Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2372

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2372 tas-16 ta' Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31250 – 2011/C (ex 2011/N) ippjanata li tiġi implimentata mill-Bulgarija favur BDZ Holding EAD SA, BDZ Passenger EOOD u BDZ Cargo EOOD u miżuri oħra (notifikata bid-dokument C(2017) 4051) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/4051

    ĠU L 337, 19.12.2017, p. 35–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2372/oj

    19.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 337/35


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2372

    tas-16 ta' Ġunju 2017

    dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31250 – 2011/C (ex 2011/N) ippjanata li tiġi implimentata mill-Bulgarija favur BDZ Holding EAD SA, BDZ Passenger EOOD u BDZ Cargo EOOD u miżuri oħra

    (notifikata bid-dokument C(2017) 4051)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta' ittra ddatata t-18 ta' Mejju 2011, il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar ċerti miżuri favur BDZ Holding EAD SA (2) (aktar 'il quddiem “BDZ Holding”) u s-sussidjarji tagħha, BDZ Passenger EOOD (aktar 'il quddiem “BDZ Passenger”) u BDZ Cargo EOOD (aktar 'il quddiem “BDZ Cargo”).

    (2)

    Pemezz ta' ittra ddatata l-20 ta' Mejju 2011, il-Bulgarija pprovdiet lill-Kummissjoni b'aktar informazzjoni. Permezz ta' ittri ddatati l-15 ta' Lulju 2011 u t-28 ta' Settembru 2011, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni. Il-Bulgarija pprovdiet lill-Kummissjoni b'informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittri ddatati l-5 ta' Settembru 2011 u s-7 ta' Ottubru 2011.

    (3)

    Permezz ta' ittra ddatata d-9 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni għarrfet lill-Bulgarija li hija kienet iddeċidiet li tniedi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward ta' dawk il-miżuri (“id-Deċiżjoni ta' Ftuħ”). Permezz ta' ittra ddatata t-12 ta' Jannar 2012, il-Bulgarija pprovdiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (4)

    Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

    (5)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn parti interessata waħda. Hija għaddiethom lill-Bulgarija permezz ta' ittra ddatata s-16 ta' Mejju 2012 u l-Bulgarija ngħatat l-opportunità biex tirreaġixxi. Il-kummenti tal-Bulgarija waslu permezz ta' ittra ddatata t-13 ta' Ġunju 2012. Permezz ta' ittra tal-10 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-parti interessata li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet tagħha kienet ġiet trażmessa lill-Bulgarija.

    (6)

    Permezz ta' ittri ddatati t-12 ta' April 2012, l-24 ta' Lulju 2012, l-10 ta' Diċembru 2012, is-7 ta' Mejju 2013, il-5 ta' Novembru 2013, is-6 ta' Mejju 2014, is-6 ta' Ġunju 2014, id-29 ta' Lulju 2014, id-29 ta' April 2015, l-14 ta' Diċembru 2015, is-26 ta' April 2016, il-15 ta' Settembru 2016, l-20 ta' Ottubru 2016 u t-3 ta' April 2017, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand il-Bulgarija.

    (7)

    Il-Bulgarija pprovdiet lill-Kummissjoni b'informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittri ddatati s-7 ta' Ġunju 2012, it-28 ta' Settembru 2012, il-31 ta' Jannar 2013, l-1 ta' Frar 2013, it-30 ta' Mejju 2013, it-2 ta' Ottubru 2013, il-15 ta' Ottubru 2013, it-2 ta' Diċembru 2013, it-3 ta' Jannar 2014, is-6 ta' Frar 2014, it-22 ta' April 2014, l-14 ta' Mejju 2014, it-23 ta' Ġunju 2014, l-4 ta' Awwissu 2014, l-20 ta' Awwissu 2014, l-1 ta' Settembru 2014, it-13 ta' Settembru 2014, it-23 ta' Settembru 2014, l-1 ta' Ġunju 2015, id-9 ta' Diċembru 2015, l-20 ta' Jannar 2016, il-31 ta' Mejju 2016, it-12 ta' Ottubru 2016, is-7 ta' Novembru 2016.

    (8)

    Permezz ta' ittri ddatati t-22 ta' April 2014 u t-12 ta' Ottubru 2016, il-Bulgarija rtirat in-notifika tagħha fir-rigward tal-għajnuna tar-ristrutturar għal BDZ Holding, li kienet parti mill-miżuri msemmija fil-premessa 1. Permezz ta' ittra ddatata l-5 ta' April 2017, il-Bulgarija mmodifikat in-notifika tagħha billi naqqset l-ammont ta' dejn li kienet qed tippjana li tħassar permezz tal-miżura tat-tħassir tad-dejn, li kienet parti mill-miżuri msemmija fil-premessa 1.

    (9)

    Permezz ta' ittra ddatata s-7 ta' Novembru 2016, il-Bulgarija qablet b'mod eċċezzjonali li din id-deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż biss.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

    2.1.   IL-BENEFIĊJARJU

    (10)

    Il-benefiċjarju tal-miżuri hu BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha, BDZ Passenger u BDZ Cargo, kumpaniji 100 % proprjetà tal-Istat, li jipprovdu servizzi ta' trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u tal-merkanzija bi ħlas fil-Bulgarija.

    (11)

    BDZ Holding (4), kumpanija b'ishma konġunti, inħolqot fl-2001, meta l-Ferroviji Nazzjonali tal-Istat tal-Bulgarija nqasmu f'kumpanija tal-infrastruttura ferrovjarja, il-Kumpanija tal-Infrastruttura Ferrovjarja Nazzjonali (National Railway Infrastructure Company, “NRIC”) u fornitur tas-servizz tat-trasport (“BDZ Holding”).

    (12)

    Fl-2007, BDZ Holding ġiet riorganizzata fi struttura ta' holding u waqqfet tliet sussidjarji attivi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija, it-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi ta' trazzjoni. Il-kumpanija omm BDZ Holding kienet sid ta' vaguni tal-passiġġieri u tal-merkanzija u ta' lokomottivi, li hija kienet tikri lis-sussidjarji tagħha. Dawn tal-aħħar kienu responsabbli mill-manutenzjoni tal-vetturi ferrovjarji. BDZ Holding kienet ukoll responsabbli għas-servizz tad-djun imġarrba qabel ir-riorganizzazzjoni. Peress li din l-istruttura rriżultat ineffiċjenti, fl-2010, saret fużjoni tas-servizzi ta' trazzjoni ma' BDZ Holding.

    (13)

    Fl-2011 is-sjieda tal-vaguni tal-passiġġieri u tal-merkanzija u tal-lokomottivi ġiet trasferita minn BDZ Holding lis-sussidjarji BDZ Passengers u BDZ Cargo. BDZ Holding baqgħet is-sid tal-assi kollha mhux operazzjonali.

    (14)

    BDZ Holding għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'Sofija, il-Bulgarija, u topera servizzi tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fit-territorju kollu tal-Bulgarija, li kollu kemm hu eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat.

    (15)

    BDZ Cargo, kumpanija b'responsabbiltà limitata hija attiva fis-suq internazzjonali u nazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. Il-Bulgarija lliberalizzat is-suq ferrovjarju tal-merkanzija fl-2007. Minn dak iż-żmien 'l hawn, bosta operaturi privati daħlu fis-suq. Fl-2016, is-sehem mis-suq ta' BDZ Cargo (f'tunellati kull kilometru netti) kien jammonta għal 43 % u l-kompetituri prinċipali tagħha kienu l-Bulgarian Railway Company (25 %), DB Schenker Rail Bulgaria (18 %), Bulmarket (6 %) u Rail Cargo (4 %).

    (16)

    BDZ Passenger, kumpanija b'responsabbiltà limitata, hija l-uniku fornitur tas-servizzi nazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri fil-Bulgarija. BDZ Passenger twettaq obbligu ta' servizz pubbliku (public service obligation, “OSP”) li jammonta għal bejn wieħed u ieħor 90 % tas-suq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri. Il-Kuntratt OSP ta' BDZ Passenger ġie ffirmat fl-2009 b'tul ta' żmien ta' 15-il sena (2010 – 2025).

    2.2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI U R-RAĠUNIJIET GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA

    (17)

    Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni identifikat erba' miżuri bħala li potenzjalment jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha, BDZ Passenger u BDZ Cargo:

    (a)

    Miżura 1: L-għajnuna għar-ristrutturar tikkonsisti f'sitt żidiet fil-kapital f'BDZ Holding li jammontaw għal BGN 550 miljun (EUR 281 miljun (5));

    (b)

    Miżura 2: Tħassir tad-dejn imġarrab qabel l-2007;

    (c)

    Miżura 3: In-nuqqas ta' ħlas minn BDZ Holding ta' dejn li suppost diġà tħallas lill-amministratur tal-infrastruttura (NRIC);

    (d)

    Miżura 4: Rimborż tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) mill-Istat lil BDZ Holding.

    2.2.1.   MIŻURA 1: GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR

    (18)

    Il-Bulgarija pprevediet l-għoti ta' għajnuna għar-ristrutturar fil-forma ta' sitt żidiet fil-kapital f'BDZ Holding li jammontaw għal BGN 550 miljun (EUR 281 miljun) fl-2011-2016 u nnotifikat dik l-għajnuna għar-ristrutturar lill-Kummissjoni fl-2011. Madankollu, sa issa, l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għadhom ma ħadux deċiżjoni definittiva li jagħtu l-għajnuna u l-fondi għadhom ma tħallsux lil BDZ Holding.

    (19)

    Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna għar-ristrutturar tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u esprimiet dubji dwar kemm din l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern.

