Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H0495

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/495 tal-25 ta’ Marzu 2022 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-furan u tal-alkilfurani fl-ikel

C/2022/1751

ĠU L 100, 28.3.2022, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2022/495/oj

28.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/60


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/495

tal-25 ta’ Marzu 2022

dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-furan u tal-alkilfurani fl-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-furan u l-alkilfurani, li jinkludu l-metilfurani bħat-2-metilfuran, it-3-metifuran u t-2,5-dimetilfuran, huma kontaminanti tal-proċess li jiffurmaw fl-ikel matul l-ipproċessar termali.

(2)

Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni xjentifika fl-2017 dwar ir-riskji li l-preżenza tal-furan u tal-metilfurani fl-ikel toħloq għas-saħħa pubblika (1). Il-konklużjoni kienet li l-livelli attwali ta’ esponiment għall-furan jindikaw tħassib dwar is-saħħa. Fir-rigward tal-metilfurani, l-opinjoni kkonkludiet li dawn jistgħu jżidu b’mod sinifikanti l-esponiment ġenerali għall-furan u għall-alkilfurani u għalhekk iżidu t-tħassib dwar is-saħħa. Madankollu, peress li hemm nuqqas ta’ data dwar il-preżenza tal-metilfurani fl-ikel, l-EFSA rrakkomandat li tiġi prodotta aktar data f’dan il-qasam. B’mod partikolari, ġie rrappurtat li l-furan u l-alkilfurani jseħħu fil-kafè, fl-ikel tat-trabi fil-vażetti, fis-sopop lesti biex jittieklu, fil-krisps magħmulin mill-patata, fil-meraq tal-frott, fiċ-ċereali tal-kolazzjon, fil-gallettini, fil-crackers u fil-ħobż iqarmeċ.

(3)

It-2-metilfuran u t-3-metilfuran jistgħu jiġu kkwantifikati b’mod affidabbli bil-metodi tal-analiżi disponibbli bħalissa, filwaqt li hemm bżonn ta’ aktar ħidma għall-analiżi affidabbli tat-2,5-dimetilfuran. Madankollu, jekk il-metodu tal-analiżi użat jippermettih, ikun xieraq li t-2,5-dimetilfuran jiġi analizzat u kkwantifikat u li d-data tiġi rrappurtata.

(4)

Barra minn hekk, il-letteratura xjentifika dan l-aħħar indikat il-preżenza ta’ kontaminanti tal-ikel relatati mal-alkilfurani li mhumiex il-metilfurani, bħat-2-pentilfuran u t-2-etilfuran. Għalhekk, ikun xieraq li dawn l-alkilfurani (mhux metilfurani) addizzjonali jiġu analizzati u kkwantifikati, dment li l-metodu tal-analiżi jkun affidabbli għal dan l-iskop.

(5)

Ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-furan u tal-alkilfurani għandhom ikunu affidabbli u komparabbli. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu pprovduti l-istruzzjonijiet dwar il-kampjunar u dwar il-kriterji tal-prestazzjoni analitika.

(6)

L-EFSA għandha mandat mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġbor id-data kollha disponibbli dwar l-okkorrenza tal-kontaminanti kimiċi fl-ikel u fl-għalf. Din id-data tintuża fl-opinjonijiet u fir-rapporti xjentifiċi tal-EFSA dwar il-kontaminanti fl-ikel u fl-għalf.

(7)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġi rrakkomandat li l-furan u l-alkilfurani fl-ikel jiġu mmonitorjati u li d-data tiġi rrappurtata lill-EFSA.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Jenħtieġ li l-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozju tal-ikel, jimmonitorjaw il-furan, it-2-metilfuran u t-3-metilfuran fl-ikel, b’mod partikolari fil-kafè, fl-ikel tat-trabi fil-vażetti (inkluż l-ikel tat-trabi fil-kontenituri, fit-tubi u fil-boroż), fis-sopop lesti biex jittieklu, fil-krisps magħmulin mill-patata, fil-meraq tal-frott, fiċ-ċereali tal-kolazzjon, fil-gallettini, fil-crackers u fil-ħobż iqarmeċ.

2.

Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi, l-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu l-proċeduri tal-kampjunar stabbiliti fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (2). Jenħtieġ li l-operaturi tan-negozji tal-ikel japplikaw ukoll din il-proċedura ta’ kampjunar, jew proċedura ta’ kampjunar ekwivalenti, filwaqt li jiżguraw li l-kampjun ikun rappreżentattiv.

3.

Għall-analiżi tal-furan, tat-2-metilfuran u tat-3-metilfuran fil-kafè u fl-ikel tat-trabi fil-vażetti, l-Istati Membri u l-operaturi tan-negozju tal-ikel jenħtieġ li jużaw metodu li jikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

Parametru

Kriterju

Speċifiċità

Mingħajr interferenzi matriċi jew spettrali

Kamp vojt

Inqas mil-Limitu ta’ Detezzjoni (LOD)

Ripetibbiltà (RSDr)

0,66 darba tal-RSDR kif derivata mill-ekwazzjoni Horwitz (irranġata)

Riproduċibbiltà (RSDR)

Kif derivata mill-ekwazzjoni Horwitz (irranġata)

Irkupru

80 – 110 %

Limitu ta’ Detezzjoni (LOD)

3/10 tal-LOQ

Limitu ta’ Kwantifikazzjoni (LOQ)

Għall-kafè: mhux ogħla minn 20 μg/kg

Għall-ikel tat-trabi fil-vażetti: 5 μg/kg

Għall-analiżi tal-furan fl-ikel għajr il-kafè u l-ikel tat-trabi fil-vażetti, l-Istati Membri u l-operaturi tan-negozji tal-ikel jenħtieġ li jużaw metodu li jikkonforma ma’ dawn il-kriterji u l-limitu tal-kwantifikazzjoni (LOQ) jenħtieġ li ma jkunx ogħla minn 5 μg/kg.

Għall-analiżi tat-2-metilfuran u tat-3-metilfuran fl-ikel għajr il-kafè u l-ikel tat-trabi fil-vażetti, jenħtieġ li l-laboratorji jkollhom fis-seħħ proċeduri għall-kontroll tal-kwalità biex jiżguraw l-affidabbiltà tar-riżultati analitiċi miksuba meta l-LOQ jenħtieġ li ma jkunx ogħla minn 5 μg/kg.

4.

Jekk il-metodu tal-analiżi użat jippermetti d-determinazzjoni tal-alkilfurani għajr it-2-metilfuran u t-3-metilfuran, l-Istati Membri u l-operaturi tan-negozju tal-ikel jenħtieġ li jiddeterminaw dawk l-alkilfurani.

5.

L-Istati Membri u l-operaturi tan-negozji tal-ikel jenħtieġ li jipprovdu r-riżultati tal-monitoraġġ lill-EFSA sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Gwida tal-EFSA dwar id-Deskrizzjoni Standard tal-Kampjuni (SSD) għall-Ikel u l-Għalf u r-rekwiżiti speċifiċi addizzjonali ta’ rappurtar tal-EFSA (3).

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  EFSA CONTAM Panel (EFSA Panel on Contaminants in the Food Chain), Scientific opinion on the risks for public health related to the presence of furan and methylfurans in food. EFSA Journal 2017;15(10):5005, 142 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017,5005

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta’ livelli ta’ ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benżo(a)piren fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(3)  https://www.efsa.europa.eu/en/call/call-continuous-collection-chemical-contaminants-occurrence-data-0


Top