanja biss madwar EUR 4 biljun tnefqu fl-2007 fuq enerġija li tiġġedded sussidjata mill-konsumatur (10)) jew power stations li jaħarqu l-faħam bil-ġabra u l-ħażna tal-karbonju (CCS) li attwalment qed jiġu żviluppati. Pompi tas-sħana u vetturi b'konsum tal-karburant bi ftit CO2 jew anke mingħajr CO2 jirrikjedu wkoll teknoloġija iktar kumplessa u b'hekk li tqum iktar flus.

2.8

Riskji. Jekk dawn l-ispejjeż konsiderevoli ma jiġux ibbilanċjati minn tifdil ekwivalenti minn konsum imnaqqas tar-riżorsi, u sakemm l-ekonomiji ta' pajjiżi terzi li qegħdin jikkompetu ma jkollhomx spejjeż simili, dan għandu joħloq piż fuq il-kompetittività Ewropea. “L-Ewropa tista' sservi ta' eżempju fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, iżda l-Ewropa ma tistax taċċetta kompetizzjoni mhux ġusta minn pajjiżi li ma jistabbilixxux limiti ambjentali fuq in-negozji tagħhom  (11)”. L-ispejjeż tal-persunal (pagi u kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali) diġà huma ogħla b'mod sinifikantiminn dawk fl-ekonomiji emerġenti ta' pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja, u waħedhom biss jitfgħu piż konsiderevoli fuq il-kompetittività ta' l-Ewropa; kwalunkwe miżuri unilaterali ulterjuri ispirati mill-bidla fil-klima li jżidu l-ispejjeż tal-produzzjoni jistgħu jkunu perikolużi ħafna.

2.9

Opportunitajiet. Huwa fatt li fil-każ li maġġoranza sinifikanti ta' stati mhux Ewropej bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti, jadottaw miżuri simili għall-ħarsien tal-klima, tinħoloq saħansitra l-opportunità għall-Ewropa biex tesporta t-teknoloġiji ta' l-enerġija li żviluppat, u b'hekk dan ma jkunx biss ta' benefiċċju għall-ekonomija Ewropea, iżda wkoll kontribut għat-tnaqqis tal-konsum globali u tas- CO2. Barra minn hekk, l-istorja ekonomika turi li perijodi fejn kważi kien hemm kriżi ta' sikwit kienu segwiti minn xewqa akbar għall-innovazzjoni, u l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ġodda, li mbagħad wasslu għal tendenza pożittiva u tkabbir ekonomiku fit-tul (anke jekk, sal-lum, flimkien ma' iktar konsum ta' l-enerġija). Għal din ir-raġuni, l-enfasi tal-miżuri kollha fl-Ewropa għandha tkun fuq l-iżvilupp innovattiv u l-użu effiċjenti ta' teknoloġiji ta' l-enerġija li ma jaħlux enerġija, li huma newtrali f'termini ta' impatt fuq il-klima u li huma kompetittivi. Fl-istess ħin, sforzi ta' politika barranija lejn qbil gloabli xieraq għandhom jiġu segwiti bir-reqqa: ir-riżultati tal-konferenza ta' bali juru li għall-inqas hemm lok għal aktar negozjati (ara l-punt 2.11).

2.10

Problemi. Madankollu, jekk dan ma jwassal għas-suċċess, ser jinħolqu problemi serji. L-ewwel nett, setturi ta' l-industrija fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma determinati l-iktar mill-ispejjeż fuq l-enerġija u s-CO2 mhux ser jibqgħu kompetittivi fis-swieq dinjija. Huwa mistenni li jwaqqfu l-produzzjoni tagħhom hawnhekk u jmexxuha għal pajjiżi fejn l-ispejjeż fuq l-enerġija huma baxxi u m'hemmx spejjeż ta' CO2, u b'hekk jieħdu magħhom l-impjieg assoċjat ma' l-attivitajiet tagħhom. F'ċerti industriji, bħall-aluminju u s-siment (12), dan il-proċess diġà beda. Fuq kollox, madankollu, il-kapital internazzjonali mhux ser jinvesti iktar f'impjanti ġodda fl-Ewropa, iżda fir-reġjuni fejn l-ispejjeż fuq l-enerġija u s-CO2 huma baxxi. Huwa evidenti li l-Kummissjoni, grazzi għal “evalwazzjoni ta' l-impatt” (13), taf sewwa bil-problema; il-Kumitat jaħseb madanakollu li għandha tinstab malar soluzzjoni valida biex tiġi evitata aktar ħsara lill-ekonomija f'dan il-kuntest. Barra mir-relokalizzazzjoni ta' l-industriji attivi, il-problema ewlenija ser tkun li fil-futur il-fluss tal-kapital internazzjonali ser iċaqlaq investimenti individwali f'impjnati ġodda lejn ir-reġjuni bi spejjeż baxxi fil-kamp enerġetiku u tas-CO2 fl-Ewropa.