    2.2.2.   MIŻURA 2: TĦASSIR TAD-DEJN IMĠARRAB QABEL L-2007

    (20)

    Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Bulgarija, qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni fl-1 ta' Jannar 2007, BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha kellhom obbligazzjonijiet u dispożizzjonijiet pendenti li jammontaw għal BGN 806 729 558 (EUR 412-il miljun) fil-31 ta' Diċembru 2006.

    (21)

    L-obbligazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta' BDZ Holding kienu jikkonċernaw (i) selfiet minn istituzzjonijiet finanzjarji bħal Kreditanstalt für Wiederaufbau (“KfW”), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (“BERŻ”) u l-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (“IBRD”), li kellhom bħala għan prinċipalment ir-riabilitazzjoni ta' vetturi ferrovjarji, iżda wkoll ii) l-obbligi relatati mal-kummerċ, inkluż fir-rigward tal-operatur tal-infrastruttura ferrovjarja Bulgara NRIC, id-dispożizzjonijiet u l-obbligi fir-rigward tal-persunal u tal-fornituri tal-assigurazzjoni kif ukoll obbligazzjonijiet oħrajn, inklużi obbligi li jirriżultaw minn ftehim għax-xiri ta' vetturi ferrovjarji konkluż bejn BDZ Holding, Siemens u KfW fl-2005. L-ammonti ta' dawk l-obbligazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet huma mqassma kif ġej fit-Tabella 1.

    Tabella 1

    Ħarsa ġenerali lejn l-obbligazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta' BDZ Holding u tas-sussidjarji tagħha fil-31 ta' Diċembru 2006

    (f'miljuni ta' BGN)

     

    L-obbligazzjonijiet totali ta' BDZ Holding u tas-sussidjarji tagħha fil-31 ta' Diċembru 2006

    Obbligazzjonijiet lejn istituzzjonijiet finanzjarji

    201,1

    Il-Ftehim ma' SIEMENS/KfW

    307,5

    Obbligi kummerċjali

    244,5

    L-obbligi lejn il-persunal u fornituri tal-assigurazzjoni

    26,4

    Obbligazzjonijiet oħrajn, inkluża t-taxxa u d-dispożizzjonijiet

    27,2

    Obbligazzjonijiet totali

    806,7

    (22)

    Il-Bulgarija prevediet it-teħid tal-obbligazzjonijiet kollha mġarrba qabel l-1 ta' Jannar 2007 minn BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha jew ta' parti minnhom.

    (23)

    Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tħassir ta' obbligazzjonijiet jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u esprimiet dubji dwar kemm din l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern. Il-Bulgarija ma invokatx l-applikazzjoni u lanqas ma ġġustifikat jekk il-miżura kenitx f'konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-Linji Gwida Ferrovjarji (6). Il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq intern.

    2.2.3.   MIŻURA 3: IN-NUQQAS TA' ĦLAS MINN BDZ HOLDING U MIS-SUSSIDJARJI TAGĦHA TA' DEJN LI SUPPOST DIĠÀ TĦALLAS LILL-AMMINISTRATUR TAL-INFRASTRUTTURA (NRIC)

    (24)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija, BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha ma kinux qed iħallsu t-tariffi kollha tal-infrastruttura dovuti lil NRIC. Bħala konsegwenza, id-Deċiżjoni ta' Ftuħ irreġistrat obbligazzjonijiet kummerċjali pendenti dovuti lil NRIC li jammontaw għal BGN 45 miljun.

    (25)

    Minħabba li l-Bulgarija ma ppreċiżatx l-oriġini u l-evoluzzjoni ta' dawn l-obbligazzjonijiet kummerċjali, il-Kummissjoni kienet tal-fehma, fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, li n-nuqqas ta' infurzar ta' dawn id-djun jista' potenzjalment jinvolvi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li skont il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta' infurzar ta' obbligazzjonijiet minn impriżi pubbliċi (7) jista' jinvolvi għajnuna mill-Istat jekk operatur tal-ekonomija tas-suq ipotetiku f'sitwazzjoni identika ma kienx iġib ruħu bil-mod kif għamlu l-impriżi pubbliċi u kien jinfurzahom (8). Madankollu, il-Kummissjoni ma kellhiex indikazzjonijiet fattwali preċiżi li NRIC ma kenitx ħadet il-passi li kien jieħu kreditur diliġenti fl-istess sitwazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni stiednet lill-Bulgarija biex tipprovdi informazzjoni dwar jekk u kif NRIC kienet ippruvat tinforza l-obbligazzjonijiet pendenti.

    (26)

    Sa fejn il-miżura nstab li tinvolvi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fil-kuntest ta' dik li kienet l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata u l-pjan ta' ristrutturar li kien jakkumpanjaha. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni stiednet lill-Bulgarija biex tissupplimenta l-pjan ta' ristrutturar billi tipprovdi informazzjoni dwar kif dawn id-djun ma' NRIC se jiġu riżolti.

    2.2.4.   MIŻURA 4: IR-RIMBORŻ TAL-VAT MIĠBURA INDEBITAMENT MILL-ISTAT LIL BDZ HOLDING

    (27)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija, il-Bulgarija kienet ħallset lura t-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-“VAT”) li kienet tammonta għal BGN 72 miljun (EUR 36,7 miljun) lil BDZ Holding fil-passat.

    (28)

    Peress li fl-istadju tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ il-Bulgarija ma ċċaratx ir-raġunijiet għar-rimborż tal-VAT u jekk dan kienx konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (9), il-Kummissjoni tqis li r-rimborż tal-VAT jista' potenzjalment jinvolvi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta' għajnuna jkopri mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda wkoll miżuri li, f'diversi forom, itaffu l-imposti li normalment jiġu inklużi fil-baġit ta' impriża. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Bulgarija biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-rimborż tal-VAT lil BDZ Holding.

    3.   KUMMENTI MINN PARTI INTERESSATA

    (29)

    Kompetitur ta' BDZ Cargo attiv fil-forniment ta' servizzi ferrovjarji tal-merkanzija, li ma xtaqx li l-identità tiegħu tiġi żvelata, ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar żewġ miżuri identifikati fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (30)

    F'dak li jirrigwarda l-għajnuna għar-ristrutturar ippjanata (il-Miżura 1), il-kompetitur issuġġerixxa li l-lokomotivi mhux użati ta' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha, BDZ Passenger u BDZ Cargo jinbiegħu bħala miżura kumpensatorja. Il-kompetitur iddikjara li BDZ Holding ma kenitx qiegħda tagħti aċċess għall-flotta mhux użata tagħha lill-kompetituri, li ma kellhom l-ebda sors ieħor disponibbli li minnu setgħu jiksbu jew jikru l-lokomottivi.

    (31)

    F'dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' ħlas minn BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha ta' dejn li suppost diġà tħallas lil NRIC (il-Miżura 3), il-kompetitur iddikjara li minkejja li t-trasportaturi tal-merkanzija kollha huma obbligati li jħallsu l-istess miżati, in-nuqqas ta' infurzar tal-obbligazzjonijiet akkumulati lejn NRIC jiġġenera vantaġġ kompetittiv għal BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, il-kompetitur talab li miżuri ta' kumpens skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà u l-Linji Gwida Ferrovjarji jiġu imposti fuq BDZ u li BDZ Cargo tiġi privatizzata fuq termini tas-suq.

    4.   KUMMENT MILL-BULGARIJA

    (32)

    Fit-tweġiba tagħha għad-Deċiżjoni ta' Ftuħ u l-informazzjoni sussegwenti, il-Bulgarija pprovdiet kummenti u kjarifiki ulterjuri dwar il-fatti msemmija fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    4.1.   MIŻURA 1: GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR - IRTIRAR TAN-NOTIFIKA

    (33)

    Permezz ta' ittra ddatata t-22 ta' April 2014, il-Bulgarija rtirat in-notifika tal-għajnuna għar-ristrutturar. Madankollu, l-għajnuna għar-ristrutturar issemmiet f'sottomissjonijiet sussegwenti u finalment ġiet irtirata permezz ta' ittra ddatata s-7 ta' Novembru 2016.

    (34)

    Il-Bulgarija indikat li, minflok tagħti l-għajnuna għar-ristrutturar lil BDZ Holding, kellha l-ħsieb li tirrifinanzja l-obbligazzjonijiet ta' BDZ Holding billi tħassar parti mid-djun imġarrba u pendenti qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija.

    4.2.   MIŻURA 2: TĦASSIR TAD-DEJN IMĠARRAB QABEL L-2007

    (35)

    Il-Bulgarija spjegat li, fil-31 ta' Diċembru 2006, ġurnata qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, l-ammont totali tal-obbligazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta' BDZ Holding kien jammonta għal BGN 806,7 miljun (EUR 412 miljun), kif jidher fit-Tabella 1. Filwaqt li jitqiesu l-obbligazzjonijiet imħallsa lura minn BDZ Holding u l-ħtiġijiet finanzjarji tagħha, il-Bulgarija ppjanat li tħassar obbligazzjonijiet ta' BDZ Holding li jammontaw għal BGN 601,9 miljun (EUR 307,1 miljun). Madankollu, permezz ta' ittra ddatata l-5 ta' April 2017, il-Bulgarija mmodifikat in-notifika tagħha u talbet lill-Kummissjoni biex tapprova tħassir ta' dejn li jammonta għal BGN 223,45 miljun (EUR 114,25 miljun). Wara l-emenda tan-notifika, id-djun ippjanati biex jitħassru, inkluż l-imgħax impost bħala piena, jikkonċernaw i) dejn li għadu pendenti ta' qabel l-adeżjoni lejn KfW IPEX Bank u ii) dejn imġarrab fil-konfront ta' detenturi ta' bonds relatati mal-ħarġa ta' bonds ISIN BG2100032072 mid-19 ta' Novembru 2007 u fil-konfront tal-Ministeru tal-Finanzi sabiex jiġu rifinanzjati d-djun ta' qabel l-adeżjoni fil-konfront ta' KfW IPEX Bank, il-BERŻ, IBRD, NRIC u NEC AD. Il-Bulgarija pprovdiet lill-Kummissjoni bl-ammonti pendenti li għadhom dovuti u bl-ispjegazzjonijiet, kif ġej (ara t-Tabella 2).

