Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0074

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-White Paper dwar l-isport COM(2007) 391 finali

    ĠU C 151, 17.6.2008, p. 36–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.6.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 151/36


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-White Paper dwar l-isport

    COM(2007) 391 finali

    (2008/C 151/12)

    Nhar il-11 ta' Lulju 2007, il-Kumissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

    White Paper dwar l-isport

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Koller.

    Matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'125 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.

    Fil-11 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-White Paper tagħha dwar l-isport. Din il-White Paper tinkludi l-ewwel analiżi komprensiva tas-sitwazzjoni ta' l-isport fl-Ewropa, diskussjoni tal-problemi li qiegħda taffaċja l-Ewropa f'dan il-qasam u pjan ta' azzjoni speċifiku.

    1.   Rakkomandazzjonijiet u proposti

    1.1

    Il-KESE jipproponi li minn fost l-attivitajiet ġenerali u l-pjan ta' azzjoni msemmija fil-White Paper, l-Istati Membri jagħrfu jagħżlu dawk li għandhom ikunu l-prijoritajiet komunitarji. Dan għandu jseħħ b'konformità mat-Trattat ta' Lisbona li għandu jidħol fis-seħħ fl-2009, billi l-Artikolu 149 ta' dan it-Trattat jiffoka fuq ir-rwol ta' l-isport fl-edukazzjoni u fid-dinja taż-żgħażagħ.

    1.2

    Il-futur ta' l-Ewropa jiddependi mis-saħħa u l-produttività tal-poplu tagħha. Il-KESE jemmen li l-mard li qiegħed jolqot popolazzjonijiet sħaħ u li huwa kkawżat minn piż żejjed u min-nuqqas ta' attività fiżika sar problema fost iż-żgħażagħ ukoll.

    1.3

    Il-KESE jirrakkomanda li fit-tħejjija ta' programmi ġodda li jippromovu attivitajiet sportivi li jtejbu s-saħħa, għandhom jiġu kkunsidrati dimensjonijiet multidixxiplinarji. Approċċ konġunt bejn dipartimenti differenti fil-livell komunitarju jista' jkollu impatt pożittiv fuq il-miżuri frammentati implimentati mill-istrutturi governattivi fil-livell nazzjonali.

    1.4

    Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati miżuri li huma kemm neċessarji kif ukoll konsistenti mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tkompli tikkoordina u tħeġġeġ il-ħidma f'dan il-qasam.

    1.5

    Il-KESE jemmen li fl-iskejjel primarji u sekondarji, il-ħin allokat lill-edukazzjoni fiżika għandu jiżdied għal minn ta' l-anqas tliet sigħat fil-ġimgħa, li l-edukazzjoni terzjarja għandha tipprovdi opportunitajiet għall-isport u li s-sessjonijiet ta' edukazzjoni fiżika jsiru parti obbligatorja tas-sillabu. Il-lezzjoni ta' l-edukazzjoni fiżika, kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll fl-iskejjel sekondarji għandha tkun organizzata b'tali mod li tippermetti lit-tfal u ż-żgħażagħ kollha, anke dawk li għandhom diżabilità, li jipparteċipaw; dan jista' jseħħ billi l-lezzjoni tiġi strutturata għall-individwu jew għal grupp sħiħ. Barra minn hekk għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-kundizzjonijiet li fihom isiru l-lezzjonijiet ta' l-isport fl-iskejjel u b'mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-faċilitajiet ta' wara l-lezzjoni, bħad-doċċi, li ħafna drabi huma skoraġġanti u ftit li xejn iħajru liż-żgħażagħ jipprattikaw xi sport.

    1.6

    L-imsieħba soċjali tal-livelli kollha għandhom jitħeġġu jippromovu l-importanza ta' stil ta' ħajja li huwa tajjeb għas-saħħa. Barra minn hekk dawk li jħaddmu għandhom jingħataw inċentivi sabiex jintroduċu miżuri għall-promozzjoni tas-saħħa fil-kumpaniji, miżuri li jinkludu wkoll programmi sportivi.

