Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022O0989

    Linja Gwida (UE) 2022/989 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Mejju 2022 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2022/19)

    ECB/2022/19

    ĠU L 167, 24.6.2022, p. 135–139 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2022/989/oj

    24.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 167/135


    LINJA GWIDA (UE) 2022/989 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tat-2 ta’ Mejju 2022

    li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2014/31) (BĊE/2022/19)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5.1, 12.1, 14.3 u 18.2 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu, sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, iwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1).

    (2)

    Huwa meħtieġ li tiġi pprovduta aktar ċarezza fir-rigward tat-trattament għall-finijiet ta’ eliġibbiltà tar-rati ta’ referenza tal-imgħax għal assi negozjabbli.

    (3)

    Il-Kunsill Governattiv wettaq reviżjoni komprensiva tal-miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kollateral adottati mill-2020 b’reazzjoni għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi u finanzjarji eċċezzjonali assoċjati mat-tixrid tal-marda tal-coronavirus (COVID-19). Dawn il-miżuri kienu jinkludu t-tnaqqis temporanju tal-haircuts tal-valutazzjoni; iż-żamma tal-eliġibilità ta’ assi, u l-emittenti u l-garanti ta’ dawn l-assi, li ssodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fis-7 ta’ April 2020 iżda li sussegwentement ġew degradati; u li tippermetti lill-BĊNi jaċċettaw bħala kollaterali eliġibbli titoli ta’ dejn sovran maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema. Din ir-reviżjoni qieset (a) li l-kontropartijiet tal-Eurosistema li qed jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati fuq żmien itwal mwettqa taħt id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/21) (2) għandhom ikunu jistgħu jkomplu jimmobilizzaw kollateral suffiċjenti għal dawn l-operazzjonijiet; (b) l-impatt kollaterali għall-kontropartijiet tal-Eurosistema assoċjati ma’ kull waħda minn dawn il-miżuri; (c) kunsiderazzjonijiet ta’ riskju assoċjati ma’ kull waħda minn dawn il-miżuri; (d) kunsiderazzjonijiet oħra tas-suq u tal-politika.

    (4)

    F’dak il-kuntest, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fit-23 ta’ Marzu 2022, inter alia, li jelimina gradwalment it-tnaqqis tal-haircut imsemmi hawn fuq f’żewġ stadji, l-ewwel wieħed għandu jibda fit-8 ta’ Lulju 2022, sabiex jiżdiedu l-protezzjoni tar-riskju u l-effiċjenza tar-riskju tal-Eurosistema.

    (5)

    Iddeċida ukoll li ma jibqax taċċetta, mit-8 ta’ Lulju 2022, bħala assi negozjabbli eliġibbli, u l-emittenti u l-garanti ta’ dawn l-assi li ssodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fis-7 ta’ April 2020 iżda li sussegwentement ġew degradati mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu aċċettati fl-Eurosistema għal livell ta’ kreditu ta’ kwalità taħt il-minimu tal-Eurosistema, sabiex jerġa’ lura għal trattament konsistenti ta’ emittenti, assi negozjabbli u garanti fi ħdan il-qafas kollaterali tal-Eurosistema indipendenti miż-żmien tal-azzjonijiet tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

    (6)

    Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jkompli jippermetti lill-BĊNi jaċċettaw bħala kollateral eliġibbli titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema iżda jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà l-oħra kollha applikabbli għal assi negozjabbli, sakemm tal-inqas dawn l-investimenti mill-ġdid f’dawn it-titoli taħt il-programm ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (PEPP) (3) jkomplu, soġġett għal skeda ta’ haircut speċifika. Din il-miżura se tkun temporanja u hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li ġejjin: (a) il-ħtieġa li tkompli tiġi evitata l-frammentazzjoni fl-aċċess għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema li tfixkel il-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja lill-ekonomija Griega waqt li tkun għadha qed tirkupra mill-konsegwenzi tal-pandemija; (b) l-impenji meħuda mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tas-sorveljanza msaħħa skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; (c) il-fatt li miżuri ta’ ħelsien mid-dejn fuq żmien medju għar-Repubblika Ellenika mogħtija permezz tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jiddependu fuq l-implimentazzjoni kontinwa ta’ dawn l-impenji; (d) l-informazzjoni disponibbli għall-BĊE dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tar-Repubblika Ellenika bħala riżultat tal-involviment tal-BĊE fil-qafas ta’ sorveljanza msaħħa; (e) il-fatt li anki wara t-tmiem tas-sorveljanza msaħħa: (i) is-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja tar-Repubblika Ellenika se tiġi riveduta regolarment fil-kuntest tas-sorveljanza ta’ wara l-programm skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 u s-sistema ta’ twissija bikrija trimestrali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, (ii) il-miżuri ta’ ħelsien mid-dejn għar-Repubblika Ellenika se jkomplu jkunu marbuta ma’ dik is-sorveljanza ta’ wara l-programm, u (iii) ħlasijiet ippjanati lir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza taħt ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) huma soġġetti għat-tlestija b’suċċess tal-istadji u l-miri miftiehma skont l-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament; (f) il-valutazzjonijiet regolari tas-sostenibbiltà tad-dejn sovran li se jsiru mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, il-Kummissjoni Ewropea u l-BĊE; (g) il-fatt li l-BĊE se jkompli jkollu aċċess għal informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tar-Repubblika Ellenika anki wara t-tmiem tas-sorveljanza msaħħa, permezz tal-mekkaniżmi deskritti taħt il-punti (e)(i) u (e)(iii) hawn fuq.