    Tabella 2

    Obbligazzjonijiet ta' BDZ Holding fil-31 ta' Diċembru 2006, previsti li jitħassru

    Il-kategorija tal-kreditur/Ammonti f'BGN mill-31 ta' Marzu 2017

    L-ammont tad-djun ta' BDZ f'BGN pendenti fil-31 ta' Diċembru 2006 (djun ta' qabel l-adeżjoni)

    Self jew strument ta' dejn ieħor li permezz tiegħu ġew rifinanzjati d-djun ta' qabel l-adeżjoni

     

    Djun pendenti ta' qabel l-adeżjoni

    Djun pendenti ta' rifinanzjament tad-djun ta' BDZ qabel l-adeżjoni

    Imgħax impost bħala piena

     

    (a)

    il-kredituri finanzjarji Internazzjonali

    30 967 919

    105 642 950

    24 901 981

     

    KfW l-IPEX Bank 80 % DMU

    0

    76 529 380

     

    It-tieni ħarġa ta' bonds bl-ISIN: BG2100032072, skont l-offerta tat-tenders tad-Dejn minn Ottubru 2007

    BERŻ

    0

    20 980 115

     

    Garanzija tal-Istat attivata għall-ħlas lura tad-dejn li kkawżat lil BDZ iġġarrab dejn fil-konfront tal-Ministeru tal-Finanzi.

    IBRD

    0

    8 133 455

     

    Garanzija tal-Istat attivata għall-ħlas lura tad-dejn li kkawżat lil BDZ iġġarrab dejn fil-konfront tal-Ministeru tal-Finanzi.

    KfW IPEX Bank 85 % UME

    30 967 919

    0

     

     

    (b)

    Fornituri

    0

    53 884 257

    8 051 694

     

    NRIC

    0

    26 292 761

    3 928 815

    It-tieni ħarġa ta' bonds bl-ISIN: BG2100032072, skont l-offerta tat-tenders tad-Dejn minn Ottubru 2007

    NEC AD

    0

    27 591 496

    4 122 879

    It-tieni ħarġa ta' bonds bl-ISIN: BG2100032072, skont l-offerta tat-tenders tad-Dejn minn Ottubru 2007

    Totali

    30 967 919

    159 527 207

    32 953 675

     

    Sors: Sottomissjoni tal-Bulgarija ddatata l-5 ta' April 2017

    (36)

    Rigward l-obbligazzjonijiet lejn l-IBRD u l-BERŻ, il-Bulgarija spjegat li dan is-self ikkuntrattat fl-1995 kien assigurat b'garanzija tal-Istat ta' 100 %. Billi BDZ Holding naqset milli tħallas il-ħlasijiet dovuti, il-garanzija mill-Istat kienet attivata u l-Ministeru tal-Finanzi kellu jħallas id-djun. Konsegwentement, skont l-Att tad-dejn tal-Gvern (10), sa mid-data tal-ħlasijiet skont il-garanzija tal-Istat, il-Gvern ħa f'idejh id-drittijiet tal-kreditur fil-ftehim ta' self fir-rigward ta' BDZ Holding sal-ammont tal-ħlasijiet li saru. BDZ Holding hija obbligata li tħallas lura b'mod sħiħ l-ammonti mħallsa mill-Istat lill-IBRD u lill-BERŻ, inkluż l-imgħax impost bħala piena. Rigward id-djun l-oħra ffinanzjati mill-ġdid permezz tal-ħruġ ta' bonds ISIN BG2100032072 mid-19 ta' Novembru 2007, il-Bulgarija pprovdiet evidenza dwar il-pagamenti ta' dejn li saru lil KfW IPEX Bank, NRIC u NEC AD.

    (37)

    Il-Bulgarija ma tikkontestax li t-tħassir tad-dejn kien jinvolvi għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju ta' BDZ Holding. Madankollu, il-Bulgarija tqis li t-tħassir tad-djun ikun kompatibbli mas-suq intern, skont il-punti 56 sa 60 tal-Linji Gwida Ferrovjarji, kif ġej.

    (38)

    Fl-ewwel lok, l-obbligazzjonijiet kollha kienu ddeterminati u individwalizzati b'mod ċar u ġew imġarrba qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni. Dawn jew kienu rreġistrati fir-Rapport Finanzjarju Konsolidat ta' BDZ Holding qabel id-data tal-adeżjoni u/jew kienu derivati minn kuntratti konklużi b'mod irrevokabbli qabel dik id-data.

    (39)

    Fit-tieni lok, l-obbligazzjonijiet kollha, li għalihom huwa previst it-tħassir, kienu direttament marbutin mal-attività tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u tal-merkanzija u mġarrba prinċipalment bħala self għax-xiri ta' unitajiet multipli tad-diżil u tal-elettriku u għat-tiswija u l-immodernizzar ta' vaguni tal-merkanzija li kienu proprjetà tal-kumpanija u biex ikopru l-obbligi pendenti relatati mal-forniment ta' servizzi ferrovjarji, bħal obbligi lejn NRIC.

    (40)

    Fit-tielet lok, fl-2016, BDZ Holding kienet fi stat ta' dejn eċċessiv u kienet tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Bulgara biex jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza kontra tagħha. Id-dejn eċċessiv kien qed iwaqqaf lill-kumpanija milli topera fuq bażi finanzjarja stabbli. Il-kumpanija ma kenitx f'pożizzjoni li tirrispetta l-ħtiġijiet ta' kapital tagħha mill-operazzjonijiet tagħha stess minħabba l-obbligazzjonijiet akkumulati li suppost diġà tħallsu. Il-kredituri internazzjonali tal-kumpanija rrifjutaw li jaċċettaw riskedar tad-dejn mingħajr garanzija mill-Istat, li, skont il-Bulgarija, kien probabbli li tqajjem tħassib addizzjonali dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-pjan tan-negozju ta' BDZ Holding juri li t-tħassir tad-djun imġarrba qabel l-adeżjoni jkun neċessarju biex jittejbu l-indikaturi finanzjarji tagħha.

    (41)

    Fir-raba' lok, l-uniku għan tat-tħassir tad-dejn huwa li BDZ Holding tiġi meħlusa minn dejn imġarrab qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni u li tiġi normalizzata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija. It-tħassir ta' dawk id-djun ma jmurx lil hinn minn dak li huwa raġonevolment meħtieġ biex terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà finanzjarja tal-kumpanija.

    (42)

    Fil-ħames lok, it-tħassir tal-obbligazzjonijiet ma jagħtix lil BDZ Holding vantaġġ kompetittiv li jimpedixxi l-iżvilupp ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq. Dan it-tħassir la jżid il-kapaċità ta' BDZ Holding u lanqas jibdel il-pożizzjoni tagħha fis-suq jew jippermettilha li tidħol fi swieq ġodda fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, operaturi ġodda ma kinux skoraġġiti milli jidħlu fis-suq ladarba tmien operaturi, minbarra BDZ Cargo, bħalissa huma attivi fis-suq tat-trasport ferrovjarju Bulgaru (11).

    (43)

    Barra minn hekk, il-Bulgarija spjegat li s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-kumpanija kienet tillimita l-possibbiltajiet tagħha ta' investiment. Minħabba n-nuqqas ta' riżorsi, saru biss tiswijiet essenzjali (jew ta' rutina jew ta' emerġenza) filwaqt li tiswijiet kbar ġew posposti. 94 % tal-vaguni tal-passiġġieri għandhom aktar minn 15-il sena u 90 % tal-vaguni tal-merkanzija għandhom aktar minn 29 sena. 90 % tal-unitajiet multipli tad-diżil u 45 % tal-unitajiet multipli elettriċi għandhom aktar minn 30 sena. Il-produttività tal-vetturi ferrovjarji u tal-lokomottivi li jappartjenu għall-kumpanija hija konsiderevolment inqas mill-medja tal-Unjoni. It-tiswijiet limitati rriżultaw f'deterjorament kostanti tas-servizzi ferrovjarji u fil-kanċellazzjoni ta' ferroviji.

    (44)

    Il-Bulgarija indikat ukoll li BDZ Holding kienet mhedda b'azzjoni ta' rkupru furzat bħall-bejgħ tal-assi tagħha jew is-sospensjoni tal-kontijiet bankarji tagħha minn kredituri internazzjonali wara li l-High Court of Justice f'Londra ordnat il-ħlas lura tad-djun dovuti lilhom.

    4.3.   MIŻURA 3: IN-NUQQAS TA' ĦLAS MINN BDZ HOLDING U MIS-SUSSIDJARJI TAGĦHA TA' DEJN LI SUPPOST DIĠÀ TĦALLAS LILL-AMMINISTRATUR TAL-INFRASTRUTTURA (NRIC)

    Ħarsa ġenerali lejn id-djun ta' BDZ Holding fir-rigward ta' NRIC

    (45)

    Bi tweġiba għall-istedina fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar jekk u kif NRIC kienet infurzat djun tal-passat u kellha l-intenzjoni li tirkupra d-djun pendenti, il-Bulgarija ddikjarat li BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha kienu u għadhom iħallsu d-djun tagħhom lejn NRIC fuq bażi regolari. Sabiex issaħħaħ it-teżi tagħha, il-Bulgarija pprovdiet informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-ammonti dovuti minn BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha lil NRIC għat-tariffi tal-infrastruttura, il-provvista tal-elettriku u servizzi oħra li jakkumpanjawhom, kif ikkalkulati skont l-iskeda tat-tariffi ta' NRIC li ġiet applikata għall-operaturi ferrovjarji kollha.