    1.7

    Nixtiequ li jitwaqqaf grupp ta' ħidma fejn ikunu jistgħu jiġu analizzati l-esperjenzi ta' l-Istati Membri u l-għażliet li jeżistu f'dan il-qasam, fosthom eżempji ta' kif jistgħu jiġu inklużi l-persuni b'diżabilità f'attivitajiet bħal dawn.

    1.8

    Il-KESE jemmen li t-tnedija ta' kampanji ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet ġodda għall-applikazzjoni għall-fondi hija importanti, speċjalment għax il-programmi tal-passat ftit li xejn offrew opportunitajiet għall-isport. Il-KESE jirrakkomanda li dawk l-inizjattivi li jqajmu kuxjenza dwar l-importanza ta' l-isport (ikunu) jagħmlu parti minn strateġija komprensiva u integrata. Il-kampanji ta' informazzjoni m'għandhomx jimmiraw biss lejn iż-żgħażagħ iżda għandhom ikunu bbażati fuq it-twemmin li l-isport jista' jkun utli għal kulħadd jiġifieri anke għal dawk il-persuni b'diżabilità.

    1.9

    Il-KESE jirrakkomanda li parti speċifika tal-Fondi Strutturali tmur lejn faċilitajiet komunitarji ta' sport u rikreazzjoni. Madanakollu jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li ħafna drabi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw aktar fuq il-kostruzzjoni ta' stabbilimenti sportivi kbar milli fuq il-kostruzzjoni ta' grounds sportivi jew infrastrutturi oħra li jistgħu jintużaw mill-poplu għall-attività sportiva. Għalhekk, il-Fondi Strutturali għandhom l-ewwel u qabel kollox jintużaw sabiex jinbnew stabbilimenti bħal dawn.

    1.10

    Il-KESE jilqa' l-proposta li jerġa' jiġi stabbilit Forum Sportiv, b'mod speċjali peress li dan jista' jservi ta' lok importanti għad-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha. Permezz tal-forum jistgħu jiġu stabbiliti wkoll miżuri konkreti sabiex isir titjib fil-qasam tal-prattika ta' l-isport.

    1.11

    Il-KESE jixtieq jipparteċipa fil-Forum Sportiv bħala osservatur u b'hekk jassigura li s-soċjetà ċivili qed ikollha impatt dirett f'dan il-qasam.

    1.12

    Il-KESE jirrakkomanda li l-attivitajiet tal-grupp ta' ħidma dwar il-fondi sportivi (għandhom) jinkludu wkoll analiżi tat-tassazzjoni nazzjonali li għandha x'taqsam ma' l-isport u tar-regoli tas-sigurtà soċjali. Il-grupp ta' ħidma għandu jħejji lista ta' l-aħjar prassi.

    1.13

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi miġġielda l-kriminalità fl-inħawi fejn jiġu organizzati l-aqwa avvenimenti sportivi nazzjonali u internazzjonali, b'mod speċjali sabiex jiġu protetti n-nisa u t-tfal.

    1.14

    Fil-fehma tal-KESE, id-diretturi ta' l-organizzazzjonijiet sportivi li jibbenefikaw direttament jew indirettament mill-fondi Komunitajri, li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet permezz ta' teams jew atleti u li għandhom baġit annwali li jaqbeż EUR 5 miljuni, għandhom jagħtu rendikont annwali tal-qligħ u l-assi tagħhom bħalma jagħmlu dawk li għandhom kariga pubblika jew politika.

    1.15

    Id-djalogu soċjali għandu jinkludi l-gyms, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-atleti professjonali u għandu jinkludi wkoll l-okkupazzjonijiet segwenti: għalliema u coaches sportivi, xjenzjati u tobba ta' l-isport, fiżjoterapisti, massjaturi, eċċ. Fih għandhom jiġu inklużi wkoll dawk il-kategoriji professjonali li jagħmlu qligħ mill-isport bħall-coaches, maniġers, organizzaturi, aġenziji, promoturi eċċ. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jassiguraw li kull qasam ta' l-isport jinkorpora d-djalogu soċjali.