2.10.1

Relokazzjoni u “leakage”. Huwa minnu li relokazzjonijiet bħal dawn għandhom iwasslu wkoll għal inqas emissjonijiet ta' CO2 fl-UE, iżda fil-livell globali, l-istess ammont ta' CO2 bħal qabel, jekk mhux aktar, qed jidħol fl-atmosfera; jekk il-produzzjoni relokata tuża teknoloġiji irħas minn dawk użati hawnhekk fil-preżent jew fil-ġejjieni, b'mod ġenerali dan ifisser li iktar gassijiet b'effett ta' serra ser jiġu rilaxxati (bl-eċċezzjoni ta' l-enerġija idroloġika, per eżempju fin-Norveġja). Għandhom jitqiesu wkoll żjidiet relatati mat-trasport fl-emissjonijiet tas-CO2.

2.10.2

Intensità fl-użu ta' l-enerġija fl-ekonomija. Kieku dan kellu jiġri, l-ekonomija Ewropea tkun tilfet produzzjoni industrijali u għadd ta' impjiegi importanti, mingħajr ma tkun kisbet xejn għall-klima. Fl-istess ħin, l-UE tkun kisbet suċċess għal żmien qasir (apparenti) (14) fil-kompetizzjoni internazzjonali fir-rigward ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, jiġifieri dik li tissejjaħ l-intensità fl-użu ta' l-enerġija (konsum ta' enerġija/prodott gross domestiku) għaliex industriji li huma intensivi fl-enerġija jkunu emigraw kollha.

2.10.3

Is-settur tas-servizzi. Anke s-settur tas-servizzi, li huwa responsabbli għal proporzjon kbir tal-produzzjoni ekonomika ta' l-Ewropa, jista' jiffjorixxi biss fit-tul jekk l-industrija Ewropea tibqa' kompetittiva, u b'hekk huwa affettwat ukoll minn spejjeż fuq l-enerġija li huma għoljin wisq meta mqabbla mal-bqija tad-dinja.

2.11

Ftehimiet globali. Għalhekk, ftehimiet globali li jorbtu u li huma bbilanċjati għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' dawn il-gassijiet b'effett fuq il-klima għandhom — u mhux biss għall-klima — ikunu l-objettiv prijoritarju ta' l-isforzi internazzjonali kollha f'dan il-qasam, peress li impatt li jħalli l-effett tiegħu huwa mistenni biss jekk dawk responsabbli l-iktar għall-emissjonijiet ta' CO2 bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti jieħdu sehem f'miżuri għall-ħarsien tal-klima. Għalhekk, il-Kumitat jilqa' l-isforzi kollha mill-Komunità, l-Istati Membri u organizzazzjonijiet bħall-G8, in-NU, l-UNESCO, l-OECD, l-IEA, eċċetra sabiex isiru żviluppi f'din id-direzzjoni, per eżempju l-konferenza ta' Bali li għadha kif saret.

3.   Kummenti speċifiċi — Analiżi u konklużjonijiet

3.1

Il-politika ta' l-enerġija u tal-klima. Politika ta' l-enerġija u tal-klima effettiva trid tiżgura tnaqqis sinifikanti fil-konsum ta' l-enerġija u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, tipprepara s-soċjeta u l-partijiet interessati rilevanti (per eżempju l-arkitetti, l-investituri, l-intraprendituri, l-għalliema, l-istudenti, il-pubbliku ġenerali, il-konsumaturi, eċċetra — peress li din hija kwistjoni li tikkonċerna 'l kulħadd f'kull parti tal-katina) dwar il-bidliet neċessarji, u fl-istess ħin, issawwar dan il-proċess ta' bidla b'tali mod li ma jxekkilx il-kompetittività globali ta' l-ekonomija Ewropea, u b'hekk jinżamm bilanċ bejn l-objettivi stipulati fil-punt 2.3. Dan jippreżenta kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet.

3.2

L-isfida. F'dawn l-aħħar snin kemm iż-żjieda fid-domanda globali għall-enerġija kif ukoll il-politiki Ewropej ta' l-enerġija u l-klima rriżultaw fil-fatt li l-prezz ta' l-enerġija u d-derivattivi tagħha għola b'mod sinifikanti. Sabiex tingħata prijorità ugwali lit-tliet objettivi msemmija fil-punt 2.3 waqt li jiġi ġenerat il-kapital rekwiżit għal investimenti futuri f'teknoloġiji innovattivi, l-enerġija għandha tkun disponibbli xorta waħda għall-ekonomija Ewropea bi prezz li jista' jintlaħaq, minkejja d-domanda globali li qed tikber, u fl-istess ħin ikun żgurat il-ħarsien meħtieġ tal-klima. Għalhekk, il-prezz ta' l-enerġija ma għandux — lil hinn minn dak neċessarju sabiex titħares il-klima u minħabba l-iskarsità tar-riżorsi — jiżdied aktar minħabba miżuri ta' l-istat.

F'termini tal-miżuri individwali meħtieġa u l-impatt tagħhom, hemm probabbiltà kbira li jkun hemm kunflitti ta' interessi bejn il-fornituri u l-utenti ta' l-enerġija.