    (46)

    Il-Bulgarija ħadet nota li, wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, bejn Novembru 2011 u Awwissu 2016, BDZ Holding ħallset ammont totali ta' BGN 503,2 miljun (EUR 257 miljun) lil NRIC. Il-ħlas sar permezz ta' trasferimenti bankarji, tpaċija ta' djun ta' NRIC lejn BDZ Holding u skambju ta' dejn ma' assi.

    Azzjonijiet meħuda minn NRIC biex tinforza u/jew tirkupra dejn minn BDZ Holding

    (47)

    Il-Bulgarija ssostni li NRIC ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tiġbor l-obbligi li suppost diġà tħallsu mingħand BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha, iżda mingħajr ma nediet proċedimenti legali. Il-Bulgarija tinnota li kienu saru laqgħat regolari bejn NRIC u BDZ Holding biex jiddiskutu l-ħlas tal-obbligi pendenti. Bl-istess mod, NRIC b'mod regolari bagħtet ittri, inklużi avviżi notarizzati (12), lil BDZ Holding li jitolbu l-ħlas tal-obbligi pendenti u li jitolbu l-ħlas tal-imgħax fuq l-obbligi li suppost diġà tħallsu (13).

    (48)

    NRIC talbet il-ħlas ta' imgħax għall-ħlas tard fuq l-obbligazzjonijiet li suppost diġà tħallsu skont id-Digriet Nru 100 dwar il-kalkolu tal-imgħax statutorju għal ħlas tard fil-munita nazzjonali u f'muniti barranin (14) (“id-Digriet Nru 100”) tal-Kunsill tal-Ministri tad-29 ta' Settembru 2012. Il-Bulgarija qalet li, skont id-Digriet Nru 100, ir-rata tal-imgħax statutorja annwali għall-ħlas tard ta' obbligazzjonijiet f'BGN tikkonsisti fir-rata tal-imgħax ta' bażi tal-Bank Nazzjonali Bulgaru fis-seħħ mill-1 ta' Jannar jew mill-1 ta' Lulju tas-sena rispettiva flimkien ma' primjum tar-riskju ta' 10 %. Minn Settembru 2016, il-ħlasijiet ta' imgħax dovuti jammontaw għal BGN 23,3 miljun (EUR 12-il miljun).

    (49)

    Il-Bulgarija tallega li NRIC aġixxiet bħala kreditur f'ekonomija tas-suq, peress li kien jagħmel aktar sens ekonomikament li tiġbor id-djun pendenti rikonoxxuti miż-żewġ partijiet minflok li tniedi proċedura ta' stralċ mill-qorti u tirriskja li titwaqqaf l-attività tad-debitur. Il-Bulgarija ddikjarat li NRIC ikollha tħallas l-ispejjeż ta' proċedimenti legali li jammontaw għal 4 % tal-ammont mitlub f'taxxa tal-boll. Barra minn hekk, kieku kienu ġew inizjati proċedimenti legali, NRIC ma kenitx tkun tista' tinforza b'mod sħiħ it-talba tagħha, għaliex BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha kien ikollhom iħallsu l-obbligazzjonijiet kollha tagħhom mingħajr preferenza għal kreditur partikolari. Skont il-Bulgarija, billi BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha huma l-klijenti ewlenin ta' NRIC kif evidenzjat mill-fatt li 77 % mid-dħul ta' NRIC jista' jiġi attribwit għal BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha fl-2015, il-falliment ta' BDZ Holding kien ikollu impatt negattiv fuq il-profitabilità ta' NRIC u fuq il-ħila tagħha li żżomm b'mod adegwat in-netwerk ferrovjarju nazzjonali.

    Djun dovuti minn NRIC lil BDZ Holding

    (50)

    NRIC kellha tagħti flus lil BDZ Holding għal servizzi pprovduti relatati, fost l-oħrajn, ma' biljetti tal-ivjaġġar b'xejn jew bi prezz imnaqqas għall-impjegati ta' NRIC u l-familji tagħhom, mal-kiri ta' faċilitajiet ta' barra u ta' ġewwa u bini li kienu proprjetà ta' BDZ Holding, mal-forniment tal-enerġija tat-trazzjoni, mat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, mat-trasbord u mal-manutenzjoni tal-ferroviji tax-xogħol. Il-Bulgarija ddikjarat li, matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2011, NRIC kienet ġarrbet dejn fir-rigward ta' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha għal servizzi pprovduti li b'kollox kien jammonta għal BGN 45 532 415 (EUR 23,8 miljun), kif miġbur fil-qosor fit-Tabella 3. Sa minn Awwissu 2016, id-dovuti pendenti ta' NRIC fir-rigward ta' BDZ Holding kienu jammontaw għal BGN 1 094 367 (EUR 0,6 miljun).

    Tabella 3

    Djun dovuti minn NRIC lil BDZ Holding 2008-2011

    Riċevibbli mingħand NRIC f'BGN

    2008

    2009

    2010

    2011

    Total

    BDZ Holding

    15 695 566

    4 364 383

    12 907 606

    13 564 860

    46 532 415

    Skambji ta' dejn ma' assi

    (51)

    Bi tweġiba għall-istedina fid-deċiżjoni ta' ftuħ sabiex tipprovdi informazzjoni dwar jekk NRIC kellhiex il-ħsieb li tirkupra jew tinforza d-djun pendenti u kif kienet se tagħmel dan, il-Bulgarija ddikkjarat li NRIC u BDZ Holding daħlu fi ftehimiet fl-1 ta' Diċembru 2012 u fil-31 ta' Mejju 2013, skont liema NRIC u BDZ Holding rrikonoxxew ċerti pretensjonijiet reċiproċi u ddeċidew li jħallsu lura parzjalment l-obbligazzjonijiet pendenti permezz ta' tranżazzjoni ta' skambju ta' dejn ma' assi. L-għan tal-iskambju ta' dejn ma' assi kien li jitneħħew obbligi rikonoxxuti ta' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha lejn NRIC permezz tal-forniment ta' assi li jkunu utli għal NRIC u li kellhom livell tajjeb ta' likwidità. Dik l-operazzjoni kienet permessa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, b'mod partikolari l-Artikolu 65, il-paragrafu 2 tal-Att dwar il-Kuntratti u l-Obbligi u l-bażi ġuridika tagħha kienu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri.

    (52)

    Il-Bulgarija saħqet fis-sottomissjoni tagħha ddatata s-7 ta' Novembru 2016 li, fil-perjodu 2013-2016, l-ammont totali ta' assi skambjati, inkluża l-VAT, kien ta' BGN 25,9 miljun (EUR 13,3-il miljun). L-ewwel stadju tal-iskambju, li kien jammonta għal BGN 23 miljun (EUR 11,8 miljun), ġie implimentat f'Diċembru 2013 fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 481/12.8.2013 tal-Kunsill tal-Ministri. Barra minn hekk, f'Diċembru 2015 u f'Awwissu 2016, fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet Nru 965/10.12.2015 u Nru 626/29.7.2016 tal-Kunsill tal-Ministri, ġew skambjati proprjetajiet li jiswew BGN 1,1 miljun (EUR 0,58 miljun) u BGN 1,8 miljun (EUR 0,9 miljun) rispettivament. L-assi speċifiċi soġġetti għall-iskambji kienu ġew speċifikati bil-quddiem skont il-ħtiġijiet tal-partijiet għall-użu sussegwenti tagħhom. Il-Bulgarija ddikjarat li fuq din il-bażi NRIC kienet kisbet 16-il proprjetà, li fosthom kien hemm faċilitajiet fil-Kumpless tal-Laneċ ta' Varna, u l-binja tal-uffiċċju fi Stara Zagora.

    (53)

    Il-Bulgarija ddikjarat ukoll li NRIC indipendentement iddeċiediet dwar l-assi li kienu ta' interess kummerċjali għaliha. Sabiex tappoġġa dan il-punt, il-Bulgarija nnutat li f'Awwissu 2016 NRIC ċaħdet skambju propost ta' dejn ma' ekwità fir-rigward ta' ċerti assi, u għalhekk BDZ skambjat assi ta' BGN 1,8 miljun (EUR 0,9 miljun) minflok ta' BGN 10 miljun (EUR 5,1 miljun). Il-proċess kien trasparenti. L-assi skambjati kienu soġġetti għal evalwazzjoni minn evalwaturi indipendenti li għandhom ċertifikati maħruġa mill-Kamra ta' Stimaturi Indipendenti fil-Bulgarija. Id-determinazzjoni tal-valur tal-assi kienet ibbażata fuq il-prinċipji u l-metodi tas-suq skont standards internazzjonali u Ewropej stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Bulgara. Skont il-Bulgarija, dawk l-assi jistgħu jinbiegħu fis-suq tal-proprjetà immobbli bil-prezz indikattiv stabbilit mill-istimaturi indipendenti. Il-prezzijiet finali maqbula minn BDZ Holding u NRIC kienu ta' daqs simili għal dawk fil-valutazzjonijiet.

    (54)

    Konsegwentement, il-Bulgarija tqis li NRIC aġixxiet bħala kreditur f'ekonomija tas-suq u l-iskambju ta' dejn ma' assi kien ġie miftiehem u ġie implimentat taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

    4.4.   MIŻURA 4: RIMBORŻ TA' VAT MIŻMUMA BI ŻBALL MILL-ISTAT LIL BDZ HOLDING

    (55)

    Il-Bulgarija ssostni li, minħabba interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ minn BDZ Holding, il-kumpanija kienet ħallset indebitament VAT ta' BGN 72 miljun (EUR 36,8 miljun) fuq l-ammont ta' kumpens għall-OSP għall-perjodu mill-1 ta' Diċembru 2004 sad-29 ta' Frar 2008. L-iżball instab fir-rapport ta' awditjar imwettaq mill-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul fl-2009. Il-Bulgarija tispjega li BDZ Holding ħadet l-azzjoni ġuridika neċessarja skont il-Kodiċi ta' Proċedura tal-Assigurazzjoni tat-Taxxa (“DOPK”) għall-irkupru tal-VAT imħallsa indebitament permezz ta' rimborż. L-ammont ta' taxxa mħallsa b'mod indebitu kien iddeterminat minn atti maħruġa mill-amministrazzjoni nazzjonali tad-dħul u tat-taxxa.