    2.   L-isfond u l-objettivi tal-White Paper

    2.1

    L-isport huwa marbut ma' diversi aspetti soċjali: l-edukazzjoni, il-kultura, l-attività ekonomika, il-kompetizzjoni, il-moviment ħieles tal-persuni u tal-merkanzija, id-drittijiet tal-bniedem u s-saħħa. Barra mis-sinifikat ekonomiku ta' l-isport, hemm diversi raġunijiet oħra għalfejn l-isport għandu importanza soċjali kbira.

    2.2

    Matul dawn l-aħħar snin il-klabbs sportivi inbidlu sew: il-maġġoranza tal-klabbs tilfu x-xejra nazzjonali u dilettantista (volontarja) li kellhom qabel u ħafna minnhom saru kumpaniji u b'hekk huma soġġetti għar-regoli tas-Suq Uniku.

    2.3

    L-UE għad m'għandhiex ġurisdizzjoni legali diretta fuq kwistjonjiet ta' sport. Id-dritt legali fuq l-isport ġej mil-leġislazzjoni Ewropea sekondarja (per eżempju il-każistika) jew mill-applikazzjoni diretta tal-legislazzjoni primarja li tista' tiġi applikata għall-isport ukoll.

    2.4

    Qabel ma ġiet ippublikata l-White Paper, ma kien hemm l-ebda strateġija Ewropea għall-isport. Madanakollu l-isport ġie indirizzat f'diversi oqsma tal-politika Ewropea. L-isport issemma fit-Trattat ta' Amsterdam ta' l-1997 u wara fir-Rapport ta' Helsninki ta' l-1999 dwar l-isport, fejn il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-miżuri li ser timplimenta sabiex jissaħħaħ ir-rwol soċjali u edukattiv ta' l-isport. Dawn id-dokument kollha jenfasizzaw il-valur soċjali u edukattiv ta' l-isport.

    2.5

    It-tema ġiet indirizzata wkoll fid-Dikjarazzjoni ta' Nizza tas-sena 2000 u fil-konferenza intergovernattiva tas-sena 2004 fejn kien ġie deċiż li l-Trattat ta' l-UE għandu jinkludi s-suġġett ta' l-isport.

    2.6

    Il-Parlamemt Ewropew adotta żewġ rapporti dwar temi relatati ma' l-isport (1). Barra minn hekk, indipendentement mill-Kummissjoni, tħejjiet karta dwar l-isport Ewropew. Din il-karta tħejjiet fil-kuntest tar-Reviżjoni Sportiva Ewropea Indipendenti  (2). L-ewwel parti tar-rapport tikkunsidra l-isport ġenerali Ewropew u t-tieni parti tuża l-futbol bħala każ ta' studju fl-analiżi ta' l-isport.

    2.7

    It-Trattat ta' Lisbona li mistenni jiġi adottat fl-2009, jinkludi paragrafu separat dwar l-isport. B'riżultat ta' dan, l-isport sar qasam ta' responsabbiltà ta' l-UE.

    2.8

    Il-White Paper tfasslet wara proċess twil ta' konsultazzjoni ma' korpi governattivi, NGOs u gruppi tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri, kumitati Olimpiċi u ma' dawk li huma responsabbli mit-tfassil tal-politika. Barra minn hekk, saru wkoll konferenzi, laqgħat ministerjali informali u konsultazzjoni online ta' xhur sħaħ li ġabret 777 risposta. Diversi Direttorati Ġenerali ta' l-UE organizzaw laqgħat sabiex jilħqu ftehim dwar xi oqsma tal-poltika li huma relatati ma' l-isport. Il-White Paper stabbilixxiet firxa ta' inizjattivi għall-isport amatorjali u l-isport kompetittiv. Hija għarfet l-isport bħala qasam ta' responsabbiltà nazzjonali.