3.3

Inċentivi u l-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet. Sabiex dan jintlaħaq, inċentivi suffiċjenti lis-suq huma meħtieġa sabiex ikun żgurat li ċ-ċikli ta' l-investiment jirriżultaw fl-użu ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija, anke fejn dan jista' jinvolvi spejjeż fl-investiment ogħla. Jekk minkejja l-vijabilità ekonomika, ma jsirux dawn l-investimenti, l-ostakoli involuti jeħtieġ li jiġu analizzati u mneħħija, peress li fil-maġġoranza kbira tal-każi, investimenti fl-effiċjenza ta' l-enerġija (ara wkoll punt 4.1) huma l-irħas mezz kif jitwaqqfu l-emissjonijiet tas-CO2. Fit-teorija, l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet jista' jkun strument tas-suq għal dan il-għan. Madankollu, jinħtieg titjib sostanzjali fl-użu attwali (ara wkoll punt 4.3) biex jiġi evitat volum kbir ta' emissjonijiet tas-CO2 bl-inqas spiża. L-irduppjar ta' strumenti li jippromwovu l-enerġija li tiġġedded, u inċentivi mhux xierqa fl-allokazzjoni ta' ċertifikati, b'mod partikulari n-nuqqas ta' korrelazzjoni bejn l-allokazzjoni u l-produzzjoni proprja (u b'hekk effettivament l-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ifisser ukoll għotja ta' żmuntaġġ (decommissioning grant)), irriżultaw fi profitti eċċezzjonali, li wasslu għal żjieda fil-prezz ta' l-elettriku ta' biljuni ta' euros. Jekk xejn, l-irkanti kompluti proposti mill-Kummissjoni għandhom jgħollu dawn il-prezzijiet dejjem iktar.

3.4

Opportunitajiet veri. Jekk fil-15 sa 25 sena li ġejjin jirnexxilna jiffokaw l-investimenti ġodda u investimenti mill-ġdid numerużi li qed isiru tul dan il-perijodu f'teknoloġiji kost-effettivi, effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija u b'emissjonijiet iktar baxxi, il-ħarsien tal-klima jaf ikollu impatt pożittiv fuq il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea u b'hekk tinħoloq l-opportunità għal iktar prosperità minkejja l-prezzijiet ogħla ta' l-enerġija.

3.5

Prerekwiżiti u rakkomandazzjonijiet. Għal din ir-raġuni wħud mill-prerekwiżiti sabiex jinkiseb vantaġġ minn dawn l-opportunitajiet huma diskussi hawn isfel, flimkien ma' xi rakkomandazzjonijiet xierqa. Prerekwiżit ewlieni huwa li, fl-oqsma ta' l-enerġija, l-ekonomija u r-riċerka, jittieħdu l-aħjar miżuri ta' politika, jiġu applikati l-prinċipji tajbin, u tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda. L-istrumenti ta' politika għandhom jistimolaw u jiffaċilitaw dawk is-soluzzjonijiet li jrendu l-iktar ekonomikament; il-miri kwantitattivi għandhom iqisu l-pass tar-ristrutturar meħtieġ kumpatibbli ma' ekonomija f'saħħitha. Mezzi ta' kejl tal-pass possibbli jinkludu ċikli ta' deprezzament, iż-żmien meħtieġ sabiex jitħarrġu n-nies, l-istadji ta' żvilupp ta' teknoloġiji ġodda, u b'mod partikulari, aġġustament għall-kuntratt soċjali, miżuri ta' taħriġ u bidliet oħra fis-soċjetà. Ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom jagħtu kontribut ewlieni.

3.6

Azzjoni wiesgħaid-diversità, id-diversifikazzjoni, il-flessibilità u r-reċiproċità. B'approċċ minn isfel għal fuq (bottom-up), l-inizjattiva tal-partijiet interessati kollha, u d-diversità, id-diversifikazzjoni u l-flessibilità ta' metodi tekniċi u ekonomiċi għandhom ikunu faċilitati u inkoraġġuti, mingħajr ma jagħtu trattament preferenzjali lil setturi individwali. Huwa biss permezz ta' approċċ fuq bażi wiesgħa u ta' kompetizzjoni f'saħħitha bejn l-għażliet, l-innovazzjonijiet u l-metodi diversi li tissawwar is-saħħa sabiex jiġu miġġielda kriżijiet individwali u biex jinħolqu dawk il-metodi u teknoloġiji l-iktar effiċjenti, kif ukoll sabiex tinħoloq l-aħjar kombinazzjoni tagħhom. Għalhekk, hija meħtieġa taħlita ta' enerġija b'firxa wiesgħa, li jfisser li l-ebda teknoloġija (15) utli ma għandha tiġi abbandunata qabel il-waqt. Il-mod l-iktar effettiv sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista huwa permezz ta' ħolqiet xierqa bejn il-produtturi, il-fornituri u l-utenti fil-katina tal-provvista kollha kemm hi, mis-sors sal-konsumatur. Dan jirrikjedi relazzjonijiet ekonomiċi reċiproċi, jiġifieri kundizzjonijiet ta' investiment siguri għal kapital barrani fl-UE, u fl-istess ħin, kundizzjonijiet siguri għall-investimenti ta' l-UE fil-pajjiżi fornituri.