    (56)

    Il-Bulgarija tiddikjara wkoll li l-kumpanija kienet inkarigata b'OSP permezz ta' kuntratt OSP tad-29 ta' Ġunju 2004, iffirmat f'Settembru 2004, bejn il-Ministeru tat-Trasport u l-Komunikazzjoni Bulgaru u BDZ Holding. Il-kumpens tal-OSP skont il-kuntratt OSP ngħata biex ikopri telf imġarrab biex jiġu pprovduti servizzi ta' trasport. Barra minn hekk, skont it-termini tal-kuntratt, il-forniment tas-servizz u l-kumpens kienu soġġetti għall-konformità ma' kundizzjonijiet relatati mal-għadd ta' ferroviji, postijiet u sigħat. Barra minn hekk, il-kumpens seta' jitnaqqas kieku r-rekwiżiti speċifikati li jirrigwardaw il-kilometri, il-postijiet u s-sigħat ma kinux sodisfatti.

    (57)

    Il-Bulgarija tispjega li, skont l-Artikolu 29 tal-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (“ZDDS”) fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2006, l-ammont taxxabbli fuq il-forniment ta' servizzi jinkludi wkoll il-mezzi finanzjarji kollha riċevuti u assorbiti mill-fornitur tas-servizzi u direttament relatati mal-forniment ta' dawn is-servizzi, inklużi s-sussidji. Il-Bulgarija kompliet tispjega li skont l-Artikolu 20(6) taż-ZDDS, il-mezzi finanzjarji kollha (pereżempju, sussidji) konnessi direttament mal-forniment ta' oġġetti jew servizzi għandhom jitqiesu li huma għotjiet mill-baġit tal-Istat jew minn entità oħra, li jikkostitwixxu ħlas addizzjonali għal prodotti jew servizzi. Fuq il-bażi ta' dikjarazzjonijiet mingħand l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul (15) il-Bulgarija ssottomettiet li s-sussidji riċevuti biex ikopru t-telf, l-ispejjeż jew l-akkwist ta' assi huma barra mill-ambitu taż-ZDDS, u dan huwa l-każ tal-kuntratt tal-OSP. F'dan il-kuntest, il-Bulgarija ċċarat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu jippermettu li l-VAT tiġi rimborżata fuq il-bażi ta' stima tal-VAT maħruġa mill-awtoritajiet fiskali wara verifika u reviżjoni ex post. Barra minn hekk, il-Bulgarija ddikjarat li qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni hija ma kenitx obbligata li tarmonizza għal kollox il-liġi tal-VAT tagħha.

    (58)

    Skont il-Bulgarija, mill-1 ta' Jannar 2007, meta daħal fis-seħħ iż-ZDDS il-ġdid, id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-VAT Bulgara ġew armonizzati għal kollox mad-Direttiva 2006/112/KE. Il-Bulgarija kompliet tgħid li skont l-Artikolu 26(3) taż-ZDDS il-ġdid l-ammont taxxabbli fuq il-forniment ta' servizzi jinkludi wkoll il-mezzi finanzjarji kollha (pereżempju, sussidji) riċevuti u assorbiti mill-fornitur tas-servizzi u direttament relatati mal-forniment ta' dawk is-servizzi. Il-Bulgarija kompliet tispjega li skont iż-ZDDS il-ġdid, il-mezzi finanzjarji kollha (pereżempju, sussidji) direttament marbuta mal-provvista ta' oġġetti jew servizzi għandhom jitqiesu li huma għotjiet mill-baġit tal-Istat jew minn entità oħra, li jikkostitwixxu ħlas addizzjonali għal oġġetti jew servizzi. Skont il-Bulgarija, madankollu, is-sussidji riċevuti biex ikopru t-telf jew l-ispejjeż, inkluż l-akkwist jew il-likwidazzjoni ta' assi huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni taż-ZDDS il-ġdid.

    (59)

    Skont il-Bulgarija, l-iżball, li jikkonsisti f'li, b'mod żbaljat, tiġi imposta l-VAT fuq id-dħul mill-forniment ta' servizzi ta' OSP għall-perjodu bejn l-1 ta' Diċembru 2004 u d-29 ta' Frar 2008, kien ġie identifikat mill-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti matul spezzjoni. F'dan ir-rigward, il-Bulgarija spjegat li dawk is-sejbiet tal-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti rriżultaw f'deċiżjonijiet li ordnaw ir-rimborż u rapport tal-awditjar tat-taxxa numru 29010038 tas-7 ta' Frar 2011 skont il-Kodiċi tal-Proċedura tal-Assigurazzjoni tat-Taxxa Bulgara (16). Il-Bulgarija kompliet tispjega li l-proċeduri tar-rimborż tal-VAT kienu stabbiliti fl-Artikoli 128 u 129 tal-Kodiċi tal-Proċedura tal-Assigurazzjoni tat-Taxxa Bulgara.

    (60)

    Għalhekk, skont il-Bulgarija, ir-rimborż tal-VAT miġbura indebitament ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    5.   IRTIRAR TAN-NOTIFIKA

    (61)

    Kif jissemma fil-premessi 32 u 34, il-Bulgarija rtirat in-notifika tagħha dwar l-għajnuna għar-ristrutturar għal BDZ Holding (il-Miżura 1). Il-Bulgarija indikat li minflok kien biħsiebha tħassar id-djun li ġarrbet BDZ Holdings qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni fl-1 ta' Jannar 2007 (il-Miżura 2).

    (62)

    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, l-Istat Membru kkonċernat jista' jirtira n-notifika fil-ħin qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar l-għajnuna. Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589, f'każijiet fejn il-Kummissjoni tkun diġà nediet il-proċedura ta' investigazzjoni formali meta notifika tiġi rtirata, il-Kummissjoni trid tagħlaq il-proċedura.

    (63)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna għar-ristrutturar għadha ma ngħatatx. Minħabba li l-Bulgarija rtirat in-notifika tagħha u mhijiex se tagħti l-għajnuna għar-ristrutturar li tammonta għal BGN 550 miljun lil BDZ Holding, il-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat jenħtieġ li tingħalaq fir-rigward tal-miżura nnotifikata ta' għajnuna għar-ristrutturar.

    6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

    (64)

    Permezz tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat “… kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

    (65)

    Il-kriterji stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi determinat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin iridu jiġu ssodisfati:

    (a)

    il-benefiċjarju huwa impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li jfisser li huwa jwettaq attività ekonomika;

    (b)

    il-miżura hija ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat;

    (c)

    hija tagħti vantaġġ ekonomiku;

    (d)

    dan il-vantaġġ huwa selettiv;

    (e)

    il-miżura inkwistjoni toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    6.1.   MIŻURA 2: TĦASSIR TAD-DEJN IMĠARRAB QABEL L-2007

    6.1.1.   L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA FIS-SENS TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (IT-“TRATTAT”)

    6.1.1.1.    L-attività ekonomika u l-kunċett ta' impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

    (66)

    Skont każistika stabbilita, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tistabbilixxi min se jkunu l-benefiċjarji tal-Miżura 2. L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jirreferi għall-kunċett ta' impriża fid-definizzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Kif ikkonfermat mill-Qrati tal-Unjoni, impriża għall-finijiet ta' dik id-dispożizzjoni ma għandhiex għalfejn tkun entità ġuridika waħda, iżda tista' tikkonsisti fi grupp ta' kumpaniji (17). Il-kriterju ewlieni fid-determinazzjoni ta' jekk hemmx impriża fis-sens ta' dik id-dispożizzjoni huwa jekk hijiex involuta “unità ekonomika”. Unità ekonomika tista' tkun magħmula minn għadd ta' persuni ġuridiċi. Dik l-unità ekonomika hi mbagħad ikkunsidrata bħala l-impriża relevanti. F'dan ir-rigward, il-Qrati tal-Unjoni jikkunsidraw l-eżistenza ta' sehem li jagħti kontroll u rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi oħra bħala rilevanti (18).

    (67)

    F'dan il-każ, il-Bulgarija ddikjarat li BZD Holding hija l-entità ġuridika li d-dejn tagħha mġarrab qabel l-2007 se jitħassar. Fil-fatt, kif iddikjarat fil-i 34, 35 u 36, il-Bulgarija tqis li BDZ Holding hija l-unika benefiċjarja tal-Miżura 2. Madankollu, bosta elementi jindikaw li l-impriża rilevanti mhijiex limitata għall-persuna ġuridika ta' BDZ Holding biss.

    (68)

    L-ewwel nett, f'termini ta' relazzjonijiet ta' sjieda, għandu jiġi nnutat li BDZ Holding għandha 100 % tal-ishma kemm ta' BDZ Passenger kif ukoll ta' BDZ Cargo. BDZ Holding għalhekk tikkontrolla l-attivitajiet tan-negozju kollha ta' BDZ Passenger u ta' BDZ Cargo, tifformula politika ta' ġestjoni komuni u tistabbilixxi miri għaż-żewġ sussidjarji.