    2.9

    Skond ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet, il-kwistjonijiet relatati ma' l-isport jistgħu jinqasmu fi tliet oqsma prinċipali li huma dawn:

    ir-rwol soċjali ta' l-isport;

    id-dimensjoni ekonomika ta' l-isport;

    kwistjonijiet organizzattivi ta' l-isport.

    2.10

    Ġew idendifikati wkoll sitt problema oħra, ilkoll differenti minn xulxin:

    inċertezza ġejja mill-fatt li ma jeżistix qafas legali Ewropew;

    problemi relatati mal-ġestjoni ta' l-isport, b'mod partikolari ta' l-isport professjonali: sitwazzjonijiet illegali fejn l-aġenti ma jipprovdux lill-plejers taħt l-età bil-protezzjoni meħtieġa, doping, razziżmu u vjolenza;

    problemi ta' fondi għall-isport in ġenerali, mezzi konvenzjonali ta' finanzjar u b'mod aktar speċifiku il-finanzjar lokali ta' l-isport;

    in-nuqqas ta' data disponibbli dwar is-settur sportiv, data li tista' tintuża mill-politiċi bħala bażi għall-azzjoni;

    il-piż żejjed, l-obeżità, il-mard kardjovaskulari u l-artrite ikkawżati min-nuqqas ta' attività fiżika u li qegħdin jaffettwaw aktar u aktar nies u

    l-integrazzjoni inadegwata ta' l-isport fl-edukazzjoni.

    2.11

    B'riżultat ta' dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni għarfet li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti aktar attenzjoni lill-qasam ta' l-isport u tindirizza l-isfidi li ġew identifikati. Il-programmi attwali ta' l-UE u dawk imħejjija għall-ġejjieni għandhom jagħtu aktar importanza lill-isport. Hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet dwar kif il-fondi ta' l-UE jistgħu jintużaw għall-proġetti sportivi u hemm ukoll bżonn ta' djalogu u kooperazzjoni politika dwar l-isport fil-livell ta' l-UE.

    3.   L-għan u l-kontenut tal-White Paper

    3.1

    Il-White Paper tgħid li “l-għan kumplessiv tagħha huwa li tagħti orjentament strateġiku dwar rwol l-isport fl-Ewropa, biex tħeġġeġ li jsir dibattitu dwar problemi speċifiċi, ittejjeb il-viżibilità ta' l-isport fit-tfassil politiku ta' l-UE u biex tqajjem kuxjenza pubblika dwar il-bżonnijiet u l-ispeċifiċitajiet tas-settur. L-inizjattiva għandha l-għan li tittratta kwistjonijiet importanti bħall-applikazzjoni tal-liġi ta' l-UE għall-isport. Hija tipprova wkoll tistabbilixxi azzjoni oħra relatata ma' l-isport fil-livell ta' l-UE” (3).

    3.2

    Il-White Paper tiġbor fiha ħamsin miżura speċifika kif ukoll diskussjoni dwar ir-rwol pożittiv ta' l-isport f'diversi oqsma tas-soċjetà. Il-proposti konkreti nġabru fi Pjan ta' Azzjoni msemmi “Pierre de Coubertin” u jinsabu fl-appendiċi tal-White Paper. Il-pjan għandu żewġ għanijiet bażiċi:

    l-integrazzjoni ta' l-isport fil-politiki ta' l-UE sabiex ikun jista' jintuża aktar bħala għodda tal-politika ta' l-UE u

    it-twaqqif ta' bażi legali aktar sigura għal gvernanza sportiva Ewropea aħjar.

    4.   Osservazzjonijiet/Kummenti

    4.1

    L-osservazzjonijiet dettaljati tal-KESE, li qegħdin jiġu ppreżentati fil-paragrafi li ġejjin, huma organizzati skond l-istruttura tal-White Paper.

    4.2

    Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ma' l-analiżi tar-rwol importanti u pożittiv ta' l-isport fis-soċjetà.