3.7

Miżuri ta' politika Ewropej u l-kooperazzjoni globali. Il-politika Ewropea ta' l-enerġija u l-klima għandha tinkuraġġixxi l-kooperazzjoni li tinvolvi sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, biex b'hekk jingħaqdu flimkien u jsir l-aħjar użu tas-saħħa ekonomika, ġeografika u tar-riżorsi ta' kull Stat Membru. Per eżempju, tekniki għall-użu ta' enerġija li tiġġedded għandhom jintużaw f'dawk il-postijiet fl-Ewropa fejn hemm l-aħjar kundizzjonijiet (b'mod partikulari kundizzjonijiet tat-temp), inklużi rotot tat-trasmissjoni xierqa, u mhux fejn jinzertaw l-ikbar sussidji nazzjonali. Iktar minn hekk, madankollu, għandhom isiru sforzi lejn kooperazzjoni globali fl-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji klimatiċi li ma jaħlux enerġija u li jevitaw l-emissjoni ta' gassijiet.

3.8

Miri kwantitattivi kontradittorji  (16) u doppji. L-iżgurar ta' l-ikbar effiċjenza ekonomika possibbli ser iżomm għal minimu l-ispejjeż ekonomiċi u l-piż soċjali fuq il-pubbliku.

Madankollu, l-irduppjar ta' miri ta' politika ta' l-enerġija u tal-klima jwasslu għal sistema regolata wisq u għal soluzzjonijiet mhux ekonomiċi; għaldaqstant għandhom jiġu evitati. L-eżempju li ġej jista' jservi ta' eżempju:

L-objettiv ewlieni ta' l-UE fir-rigward tal-klima, li huwa tnaqqis ta' 20 % fl-emissjonijiet ta' CO2 tul il-perijodu bejn 1990 u l-2020, skond id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2007, għandu jirriżulta f'telf fil-PGD (17) (skond l-istima tal-Kummisjoni Ewropea tat-23.01.2008) ta' bejn EUR 480 u EUR 560 (GWS/Prognos) (18) biljun tul il-perijodu 2013-2020. Jinħtieġ li dan jiġi aċċettat u għaldaqstant għandu jkun il-prinċipju ta' gwida ewlieni għal kull azzjoni ulterjuri.

Madankollu, il-mira ambizzjuża addizzjonali ta' sehem ta' 20 % għal sorsi ta' enerġija li jiġġeddu għandha żżid dawn l-ispejjeż iktar, peress li l-ispejjeż sabiex jiġi evitat is-CO2 fis-sorsi li jiġġeddu huma ferm ogħla minn miżuri oħra għat-tnaqqis tas-CO2.

Għandhom jinħolqu iktar żvantaġġi u kumplikazzjonijiet jekk l-effiċjenza reali fl-użu ta' l-enerġija fl-ekonomija (ara punt 2.10.2) tiġi stabbilita bħala mira addizzjonali, ikkwantifikata b'mod ċar (20 %), meta wieħed iqis li l-mod l-iktar sempliċi biex din il-mira tintlaħaq ikun li l-industrija tiċċaqlaq għal post ieħor jew — minħabba l-mod kif hija definita l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija — li tibdel it-taħlita ta' enerġija minn enerġija nukleari u l-faħam (ogħla b'mod sinifikanti) għall-gas u sorsi ta' enerġija li jiġġeddu (19). Dawn l-effetti sekondarji mhux mixtieqa juru li l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija ma għandhiex tintuża bħala objettiv fiha nnifisha, iżda bħala mezz — anke jekk wieħed importanti ħafna — sabiex jintlaħqu b'mod sostenibbli t-tliet objettivi fundamentali mfissra fil-punt 2.3.

Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li kwalunkwe miri għall-ħarsien tal-klima l-ewwel għandhom ikunu evalwati bir-reqqa u b'mod oġġettiv fir-rigward ta' l-impatt tagħhom fuq il-PGD sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività ta' l-industrija Ewropea u sabiex tkun żgurata l-aħjar allokazzjoni possibbli tar-riżorsi waqt li jitwettaq it-tnaqqis neċessarju fil-gassijiet b'effett ta' serra.

3.8.1

Studji. Studji (20) jissuġġerixxu li

Objettiv għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 għall-UE b'ammont xi ftit inqas minn 20 % (21) huwa vijabbli ekonomikament jekk dawk li jfasslu l-politika u soċjetà jirnexxilhom fl-implimentazzjoni konsistenti tal-miżuri l-iktar kost-effettivi (studju Mc Kisney minn isfel għal fuq (bottom up, li fih jiġu preċiżati bl-eżatt il-miżuri neċċessarji possibbli); fil-verità jeżistu anke studji li jippreżentaw kemm objettivi aktar elevati ta' tnaqqis hum realiżżabbli; dawn ta' l-aħħar, f'dawk li huma studji minn fuq għal isfel (top down) ma jispjegawx fis-sew kif dan jista' jseħħ.