    (69)

    It-tieni nett, l-għan prinċipali tas-self inizjali kien ix-xiri u t-tiswija ta' assi użati kemm minn BDZ Cargo kif ukoll minn BDZ Passenger, bħal lokomottivi, vaguni tal-merkanzija u vaguni tal-passiġġieri. It-tħassir tad-dejn għalhekk, jirrigwarda servizzi tat-trasport ferrovjarju pprovduti miż-żewġ sussidjarji. Filwaqt li wara r-riorganizzazzjoni tal-2007, BDZ Holding kienet il-proprjetarja tal-vetturi ferrovjarji u kienet tikrihom lil BDZ Cargo u lil BDZ Passenger, wara r-riorganizzazzjoni tal-2011 il-vetturi ferrovjarji ġew trasferiti lis-sussidjarji BDZ Cargo u BDZ Passenger (ara l-premessi 12 u 13). Għalhekk, il-Miżura 2, li ngħatat biex jitħassru d-djun għall-finanzjament tal-vetturi ferrovjarji, effettivament tkun ta' benefiċċju għal BDZ Cargo u għal BDZ Passenger.

    (70)

    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, minbarra għal BDZ Holding, is-sussidjarji tagħha BDZ Passenger u BDZ Cargo għandhom ukoll jiġu meqjusa bħala benefiċjarji tat-tħassir tad-dejn. Jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' BDZ Passenger u ta' BDZ Cargo ppreżentata fit-taqsima 2.1 li dawn iż-żewġ kumpaniji huma unità ekonomika unika taħt il-kontroll ta' BDZ Holding u t-tnejn li huma jipprovdu servizzi bi ħlas fil-Bulgarija. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li billi tipprovdi servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, kif ukoll il-ġestjoni u l-koordinazzjoni ta' dawk l-attivitajiet, BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha BDZ Passenger u BDZ Cargo qegħdin iwettqu attività ekonomika u, għalhekk, jikkostitwixxu impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    6.1.1.2.    Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabilità lill-Istat

    (71)

    Sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-miżura inkwistjoni trid tiġi ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat u d-deċiżjoni li tingħata l-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat (19).

    (72)

    It-tħassir tad-dejn se jkun iffinanzjat direttament mill-baġit tal-Istat Bulgaru u se jingħata mill-awtoritajiet ċentrali ta' dak l-Istat Membru.

    (73)

    Għalhekk, it-tħassir tad-dejn jinvolvi l-użu ta' riżorsi tal-Istat, li huwa wkoll deċiż mill-Istat u imputabbli lill-Istat.

    6.1.1.3.    Vantaġġ ekonomiku

    (74)

    Vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huwa kull benefiċċju ekonomiku li impriża ma kenitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta' intervent mill-Istat (20). Huwa biss l-effett tal-miżura fuq l-impriża li huwa rilevanti, mhux il-kawża jew l-għan tal-intervent mill-Istat (21).

    (75)

    F'dan il-każ, il-Bulgarija se tħassar BGN 223,45 miljun (EUR 114,25 miljun) ta' djun relatati direttament mal-attivitajiet ferrovjarji ta' BDZ Holding. Ebda operatur f'ekonomija tas-suq ma kien se jħassar obbligazzjonijiet ta' tali kobor bla ebda remunerazzjoni. Barra minn hekk, il-miżura se teħles lil BDZ Holding mill-obbligi tagħha ta' ħlas tad-dejn, u b'hekk se tillibera fondi li BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha jistgħu jużaw biex jiżviluppaw l-operazzjonijiet tagħhom u jtejbu l-indikaturi finanzjarji tagħhom.

    (76)

    Għalhekk, ġie konkluż li d-deċiżjoni tal-Bulgarija li tħassar l-obbligazzjonijiet ta' BDZ Holding tkun ta' vantaġġ ekonomiku għal BDZ Holding, BDZ Passenger u BDZ Cargo li huma ma kinux jiksbu taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

    6.1.1.4.    Selettività

    (77)

    Biex miżura tal-Istat taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, din trid tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”. B'hekk, huma biss dawk il-miżuri li jiffavorixxu lill-intrapriżi li jagħtu vantaġġ b'mod selettiv li jaqgħu taħt il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat. It-tħassir tad-dejn se jkun ta' benefiċċju biss għal BDZ Holding u għas-sussidjarji tagħha u, għalhekk, huwa selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Konklużjoni

    (78)

    Huwa konkluż li t-tħassir tad-dejn ippjanat se jipprovdi vantaġġ ekonomiku selettiv għal BDZ Holding u għas-sussidjarji tagħha BDZ Passenger u BDZ Cargo.

    6.1.1.5.    Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    Distorsjoni tal-kompetizzjoni

    (79)

    Hemm suppożizzjoni li hemm tfixkil tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat kull meta l-Istat jagħti vantaġġ finanzjarju lil impriża f'settur liberalizzat fejn hemm, jew jista' jkun hemm, il-kompetizzjoni (22).

    (80)

    F'dan ir-rigward, il-Bulgarija fetħet is-suq għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija għal operaturi domestiċi oħrajn stabbiliti fil-Bulgarija, fl-2002. Is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tal-Unjoni nfetaħ għall-kompetizzjoni għal-ewwel darba fuq in-Netwerk Trans-Ewropew tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-15 ta' Marzu 2003 permezz tal-ewwel pakkett ferrovjarju (23). It-tieni pakkett ferrovjarju lliberalizza t-trasport internazzjonali tal-merkanzija kollu fl-1 ta' Jannar 2006, u lliberalizza t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija nazzjonali mill-1 ta' Jannar 2007 (24). Madankollu, bosta Stati Membri kienu unilateralment illiberalizzaw is-swieq nazzjonali tagħhom qabel dik id-data.

    (81)

    Is-sehem mis-suq ta' BDZ Cargo tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija Bulgaru kien jammonta għal 43 % fl-2016. BDZ Cargo tikkompeti direttament mal-operaturi l-oħra tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija f'dak is-suq, kif innutat fil-premessa 15.

    (82)

    Fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, mill-1 ta' Jannar 2010, it-tielet pakkett ferrovjarju fetaħ is-suq tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri (25). Filwaqt li dan jikkonċerna biss is-servizzi internazzjonali, jinkludi l-attivitajiet tal-benefiċjarji fuq dawn il-linji. Fi kwalunkwe każ, kif stabbilit mill-Qorti fis-sentenza Altmark Trans, il-fatt li kumpanija tat-trasport hija attiva biss fi Stat Membru wieħed ma jeskludix il-possibbiltà li l-għajnuna toħloq distorsjoni tal-kummerċ intra-Unjoni (26). F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, mill-1995, bosta Stati Membri b'mod unilaterali fetħu t-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri tagħhom u li kull vantaġġ mogħti lil kumpanija tat-trasport ferrovjarju fi Stat Membru wieħed jista' jnaqqas il-possibbiltà għal kompetitur minn Stat Membru ieħor li jopera f'dak is-suq ġeografiku.

    (83)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura se toħloq distorsjoni jew se thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    L-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

    (84)

    Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' intrapriża meta mqabbla ma' intrapriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna (27). Huwa biżżejjed li r-riċevitur tal-għajnuna jikkompeti ma' intrapriżi oħra fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni (28).

    (85)

    F'dan il-każ, il-benefiċjarju jipprovdi servizzi f'kompetizzjoni ma' impriżi oħra li jipprovdu servizzi tat-trasport fis-suq intern u xi wħud minn dawn is-servizzi huma transfruntieri. Għalhekk, il-vantaġġ ekonomiku selettiv mogħti permezz tat-tħassir tad-dejn ippjanat għal BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha jsaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tagħha, peress li jeħles lill-operatur ferrovjarju mid-djun imġarrba qabel l-2007. Konsegwentement BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha se jkunu qed jipprovdu servizzi tat-trasport bil-ferrovija fis-suq intern kollu mingħajr ma jerfgħu l-ispejjeż operattivi u tal-investiment imġarrba.

    (86)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan għat-tħassir tad-dejn huwa ta' natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    6.1.1.6.    Konklużjoni

    (87)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-tħassir tad-dejn li l-Bulgarija qed tippjana li timplimenta jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    6.1.2.   IL-LEĠITTIMITÀ TAL-GĦAJNUNA

    (88)

    Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kull pjan sabiex jagħtu jew jibdlu l-għajnuna, u ma għandhomx jimplimentaw il-miżuri proposti qabel ma l-proċedura ta' notifika tkun irriżultat f'deċiżjoni finali.

    (89)

    Peress li t-tħassir tad-dejn favur BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha għadu ma ġiex implimentat, il-Kummissjoni tqis li l-Bulgarija rrispettat l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat (29).

    6.1.3.   IL-KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA

    (90)

    Peress li t-tħassir tad-dejn jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni trid tevalwa jekk din l-għajnuna tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

    (91)

    L-Artikolu 107(3) tat-Trattat jistipula ċerti eżenzjonijiet għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat li l-għajnuna mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq intern. L-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jistipula li: “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

    (92)

    F'dan ir-rigward, it-Taqsima 4 tal-Linji Gwida Ferrovjarji tipprovdi qafas għall-valutazzjoni ta' jekk jenħtieġx li l-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna lill-impriżi ferrovjarji sabiex jitħassru d-djun bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

    (93)

    Il-Kummissjoni taqbel mal-Bulgarija rigward l-applikabbiltà tat-Taqsima 4 tal-Linji Gwida Ferrovjarji għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tat-tħassir tad-dejn. Tabilħaqq, skont il-punt 54 tal-Linji Gwida Ferrovjarji, “Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 9 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 91/440/KEE (30), il-Kummissjoni tqis li, f'ċerti ċirkostanzi, għandu jkun possibbli li tali għajnuniet jiġu awtorizzati fin-nuqqas ta' ristrutturazzjoni finanzjarja, fejn it-tħassir jikkonċerna djun antiki, imġarrba qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/12/KE, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tas-settur għall-kompetizzjoni.” Skont il-punt 56 tal-Linji Gwida Ferrovjarji, fil-każ tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/12/KE, id-data tal-adeżjoni jenħtieġ li tiġi kkunsidrata bħala d-data li minnha dik id-Direttiva tapplika għal dawk l-Istati Membri. Id-data rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' liema dejn ta' qabel l-adeżjoni jista' jitħassar f'konformità mal-Linji Gwida Ferrovjarji hija, għalhekk, l-1 ta' Jannar 2007.