    4.3

    Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ser tibni l-attivitajiet sportivi tagħha madwar l-idea ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa. Huwa jappoġġja l-linji gwida li ppreżentat dwar dan u l-ħsieb li titwaqqaf netwerk ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA). Huwa fatt xjentifiku li stil ta' ħajja li ma jinkludi l-ebda moviment jew attività jġib miegħu riskju akbar ta' obeżità u mard kroniku. Kemm l-ispiża involuta sabiex jiġi trattat mard bħal dan kif ukoll il-ħin mitluf fuq ix-xogħol iħallu l-effetti ekonomiċi u baġitarji tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar jagħmel aktar sens li l-flus jintefqu fuq il-prevenzjoni ta' kundizzjonijiet bħal dawn permezz ta' l-attività fiżika. Permezz ta' programmi sportivi li jkunu speċifiċi għas-sessi u għall-etajiet differenti u tal-promozzjoni tal-programm sportiv propost lill-pensjonanti, jistgħu jiġu evitati l-inċidenti u b'hekk jitnaqqas ukoll ir-riskju li wieħed jiġi fil-bżonn tal-kura. Sabiex dan ikun jista' jseħħ, hemm bżonn ta' bidla fil-mentalità tas-soċjetà.

    4.4

    Il-KESE jaqbel li l-kooperazzjoni bejn is-setturi hija importanti u li l-programmi komunitarji eżisteni (ir-riċerka u l-iżvilupp, is-saħħa pubblika, iż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza, it-tagħlim tul il-ħajja), minn issa 'l quddiem għandhom jagħtu aktar importanza lill-isport.

    4.5

    Il-KESE jilqa' l-fatt li l-White Paper tidħol fid-dettall dwar il-bżonn li jiġu kkoordinati l-miżuri kontra d-doping u jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet kontra d-doping tagħhom flimkien ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali eżistenti sabiex ma jsirx xogħol doppju u sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw bl-aktar mod effiċjenti. Attwalment il-ġlieda kontra d-doping mhix qawwija biżżejjed u ma tiskoraġġix liż-żgħażagħ milli jużaw sustanzi tad-doping. Għalhekk il-KESE jħeġġeġ it-tfassil ta' studju dwar il-qagħda attwali tal-leġislazzjoni nazzjonali u analiżi komparattiva tan-nuqqasijiet u l-lakuni legali.

    4.6

    Fir-rigward tar-reġistri mwaqqfa għall-prevenzjoni tad-doping, il-KESE jinnota li dawn iqajmu xi mistoqsijiet dwar kemm jikkonformaw mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data personali kif stipulat fil-leġislazzjoni Komunitarja.

    4.7

    Il-KESE jilqa' l-fatt li l-White Paper tiddiskuti l-possibbiltà tal-promozzjoni ta' l-attività fiżika permezz tal-programmi Komunitarji eżistenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ (il-programmi Comenius, Leonardo, Erasmus. Grundtvig, EQF u l-ECVET).

    4.8

    Il-KESE jilqa' l-istudju dwar it-taħriġ għall-isportivi żgħażagħ. Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir studju dwar ir-responsabbiltà tal-klabbs sportivi fir-rigward taż-żgħażagħ sportivi ta' livell għoli, bil-għan li dawn l-isportivi jingħataw taħriġ professjonali u appoġġ sabiex wara li tintemm il-karriera sportiva tagħhom, ikunu jistgħu jintegraw ruħhom mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol.

    4.9

    Il-KESE jisħaq fuq il-fatt li t-taħriġ għall-isportivi żgħażagħ li juru talent għandu jkun miftuħ għal kulħadd u għandu jiffaċilita l-moviment ħieles ta' l-impjieg. Il-kwistjoni tal-plejers imħarrġa lokalment jeħtieġ li tiġi analizzata bir-reqqa. Il-klabbs għandhom ir-rwol importanti li jagħrfu u jħarrġu lil dawk iż-żgħażagħ li għandhom talent. Huma jinvestu riżorsi sonstanzjali f'dan il-qasam u b'hekk jaqdu dmir soċjali importanti. Jeħtieġ li l-klabbs jitħeġġu jkomplu b'attivitajiet bħal dawn.