madankollu l-prezz ta' kull punt perċentwali addizzjoni ta' tnaqqis tas-CO2 jiżdied b'rata dejjem iktar mgħaġġla (telf kumulattiv ta' PGD ta' bejn EUR 480 u 560 biljun, ara punt 3.8); b'hekk, il-mira li jitnaqqas is-CO2 b'20 % tesiġi bidla li tqum il-flus tat-taħlita ta' enerġija minn faħam għall-gass u sorsi ta' enerġija li jiġġeddu;

it-twaqqif ta' mira addizzjonali għall-enerġija li tiġġedded ta' 20 % ser jirriżulta fi spiża ta' ħafna iktar biljuni ta' euros, objettiv li jista' jintlaħaq biss permezz ta' l-użu, b'sussidji kbar ħafna, ta' teknoloġiji mhux ekonomiċi (għall-inqas bil-livell ta' għarfien attwali).

3.8.2

Bilanċ bejn l-objettivi mfissra fil-punt 2.2. Meta wieħed iqis il-bilanċ meħtieġ bejn it-tliet objettivi fir-rigward ta' l-enerġija u l-ambjent imfissra fil-punt 2.3, l-għan ta' l-istrumenti ta' politika għandu jkun li jintużaw miżuri ta' tnaqqis tas-CO2 li huma attraenti ekonomikament sabiex jitwettaq dak kollu li jista' jsir mingħajr ma ssir ħsara lill-ekonomija. Madankollu, isejjaħ għal bidla fit-taħlita ta' l-enerġija bi proporzjon wisq għoli ta' enerġiji li jiġġeddu — li, bit-teknoloġija fl-istat attwali ta' żvilupp, hija prematura u għalhekk tqum wisq flus — u minħabba li objettiv li huwa wisq preskrittiv ekonomikament għall-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija jirriżulta f'allokazzjoni żbaljata tal-fatturi tal-produzzjoni madwar l-ekonomija kollha (22) u tinvolvi r-riskju li l-produzzjoni Ewropea, fiha nnifisha, ma tibqax kapaċi tlaħħaq mad-domanda għal teknoloġiji ambjentali li huma partikularment effiċjenti. Per eżempju, studju tal-Kummissjoni Ewropea (23) juri li l-prezzijiet tas-CO2 ta' EUR 20-25/tunnellata diġà għandhom impatt sinifikanti fuq il-kompetittività ta' ħafna setturi industrijali.

3.9   Ir-Riċerka u l-Iżvilupp. Taħriġ.

3.9.1

Żjieda fir-riċerka u l-iżvilupp tul il-katina sħiħa ta' l-enerġija hija element essenzjali ta' l-iżviluppi teknoloġiċi meħtieġa sabiex jinħolqu għażliet ġodda, jitnaqqsu l-ispejjeż u tittejjeb l-effiċjenza meta jiġu sfruttati u promossi r-riżorsi, fil-konservazzjoni u l-ħżin ta' l-enerġija, u fl-użu aħħari mill-industrija, it-trasport, id-djar u l-konsumatur privat. Il-Kumitat stqarr kemm-il darba li l-finanzjar tar-Riċerka u l-Iżvilupp għandu jiżdied ħafna jekk dan il-għan ser jintlaħaq. Finanzjar bħal dan għandu jibbenefika wkoll minn tnaqqis fis-sussidji kbar tas-suq għat-teknoloġiji li għadhom wisq 'il bogħod milli jiksbu l-vijabilità tas-suq fihom infushom.

3.9.2

L-appoġġ ta' l-Istat għar-riċerka fl-enerġija għandu jiffoka fuq ir-riċerka bażika kruċjali (per eżempju, katalisi, il-bijoteknoloġija bajda/ħadra, ir-riċerka fil-materjali, il-fużjoni nukleari, it-tnaqqis ta' l-aktinid (actinide decay), eċċetra), waqt li l-appoġġ għar-Riċerka u l-Iżvilupp applikata għandu jiġi primarjament min-negozji (inklużi l-SMEs). Lil hinn minn dan, huwa meħtieġ taħriġ intensiv ta' l-ispeċjalisti kollha neċessarji, minn tekniċi għal inġeniera u xjentisti, kif ukoll li jiżdied l-għarfien fost dawk li huma involuti indirettament fl-enerġija, inklużi l-konsumaturi.

4.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

4.1   Dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, għażla mingħajr dispjaċir

Ittejjeb is-sigurtà tal-provvista, tnaqqas it-tniġġis u tistabbilizza l-prezzijiet ta' l-enerġija.

Fil-livell globali, it-tisħiħ ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija jista' jaqta' l-emissjonijiet ta' CO2 b'madwar 6 Gt (biljun tunnellata) sa l-2030, b'bilanċ negattiv fuq l-ispiża (24).

L-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija hija l-muftieħ għall-inklużjoni ta' pajjiżi mhux Ewropej fi ftehim globali dwar il-ħarsien tal-klima.