    (94)

    Il-Bulgarija ssostni li t-tħassir tad-dejn ippjanat huwa konformi mal-kundizzjonijiet kollha tal-kompatibilità stipulati fil-Linji Gwida Ferrovjarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni trid tivvaluta din it-talba. Tabilħaqq, skont il-punti 55 sa 61 tal-Linji Gwida Ferrovjarji, għajnuna biex jitħassru d-djun imġarrba qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    L-ewwel nett, l-għajnuna għandha sservi ta' kumpens għal djun definiti u individwalizzati b'mod ċar u mġarbba qabel il-15 ta' Marzu 2001, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/12/KE. L-għajnuna ma tista' fl-ebda każ taqbeż l-ammont ta' dawn id-djun. Fil-każijiet fejn l-Istati Membri ssieħbu fl-Unjoni Ewropea wara l-15 ta' Marzu 2001, id-data rilevanti hija dik tal-adeżjoni mal-Unjoni. Il-loġika tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/440/KEE, imtennija fid-Direttivi ta' warajha, kienet li jiġi indirizzat livell ta' dejn akkumulat fi żmien fejn deċiżjoni li jinfetaħ is-suq fil-livell tal-Komunità kienet għadha trid tittieħed.

    (b)

    Fit-tieni lok, id-djun ikkonċernati jridu jkunu direttament marbutin mal-attività ta' trasport ferrovjarju jew mal-attivitajiet ta' ġestjoni, kostruzzjoni jew użu ta' infrastruttura ferrovjarja. […]

    (c)

    Fit-tielet lok, it-tħassir tad-djun irid ikun favur impriżi li huma ffaċċati b'livell eċċessiv ta' dejn, li jostakola l-ġestjoni finanzjarja b'saħħitha tagħhom. L-għajnuna għandha tkun meħtieġa biex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni, sa fejn l-iżvilupp probabbli tal-kompetizzjoni fis-suq ma jkunx jippermetti lill-impriża sabiex tikkoreġi s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fil-futur prevedibbli. […]

    (d)

    Fir-raba' lok, l-għajnuna ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-għan. […]

    (e)

    Fil-ħames lok, it-tħassir tad-djun tagħha ma jridx jagħti lill-impriża vantaġġ kompetittiv b'mod li jimpedixxi l-iżvilupp ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq, pereżempju billi jiskoraġġixxi lil impriżi esterni jew atturi ġodda milli jidħlu f'ċerti swieq nazzjonali jew reġjonali.

    (a)   L-għajnuna trid isservi ta' tpaċija għal djun definiti u individwalizzati b'mod ċar, u mġarbba qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni

    (95)

    Il-linji Gwida Ferrovjarji jeħtieġu li d-dejn li jkun se jitħassar ikun determinat b'mod ċar, ikun individwalizzat u, fil-każ tal-Bulgarija, ikun imġarrab qabel l-adeżjoni tagħha mal-UE. Isegwi mil-Linji Gwida Ferrovjarji li d-dejn aggregat jew mhux determinat ma jistax jiġi paċut. It-tpaċija ma tkunx permessa, pereżempju, jekk ikun ippjanat li jitħassru elementi ġeneriċi ta' dejn, pereżempju “dejn lill-fornituri kollha”. Barra minn hekk, it-tpaċija ma tkunx permessa jekk ikun ippjanat li elementi aggregati ta' dejn lejn kreditur uniku, pereżempju “obbligazzjonijiet totali fil-konfront ta' bank partikolari” li jirriżultaw minn diversi komponenti bħal overdrafts, garanziji jew self fit-tul jitħassru kompletament mingħajr distinzjoni.

    (96)

    Il-Bulgarija qed tippjana li tħassar BGN 223,45 miljun (EUR 114,25 miljun), ta' dejn ta' BDZ Holding. Kif deskritt fil-premessa 35 u fit-Tabella 2, l-ammont ta' BGN 223,45 miljun suġġett għat-tħassir huwa derivat minn obbligi finanzjarji mġarrba qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni u li kienu pendenti fid-data tal-adeżjoni jew minn dejn sussegwenti mġarrab minn BDZ Holding li ssostitwixxa jew irrifinanzja dejn imġarrab qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni, kif iddokumentat mir-Rapport Finanzjarju Kkonsolidat ta' BDZ Holding għall-2006, u/jew informazzjoni dwar il-ħlasijiet ta' self rilevanti. Kull dejn li jkun ippjanat li jitħassar jista' jiġi individwalizzat bħala derivat minn kuntratti ta' self (il-kredituri finanzjarji KfW IPEX Bank, BERŻ, IBRD) jew minn relazzjonijiet kuntrattwali regolari ma' fornituri speċifiċi ta' servizzi ta' infrastruttura ferrovjarja (NRIC) jew servizzi tal-elettriku (NEC AD) qabel l-adeżjoni.

    (97)

    L-istess jgħodd f'dak li jirrigwarda l-obbligi individwalizzati ta' dejn ta' BDZ Holding lejn id-detenturi tal-bonds tal-ħruġ ta' bonds ISIN BG2100032072 mid-19 ta' Novembru 2007 u l-Ministeru tal-Finanzi, meta dan tal-aħħar sar kreditur ta' BDZ Holding (ara l-premessi 35, 36 u t-Tabella 2). Id-djun inadempjenti huma individwalizzati tajjeb u wkoll il-qligħ intuża biex jirrifinanzja dejn ta' qabel l-adeżjoni speċifikat tajjeb li BDZ Holding ma setgħetx tlaħħaq miegħu u tħallsu bir-riżorsi tagħha stess. Minn dan isegwi li l-ammonti attwalment pendenti jikkostitwixxu, f'termini ekonomiċi, sempliċi riport ta' dejn li ntiret mill-passat.

    (98)

    Fl-aħħar nett, peress li l-ammont ta' BGN 223,45 miljun f'dejn li hu ppjanat li għandu jitħassar huwa derivat minn djun definiti u individwalizzati b'mod ċar imġarrba qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-UE, mhuwiex meħtieġ li tittieħed pożizzjoni dwar jekk djun oħra inklużi dispożizzjonijiet u obbligi kummerċjali ta' BDZ Holding identifikati wkoll mill-Bulgarija bħala dejn ta' qabel l-adeżjoni (it-Tabella 1 u l-premessi 35 u 20), u li jammontaw għad-differenza bejn BGN 806,7 u BGN 223,45 miljun, jistgħux ukoll jitħassru b'mod legali skont il-Linji Gwida Ferrovjarji. Id-dejn li jammonta għal din id-differenza huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (99)

    Huwa għalhekk konkluż li l-miżura inkwistjoni għandha l-għan li tħassar BGN 223,45 miljun ta' djun definiti u individwalizzati b'mod ċar, imġarrba qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni.

    (b)   Id-djun ikkonċernati jridu jkunu direttament marbutin mal-attività ta' trasport ferrovjarju jew mal-attivitajiet ta' ġestjoni, kostruzzjoni jew użu ta' infrastruttura ferrovjarja.

    (100)

    Il-Bulgarija qalet li d-djun kollha mġarrba minn BDZ Holding kienu direttament marbutin mal-attività ta' trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u tal-merkanzija (ara l-premessa 39).

    (101)

    Il-Kummissjoni tosserva li d-djun maħsuba biex jitħassru kienu tabilħaqq imġarrba biex jiġu ffinanzjati t-tiġdid u t-tiswija ta' vetturi ferrovjarji, bħax-xiri ta' unitajiet multipli tad-diżil u elettriċi jew l-immodernizzar ta' vaguni tal-merkanzija li huma proprjetà tal-kumpanija. Alternattivament, djun bħalma huma l-obbligi pendenti lejn NRIC iffinanzjaw ukoll il-forniment tas-servizzi ferrovjarji ta' BDZ Holding. Dawn l-attivitajiet huma n-negozju ewlieni ta' BDZ Holding u tas-sussidjarji tagħha u huma direttament marbuta mal-attività tat-trasport ferrovjarju.

    (102)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-djun ikkonċernati huma direttament marbuta mal-attività tat-trasport ferrovjarju.

    (c)   It-tħassir tad-djun irid ikun favur impriżi li huma ffaċċati b'livell eċċessiv ta' dejn, li jostakola l-ġestjoni finanzjarja soda tagħhom. L-għajnuna għandha tkun meħtieġa biex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni, sa fejn l-iżvilupp probabbli tal-kompetizzjoni fis-suq ma jkunx jippermetti lill-impriża sabiex tikkoreġi s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fil-futur prevedibbli.

    Id-dejn eċċessiv ta' BDZ Holding, li qed ifixkel il-ġestjoni finanzjarja soda tagħha

    (103)

    Il-Bulgarija ddikjarat li BDZ Holding ikkwalifikat bħala fi stat ta' insolvenza u f'sitwazzjoni ta' dejn eċċessiv skont il-leġiżlazzjoni Bulgara u ssodisfat il-kriterji kollha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Bulgara biex jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza kontra tagħha. Din hija indikazzjoni valida ta' dejn eċċessiv. Barra minn hekk, il-Bulgarija ddikjarat li l-kumpanija ma kenitx kapaċi tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha minħabba d-djun tagħha.