    4.10

    Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-White Paper tagħti attenzjoni konsiderevoli lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, l-attività volontarja u l-isport fl-iktar livelli bażiċi, speċjalment peress li ħafna mill-attività sportiva ma ssirx fil-kuntest ta' oqsma bħal dawn.

    4.11

    Il-KESE jixtieq jiġbed attenzjoni lejn il-fatt li jeżistu diversi tradizzjonijiet f'dan il-qasam għalhekk is-sitwazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ tvarja minn Stat Membru għal ieħor fir-rigward ta' fondi, attività ekonomika u appoġġ mill-gvern ċentrali jew lokali. Il-KESE jispera li l-istudju mħabbar dwar dan is-suġġett janalizza dawn id-differenzi.

    4.12

    Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-White Paper tagħraf il-miżuri u l-programmi ta' l-UE bħala mezzi li permezz tagħhom jista' jiġi sfruttat il-potenzjal ta' l-isport bħala strument għall-inklużjoni soċjali li jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn gruppi ta' ċittadini mwarrba jew żvantaġġati u fis-soċjetà kollha kemm hi.

    4.13

    Il-White Paper tiddiskuti l-isport għall-persuni b'diżabilitajiet. Il-KESE bi pjaċir jinnota l-fatt li d-dokument jiddiskuti l-faċilitajiet aċċessibbli u t-taħriġ ta' l-istaff u l-voluntiera li jaħdmu mal-persuni b'diżabilitajiet.

    4.14

    Il-KESE jinnota bi pjaċir il-fatt li d-dokument isemmi l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fl-isport u r-rwol ikbar li għandhom jaqdu f'dan l-ambitu, sabiex titħeġġeġ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport jista' jkollha impatt pożittiv fil-qasam ta' l-isport għall-familji u għat-tfal u tista' tkun benefiċċju soċjali.

    4.15

    Il-KESE jilqa' l-proposta għall-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali eżistenti fil-prevenzjoni tal-vjolenza fl-istrutturi sportivi u jemmen li huwa importanti li tiġi evitata l-ħidma doppja f'dan il-qasam sabiex ir-riżorsi jiġu użati b'aktar effiċjenza.

    4.16

    Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li attwalment l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-UE għall-prevenzjoni tal-vjolenza waqt l-avvenimenti sportivi qiegħda sseħħ fil-kuntest tal-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-affarijiet interni permezz tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni tal-Pulizija.

    4.17

    Il-KESE huwa kuntent bil-fatt li d-dokument jagħraf l-impatt ekonomiku li jista' jkollu l-isport u l-fatt li jista' jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi, iżda huwa wkoll diżappuntat li l-White Paper ma tiddiskutix il-possibbiltà li jiġu assenjati fondi komunitarji għall-faċilitajiet sportivi, multifunzjonali, komunitarji u tad-divertiment, dejjem jekk dawn jissodisfaw il-kriterji stipulati.

    4.18

    Il-KESE jemmen li sistema Ewropea ta' statistika sportiva standardizzata tista' tkun utli fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    4.19

    Il-KESE jixtieq isemmi wkoll li jeżistu differenzi bejn l-istrutturi sportivi nazzjonali u bejn is-sistemi ta' statistika u li ħafna mill-benefiċċji ekonomiċi ta' l-isport jitfissru permezz ta' indikaturi li ma jistgħux jitkejlu faċilment (eż. anqas sick leave u spejjeż ta' mediċini, aktar koeżjoni soċjali).

    4.20

    Il-KESE jemmen li s-servejs tal-Eurobarometer huma utli u jilqa' l-istudju ppjanat dwar ir-rabtiet bejn is-settur ta' l-isport u l-proċess ta' Lisbona u l-iskambju ta' esperjenzi dwar l-avvenimenti sportivi prinċipali.

    4.21

    B'kunsiderazzjoni tad-diversi strutturi sportivi Ewropej imsemmija hawn fuq, il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal studju dwar il-fondi sportivi, anqas taxxi u inċentivi oħra bħal dawn fl-Istati Membri.