    (7)

    Għalhekk, il-Linja Gwida 2014/528/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/31) (6) għandha tiġi emendata f’dan is-sens,

    ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

    Artikolu 1

    Emendi

    Il-Linja Gwida BĊE/2014/31 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Strumenti ta’ dejn negozjabbli deskritti fil-paragrafu 1, li għandhom kupuni marbuta ma’ rata unika tas-suq tal-flus ipprovduti minn bank ċentrali, jew ipprovduti minn amministratur skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew rata tas-suq tal-flus inkluża bħala parametru referenzjali ta’ pajjiż terz fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament fil-munita tad-denominazzjoni tagħhom jew għal indiċi ta’ inflazzjoni li ma fih l-ebda firxa diskreta, firxa ta’ dovuti (range accrual), ratchet jew strutturi kumplessi simili għal il-pajjiż rispettiv, għandu jikkostitwixxi wkoll kollateral eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

    (*1)  Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016. p. 1).”;"

    (2)

    fl-Artikolu 8a, jitħassar il-paragrafu 3 jitħassar;

    (3)

    fl-Artikolu 8b, il-paragrafu 12 huwa mibdul b’li ġej:

    “12.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jibqgħu fis-seħħ sas-7 ta’ Lulju 2022.”;

    (4)

    L-Anness IIa huwa mibdul bl-Anness I ta’ din il-Linja Gwida;

    (5)

    L-Anness IIb huwa mibdul bl-Anness II ta’ din il-Linja Gwida.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

    1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

    2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikawhom mit-8 ta’ Lulju 2022, ħlief għall-miżuri biex jikkonformaw mal-Artikolu 1, punti 2 u 3, li għandhom japplikaw mit-30 ta’ Ġunju 2022. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Bank Ċentrali Ewropew bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Mejju 2022.

    Artikolu 3

    Destinatarji

    Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Mejju 2022.

    Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

    Il-President tal-BĊE

    Christine LAGARDE


    (1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

    (2)  Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Lulju 2019 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/21) (ĠU L 204, 2.8.2019, p. 100).

    (3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2020 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17) (ĠU L 91, 25.3.2020, p. 1).

    (4)  Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

    (5)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-12 ta’ Frar 2021 dwar il-fondi ta’ investiment Ewropej fuq terminu twil (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (6)  Linja Gwida 2014/528/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Ġwida (BĊE/2014/31) (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).


    ANNESS I

    L-Anness IIa għal-Linja Gwida BĊE/2014/31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS IIa

    Livelli ta’ valutazzjoni fil-haircut (f’%) applikati lil titoli ggarantiti b’assi (ABS) eliġibbli taħt l-Artikolu 3(2) ta’ din il-Linja Gwida

    Ħajja Medja Ppeżata  (*1)

    Haircut fil-valutazzjoni

    [0,1)

    5,4

    [1,3)

    8,1

    [3,5)

    11,7

    [5,7)

    13,5

    [7,10)

    16,2

    [10, ∞)

    27

    ”;

    (*1)  jiġifieri [0,1) weighted average life (WAL) ta’ inqas minn sena, [1,3) WAL ta’ sena jew aktar u inqas minn tliet snin, eċċ.


    ANNESS II

    L-Anness IIb għal-Linja Gwida BĊE/2014/31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS IIB

    Livelli ta’ haircuts fil-valutazzjoni (f’%) applikati għal assi negozjabbli eliġibbli msemmija fl-Artikolu 8a

    Kwalità tal-kreditu

    Maturità residwa (snin)  (*1)

    Kategorija I

    kupun fiss

    kupun żero

    kupun varjabbli

    Pass 4

    [0,1)

    7,2

    7,2

    7,2

    [1,3)

    10,8

    11,7

    10,8

    [3,5)

    12,6

    13,5

    12,6

    [5,7)

    14,0

    15,3

    14,0

    [7,10)

    14,9

    16,2

    14,9

    [10, ∞)

    16,2

    18,9

    16,2

    Pass 5

    [0,1)

    9

    9

    9

    [1,3)

    12,6

    13,5

    12,6

    [3,5)

    14,9

    15,8

    14,9

    [5,7)

    16,2

    17,6

    16,2

    [7,10)

    17,1

    18,5

    17,1

    [10, ∞)

    18,5

    21,2

    18,5

    ”.

    (*1)  jiġifieri [0,1) maturità residwa ta’ inqas minn sena, [1,3) maturità residwa daqs sena jew aktar minn sena u inqas minn tliet snin, eċċ.


    Top