L-ottimizzazzjoni tagħha jfisser it-tneħħija ta' kunflitti bejn objettivi leġislattivi differenti: il-liġi tal-kera, kwoti ta' riċiklaġġ.

“Il-kejl” ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija ta' pajjiż partikulari għandu jiffoka fuq kif il-konsumaturi fil-fatt jużaw il-prodotti, u mhux esklussivament fuq il-konsum ta' l-enerġija fuq PGD.

Fejn hemm objettivi li joħolqu kunflitt ma' xulxin fir-rigward ta' prodotti li jaħdmu bl-enerġija, l-enfasi għandha tkun fuq il-ħajja attiva tal-prodott.

L-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija għandha tiġi promossa l-iktar fejn hemm il-potenzjal għal iffrankar sinifikanti, jiġifieri l-iktar fil-bini u fil-power stations.

Ċikli ta' investiment u perijodu ta' ħlas lura jidditerminaw jekk hija ekonomika jew le.

Dawn għandhom ikunu wkoll fattur ewlieni fl-enerġija li tiġġedded (ara t-taqsima dwar l-enerġija li tiġġedded għal aktar dettalji).

L-impjanti industrijali li jikkonformaw mal-valuri indikattivi ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija ma għandhomx jitgħabbew bil-piż ta' spejjeż addizzjonali permezz ta' strumenti ta' politika bħall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet (per eżempju irkanti).

Il-potenzjal għal iktar effiċjenza globali fl-użu ta' l-enerġija għandu jiġi analizzat settur settur (25).

4.2   Dwar l-enerġija li tiġġedded.

4.2.1

L-enerġija li tiġġedded tikkontribwixxi għall-provvista ta' l-enerġija sostenibbli (aktar sigurtà tal-provvista, u produzzjoni ta' l-enerġija li hija kważi kollha kemm hi newtrali fir-rigward tas-CO2). Fit-tul, ser ikollha tibqa' mingħajr sussidji u b'hekk issir ħafna iktar effiċjenti.

4.2.2

Għalhekk, appoġġ futur ta' enerġiji li jiġġeddu u l-iżvilupp tagħhom għandu jikkunsidra l-punti li ġejjin, bil-għan li l-appoġġ ikun iktar vijabbli ekonomikament:

L-appoġġ għandu jkun immirat lejn vijabilità ekonomika massima.

Is-swieq mexxejja għandhom jiġu żviluppati, l-aktar billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet xierqa u għandhom ikunu kompatibbli mas-setturi attwali li diġà taw prova tal-valur tagħhom, u mhux akkost tagħhom.

Strumenti ta' appoġġ għandhom jagħtu preferenza lil dawk il-postijiet l-iktar xierqa fl-UE. Il-bijomassa għandha tintuża għall-enerġija fil-post fejn hija prodotta. (Spejjeż tat-trasport).

Teknoloġiji ta' l-enerġija li tiġġedded li għadhom 'il bogħod milli jkunu vijabbli ekonomikament l-ewwel għandhom jiġu żviluppati iktar bis-saħħa ta' strumenti tar-Riċerka u l-Iżvilupp minflok ma jitqiegħdu fis-suq qabel iż-żmien permezz ta' sussidji li jqumu l-flus.

L-appoġġ għall-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-enerġiji li jiġġeddu għandu jsir b'mod li jagħmel sens; il-prijorità inizjali għandha tkun miżuri għall-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, u wara sforzi għall-promozzjoni ta' l-użu ta' enerġiji li jiġġeddu. Per eżempju, id-direttiva ppjanata dwar l-enerġija li tiġġedded u t-tisħin, imfassla sabiex tippromwovi l-użu ta' l-enerġija li tiġġedded għat-tisħin tal-bini li l-ewwel ġie rinovat sabiex jitnaqqsu r-rekwiżiti ta' tisħin.

4.3   Rakkomandazzjonijiet ulterjuri għal azzjoni

Qabel ma jitwaqqfu objettivi futuri, il-prospetti tekniki għall-implimentazzjoni għandhom jiġu analizzati, flimkien ma' l-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali. L-objettivi mbagħad għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta' ftehim Ewropew, jew preferebbilment, ftehim globali.

Għalhekk, strumenti ta' politika għandu jkollhom l-għan li jeżerċitaw l-influwenza mixtieqa (per eżempju inċentivi għall-investiment f'miżuri ekonomiċi, l-iżvilupp ta' swieq ġodda), waqt li jiġu evitati impatti mhux mixtieqa (per eżempju r-relokazzjoni ta' investimenti u spejjeż ogħla għan-negozju u l-konsumatur).

Strumenti ta' politika għandhom ikunu aktar konsistenti milli kienu s'issa billi jieħdu kont tal-klima, l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-kapital dejjem fuq il-bażi ta' valuri kwantifikabbli. L-aħjar miżura hawnhekk hija l-ispiża sabiex jiġu evitati l-emissjonijiet tas-CO2.