    4.22

    Il-KESE jemmen li r-relazzjoni bejn il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-isport u l-leġislazzjoni Ewropea hija importani ħafna u jeħtieġ li dan il-punt jiġi spjegat aħjar lill-organizzazzjonijiet sportivi.

    4.23

    Il-KESE jemmen li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni adegwata f'dan il-qasam għaliex l-applikazzjoni tal-każistika ma tfissirx ċertezza legali għall-partijiet interessati ta' l-isport.

    4.24

    Jeżsti l-bżonn li r-regoli u l-interessi ta' l-organizzazzjonijiet sportivi jikkonformaw mal-leġislazzjoni Ewropea permezz ta' proposti bħal dawn: il-pjan għal evalwazzjoni ta' l-impatt fuq l-aġenti tal-plejers, il-pjan għal djalogu dwar sistemi ta' għoti ta' liċenzji għall-klabbs u l-bejgħ konġunt tad-drittijiet għat-trasmissjoni ta' l-avvenimenti sportivi. Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti.

    4.25

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' ħarsien tal-minorenni fl-isport u jilqa' l-attivitajiet proposti fil-White Paper: il-monitoraġġ tad-direttiva dwar il-ħarsien taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol, it-tnedija ta' studju dwar ix-xogħol tat-tfal u l-għotja ta' informazzjoni dwar il-leġislazzjoni eżistenti lill-Istati Membri.

    4.26

    Il-KESE jilqa' l-isforzi kollha għall-ġlieda kontra l-kriminalità relatata ma' l-isport (il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus) u t-tħejjija ta' strateġiji Ewropej dwar dan.

    4.27

    Il-KESE jaqbel li għandu jkun hemm sistemi stabbli għall-għotja ta' liċenzji għall-klabbs professjonali ta' l-UE sabiex tiġi assigurata t-trasparenza.

    4.28

    Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li permezz ta' mekkaniżmi ta' solidarjetà, id-dħul li jġibu l-mezzi tax-xandir jintuża minn kulħadd u b'hekk ikun jista' jservi ta' appoġġ għall-isport amatorjali.

    4.29

    Fir-rigward tad-diversi attivitajiet li ssemmew f'din l-opinjoni, il-KESE jilqa' aktar djalogu u aktar ftehimiet kemm bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-NGOs kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet Ewropej stess.

    4.30

    Il-KESE huwa ferm favur it-twaqqif ta' kumitati ta' djalogu soċjali fil-livell Ewropew (4) sabiex permezz tad-djalogu tiżdied il-ħidma tas-suq uniku Ewropew fl-isport. Id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew għandu jinkludi lill-dawk li jimpjegaw (il-klabbs) u lill-impjegati (atleti, coaches u staff ieħor) iżda wkoll lill-manifatturi tat-tagħmir sportiv u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jipparteċipaw f'diversi setturi sportivi.

    4.31

    Fost i-temi li jistgħu jiġu indirizzati permezz tad-djalogu soċjali nsibu dawn: il-fondi tal-pensjoni ta' l-atleti, id-drittijiet tar-riklamar u ta' l-immaġni, is-saħħa fuq ix-xogħol, il-kwistjonijiet tal-plejers imħarrġa lokalment, il-kuntratti tax-xogħol u l-aċċess għad-dinja tax-xogħol wara l-karriera sportiva.

    Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Pál Schmitt: Rwol l-Isport fl-edukazzjoni u Ivo Belet: Il-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa

    (2)  José Luis Arnaut, Reviżjoni Sportiva Ewropea Indipendenti: rapport estensiv imħejji taħt il-Presidenza tar-Renju Unit ta' l-UE b'kooperazzjoni ma' diversi pajjiżi, u li ħares lejn il-partikolaritajiet ta' l-isport Ewropew, l-għażliet li jeżistu għall-inizjattivi ta' politka u soluzzjonijiet prattiċi.

    (3)  Din il-kwotazzjoni meħuda mill-introduzzjoni tal-White Paper.

    (4)  Ibbażati fuq l-Artikoli 138 u 139 tat-Trattat ta' l-UE.


    Top