L-UE trid tirranġa l-lista ta' strumenti li hija preskrittiva wisq (skambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet, appoġġ għal enerġiji li jiġġeddu, appoġġ għall-koġenerazzjoni tat-tisħin u l-enerġija, taxxi fuq l-enerġija, u l-liġi regolatorja, bil-proliferazzjoni ta' direttivi individwali li fiha). Kunflitti bejn objettivi differenti jridu jiġu solvuti; miżuri kost-effettivi għandhom jingħataw il-prijorità fuq dawk li m'humiex kost-effettivi (ġeneralment, l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija għandha tingħata prijorità fuq l-iżvilupp ulterjuri ta' l-enerġiji li jiġġeddu).

L-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet għandu jinbidel sabiex jippromwovi l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u jiġi evitat il-waqfien tal-produzzjoni. Sabiex ikun żgurat li n-negozji jkollhom il-kapital neċessarju sabiex jinvestu fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, m'għandux ikun hemm irkant għaċ-ċertifikati, iżda minflok joħorġu fuq il-bażi ta' valuri indikattivi dwar l-effiċjenza marbuta ma' ammonti reali ta' produzzjoni. B'hekk l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet għandu jkollu impatt ugwalment b'saħħtu fir-rigward taż-żjieda fl-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija bħal fil-każ ta' irkanti sħaħ, iżda jevita wkoll ir-reperkussjonijiet negattivi, bħall-konsolidazzjoni ta' żjidiet mhux neċessarji fil-prezz ta' l-elettriku — profitti eċċezzjonali — u l-industriji intensivi fl-użu ta' l-enerġija jitgħabbew b'piżijiet kbar. L-irduppjar ta' l-istrumenti għall-promozzjoni ta' l-enerġija li tiġġedded, u inċentivi mhux xierqa fl-allokazzjoni ta' ċertifikati, għandhom jiġu evitati. Minflok, il-korrelazzjoni bejn l-allokazzjoni u l-produzzjoni reali għandha tiġi kkunsidrata (sabiex l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ma jsirx għotja ta' żmuntaġġ). F'xi setturi, l-irkant huwa mistenni joħloq żjidiet ta' aktar minn 10 % fl-ispejjeż ta' produzzjoni, u b'hekk jiġu bblokkjati l-pjanijiet biex jiżdiedu s-salarji.

L-appoġġ għal enerġiji li jiġġeddu għandu jiġi armonizzat madwar l-UE sabiex il-farms tar-riħ u l-impjanti fotovoltajiċi (photovoltaic) jinbnew fl-iktar postijiet adattati fl-UE. Appoġġ estensiv għas-sorsi li jiġġeddu ta' sħana, elettriku u karburant għandu jingħata mhux fuq il-bażi tal-ħtiġijiet reġjonali iżda skond il-kundizzjonijiet klimatiċi (u trasmissjoni) lokali, li huma l-iktar vantaġġjużi għall-effiċjenza.

L-enerġija bħala fattur tal-produzzjoni għandha tkun esentita kemm jista' jkun minn spejjeż addizzjonali (jiġifieri addizzjonali għal dawk li jkollu jħallas il-fornitur ta' l-enerġija u inklużi fil-prezz rilevanti li bih nxtrat l-enerġija) fuq il-klima u l-enerġija imposti mill-gvern (l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet, appoġġ għall-enerġiji li jiġġeddu, il-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija, it-taxxi fuq l-enerġija, eċċetra) sabiex ma tiddgħajjifx il-kompetittività globali u jiġu evitati relokazzjonijiet. Huma biss kumpaniji f'saħħithom ekonomikament li huma fil-pożizzjoni li jieħdu l-passi meħtieġa biex itejbu l-effiċjenza, jiżviluppaw teknoloġiji ġodda u jiġbru l-kapital meħtieġ.

L-enfasi tal-ftehim globali għandha tkun fuq l-objettivi relattivi (effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra/PGD) sabiex pajjiżi b'potenzjal qawwi għal tkabbir ekonomiku (u għalhekk għal żjidiet fl-emissjonijiet) ikollhom l-inċentivi biex jipparteċipaw fi ftehim bħal dan. Prinċipalment, dawn l-inċentivi għandhom jieħdu s-sura ta' trasferiment tat-teknoloġija — per eżempju l-objettiv stabbilit mill-forum AP6 (26) ta' sitt pajjiżi mir-reġjun Asja-Paċifiku — sabiex it-teknoloġiji effiċjenti jaslu kemm jista' jkun malajr fir-reġjuni fejn il-ħtieġa li jintlaħaq livell mal-pajjiżi l-oħra jinħass l-iżjed.

Brussell, it-13 ta' Frar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Minkejja d-deċiżjonijiet individwali ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-enerġija nukleari.

(2)  L-opinjonijiet rilevanti tal-Kumitat mill-aħħar erba' snin huma elenkati fl-appendiċi.

(3)  Opinjoni fuq Inizjattiva Proprja tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali dwar Ir-regoli ambjentali Ewropej u l-bidliet industrijali, CESE 696/2007, Rapporteurs: Mr Pezzini and Mr Nowicki.

(4)  CESE-2007-09, daħla tas-Sur Sepi

(5)  Xi wħud mill-aspetti soċjali li huma wkoll rilevanti għal din l-opinjoni ser jiġu ttrattati fl-opinjoni fuq inizzjattiva propja lij miss dwar L-Implikazzjonijiet soċjali ta' l-iżviluppi fit-trasport u l-enerġija.

(6)  Kien hemm xi diżappunt hawnhekk ukoll, bħal fil-każ reċenti tat-tamiet fir-rigward tal-bijokarburanti. Ara Ten/286.

(7)  Fuq dan is-suġġett ara l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-ispejjeż tal-pakkett ta' klima ta' l-UE, ippubblikat f'Jannar 2008: 0,45 % tal-PGD jew UR 60 biljun fis-sena jew madwar EUR 3 għall kull ċittadin kull ġimgħa (aktar minn EUR 600 fis-sena għal kull familja ta' erbgħa).

(8)  L-eċċezzjonijiet huma l-enerġija idroloġika u l-enerġija nukleari.

(9)  It-teknoloġija tal-ħżin li għandha tkun neċessarja jekk il-provvista ser tikber għandha twassal għal żieda iktar drammatika fl-ispejjeż.

(10)  u fuq l-impjieg li b'hekk jinħoloq

(11)  Mid-diskors tal-President Sarkozy fit-13 ta' Novembru 2007 lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

(12)  Ara CCMI/040, L-iżvilupp ta' l-Industrija Ewropea tas-Siment.

(13)  Il-Kummissjoni tbassar li ttemm iċ-ċertifikati ta' emmissjoni b'xejn (NdT), EurActiv, 10.1.2008, http://www.euractiv.com/en/climate-change/commission-eyes-free-pollution-credits/article-169434

(14)  Speċifikament, sakemm ma jkunx hemm reċessjoni ġeneralizzata.

(15)  Minkejja d-deċiżjonijiet individwali ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-enerġija nukleari.

(16)  Teknoloġiji għall-ġabra u l-ħżin tal-karbonju (CCS) li qed jiġu żviluppati attwalment jistgħu jkunu partikularment effettivi fit-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2. Madankollu, dan il-proċess inaqqas l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija meta mqabbla ma' impjanti simili mingħajr CCS. B'hekk, huwa ċar li hemm kontradizzjoni ċara bejn it-tnaqqis tas-CO2 u l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija. Meta wieħed iqis ir-riservi kbar ta' faħam li għadhom disponibbli, dan it-telf ta' effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija jista' jiġi assorbit b'mod temporanju. F'dan il-każ, l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija ma għandhiex tkun stabbilita bħala mira kwantitattiva addizzjonali.

(17)  Diskors mill-President tal-Kummissjoni Barrosso, fit-23 ta' Jannar 2008

(18)  Studju mill- GWS/Prognos għall-Ministeru Federali tal-Ġermanja għall-Ekonomija, Ottubru 2007

(19)  Ir-raġuni għal dan hija d-definizzjoni ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija bħala proporzjon tal-konsum primarju ta' enerġija bħala parti mill-PGD. Il-konsum primarju ta' l-enerġija jiġi kkalkolat bl-użu ta' dak li jissejjaħ “metodu ta' effiċjenza”. Dan ifisser li l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija tista' tittripla jekk per eżempju power station nukleari jiġi sostitwit għal enerġija mir-riħ jew mix-xemx mingħajr ma jiġi ffrankat lanqas kWh wieħed ta' elettriku. Is-sostituzzjoni ta' impjant ta' l-enerġija nukleari bil-gass naturali għanda żżid ukoll l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, anke jekk l-emissjonijiet ta' CO2 fil-fatt jiżdiedu.

(20)  McKinsey, German Cost Curve for CO2 Reduction, September 2007 EEFA, study for energy-intensive industries, September 2007.

(21)  Aktar preċiżament, għall-Ġermanja, 26 %, li jekk tnaqqas minnhoma tasal għal 15 %-20 % għall-UE.

(22)  Dan huwa rifless fil-miżuri politiki attwali stipulati għal perijodu qasir li jinvolvu pjanijiet ta' ħames snin għas-sehem — ta' sikwit fil-livell nazzjonali — ta' enerġiji li jiġġeddu u allokazzjonijiet ta' CO2.

(23)  “EU ETS Review. Report on International Competitiveness”, European Commission/McKinsey/Ecofys, December 2006.

(24)  McKinsey, cost curve.

(25)  Skond l-approċċ ta' l-IEA.

(26)  Is-“Sħubija bejn l-Asja u l-Paċifiku dwar l-Iżvilupp Nadif u l-Klima” hija forum ġdid immirat lejn żvilupp u l-użu iktar mgħaġġel ta' teknoloġiji ta' l-enerġija nodfa. Il-pajjiżi parteċipanti huma l-Awstralja, il-Kanada, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea u l-Istati Uniti. L-għan huwa li ssir ħidma man-negozju sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' l-enerġija u l-klima b'tali mod li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-ġlieda kontra l-faqar. L-enfasi hija fuq l-investiment, il-kummerċ u t-trasferiment tat-teknoloġija.


Top