    (104)

    It-total tad-djun ta' BDZ Holding kien jammonta għal BGN 806,7 miljun fil-31 ta' Diċembru 2006 u kien jammonta għal 78 % tal-kapital totali ta' BDZ Holding (ekwità u dejn), bi Proporzjon ta' Dejn-Ekwità ta' erbgħa. Is-sitwazzjoni finanzjarja ta' BDZ Holding marret għall-agħar b'mod konsiderevoli mill-2007 'l hawn. Mill-2011, il-Proporzjon ta' Dejn-Ekwità ta' BDZ Holding żdied 'il fuq minn 7,5 (9), biex laħaq livell ta' 14 fl-2012, ta' 15 fl-2013, ta' -209 fl-2014 u ta' -33 f'Ottubru 2015 (31). Barra minn hekk, f'Ottubru 2015, l-obbligi pendenti ta' BDZ Holding, jiġifieri BGN 499,1 miljun (EUR 255 miljun) kienu jirrappreżentaw 86 % tal-valur kontabilistiku tal-assi li kienu jammontaw għal BGN 582,4 miljun (EUR 298 miljun).

    (105)

    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li minkejja l-fatt li BDZ Holding ħallset lura BGN 724 miljun (EUR 370 miljun) ta' djun pendenti matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sat-28 ta' Settembru 2016, il-kumpanija ma kenitx kapaċi tikkonforma għal kollox mal-obbligi finanzjarji tagħha. Minħabba l-obbligi li suppost diġà tħallsu tagħha lejn il-kredituri internazzjonali, fl-20 ta' Lulju 2015, il-High Court of Justice (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja) f'Londra ordnat lil BDZ tħallas EUR 66,7 miljun (BGN 130,4 miljun) b'imgħax fuq ħlas tard ta' 8 % fis-sena (32).

    (106)

    Barra minn hekk, minħabba l-livell ta' dejn eċċessiv ta' BDZ Holding, mingħajr it-tħassir tad-dejn, il-kumpanija jkollha diffikultajiet serji biex tissodisfa l-obbligi tagħha u tista' eventwalment tiġi likwidata.

    (107)

    Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li BDZ Holding qiegħda tiffaċċja livell eċċessiv ta' dejn, li qed jostakola l-ġestjoni finanzjarja tajba tagħha.

    Il-ħtieġa tal-għajnuna

    (108)

    Barra minn hekk, l-għajnuna għandha tkun meħtieġa biex tirrimedja għas-sitwazzjoni ta' dejn eċċessiv, sa fejn l-iżvilupp probabbli tal-kompetizzjoni fuq is-suq ma jkunx jippermetti lil BDZ Holding u lis-sussidjarji tagħha biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fi żmien raġonevoli.

    (109)

    Minħabba d-djun tagħha, BDZ Holding ma kenitx f'pożizzjoni li tissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha tagħha u qiegħda bil-lura fl-investimenti fl-immodernizzar tal-vetturi ferrovjarji tagħha. Minħabba li l-investimenti fl-immodernizzar tal-vetturi finanzjarji u fil-manutenzjoni waqgħu lura, il-flotta tal-kumpanija hija qadima wisq u parzjalment skaduta. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li 82 % tal-vaguni ta' BDZ Passenger għandhom aktar minn 20 sena u 74 % tal-lokomotivi tagħha għandhom aktar minn 25 sena. Fl-2015, madwar 50 % tal-lokomotivi ta' BDZ Cargo jew kienu qed jissewwew jew ma kinux jaħdmu. Bl-istess mod, madwar 51 % tal-vaguni tal-merkanzija ta' BDZ Cargo ma kinux operazzjonali u kienu jeħtieġu tiswija fl-2015.

    (110)

    Mingħajr l-għajnuna, BDZ Holding ma tkunx kapaċi tħallas lura d-djun li għadhom pendenti li ġġarrbu qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, u lanqas ma tkun kapaċi tuża r-riżorsi tagħha stess biex tinvesti fl-immodernizzar tal-vetturi ferrovjarji tagħha.

    (111)

    Bħala eżempju, abbażi tal-qligħ irrappurtat tal-kumpanija fl-2016 (BGN 336,2 miljun), bħala medja tkun meħtieġa żieda ta' darba fil-prezz u/jew fit-tariffa ta' 66 %, jekk l-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess, biex tiġġenera d-dħul operazzjonali ta' BGN 223,45 miljun f'terminu ta' żmien qasir li huwa meħtieġ biex jitħallas lura d-dejn li huwa ppjanat li jitħassar. Madankollu, sadanittant, is-sussidjarji ta' BDZ Holding joperaw biss fuq żona ġeografika li hija eliġibbli għal kollox għal għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat. Żidiet tariffarji mdaqqsa f'dawn iz-zoni ġeografiċi jista' jkollhom effetti soċjali aktar qawwija milli f'żoni aktar sinjuri tal-Unjoni. Għaldaqstant, żidiet ipotetiċi fit-tariffi bl-għan li jissaħħaħ id-dħul ta' BDZ Holding u jittaffa d-dejn tagħha sa fejn meħtieġ, jekk ikunu legalment possibbli f'dak li għandu x'jaqsam ma' servizzi tal-passiġġieri li huma suġġetti għal OSP u kummerċjalment sostenibbli f'ambjent kompetittiv f'dak li għandu x'jaqsam ma' servizzi tat-trasport tal-merkanzija, jista' jkollhom impatti soċjali sproporzjonati fuq il-passiġġieri tal-ferroviji Bulgari jew kumpaniji li jużaw is-servizzi ta' ġarr ta' merkanzija ta' BDZ.

    (112)

    Konsegwentement, l-ebda miżura ta' politika kredibbli ipotetika oħra għajr it-tħassir tad-dejn ippjanat ma tkun tippermetti lill-kumpanija biex tkompli l-operat tagħha. Minn dan isegwi li l-miżura inkwistjoni hija meħtieġa biex tirrimedja s-sitwazzjoni tad-dejn ta' BDZ Holding, sa fejn l-iżvilupp imbassar tal-kompetizzjoni fis-suq ma jkunx jippermetti lil BDZ Holding u lis-sussidjarji tagħha biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fil-futur prevedibbli.

    (d)   L-għajnuna ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-għan

    (113)

    Il-Kummissjoni tinnota li fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' BDZ Holding l-ammont ta' tħassir tad-dejn huwa l-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-kumpanija u huwa prekundizzjoni għas-sostenibbiltà finanzjarja tagħha. L-ammont huwa essenzjalment meħtieġ għall-pagamenti pendenti lill-kredituri - istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u NRIC. BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha għandhom obbligazzjonijiet pendenti mġarrba qabel l-1 ta' Jannar 2007 li, jekk ma jitħallsux, ipoġġu lill-benefiċjarju f'riskju ta' likwidazzjoni. L-indikaturi finanzjarji juru li l-ħlasijiet ma jistgħux isiru mir-riżorsi proprji fil-preżent u ma jkunx realistiku li wieħed jistenna li l-kumpanija tista' żżid b'mod sinifikanti t-tariffi jew il-prezzijiet tagħha sabiex tiġġenera dħul akbar fi żmien qasir.

    (114)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li matul il-perjodu wara l-adeżjoni, BDZ Holding ħallset lura lil BGN 166 miljun f'obbligazzjonijiet imġarrba qabel l-1 ta' Jannar 2007 mir-riżorsi proprji tagħha derivati prinċipalment minn bejgħ ta' assi. Billi dawn l-ammonti kienu potenzjalment eliġibbli għat-tħassir, huwa raġonevoli li wieħed jikkunsidra li BDZ Holding setgħet użat dawn ir-riżorsi għall-iżvilupp u l-immodernizzar tal-vetturi ferrovjarji u tas-servizzi pprovduti. Il-kumpanija ma kenitx qiegħda żżomm il-pass mal-iżvilupp tas-settur ferrovjarju fir-rigward ta' karatteristiċi tekniċi u sistemi tal-informazzjoni. Għaldaqstant, billi BDZ Holding iddependiet ukoll fuq ir-riżorsi proprji tagħha biex tħallas lura parti mid-dejn ta' qabel l-adeżjoni, it-tħassir tad-dejn ma jistax jitqies li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju, anki jekk huwa jeħlisha milli tissodisfa l-obbligi ta' ħlas lura u jippermetti spazju finanzjarju biex isir investiment f'immodernizzar futur jew f'attivitajiet ta' tiswija futuri.

    (115)

    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tat-tħassir tad-dejn ma tistax titqies li tqiegħed lil BDZ Holding f'sitwazzjoni aktar favorevoli minn dik ta' impriża medja mmexxija tajjeb li għandha l-istess profil ta' attività.

    (e)   It-tħassir tad-djun tagħha ma jridx jagħti lill-impriża vantaġġ kompetittiv b'mod li jimpedixxi l-iżvilupp ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq, pereżempju billi jiskoraġġixxi lil impriżi esterni jew lil atturi ġodda milli jidħlu f'ċerti swieq nazzjonali jew reġjonali.

    (116)

    It-tħassir propost tad-dejn se jippermetti lil BDZ Holding biss biex tinnormalizza l-finanzjament tal-attivitajiet operazzjonali tal-kumpanija u mhuwiex se jippermetti lil BDZ Holding jew lis-sussidjarji tagħha biex jespandu jew jidħlu fi swieq ġodda. F'dak is-sens, l-għajnuna mhijiex se timpedixxi l-iżvilupp ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq. Hija mhux se taffettwa l-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri, u dawn se jkunu jistgħu jkomplu jikkompetu ma' BDZ Holding taħt l-istess kundizzjonijiet.

    (117)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li t-tħassir tad-djun mhux se jfixkel b'mod mhux debitu l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għax se jippermetti biss lil BDZ Holding biex tistabbilizza s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li kienet imxekkla minn obbligazzjonijiet imġarrba qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li l-atturi l-ġodda fis-suq mhumiex qed ikunu skoraġġuti milli jidħlu fis-suq Bulgaru tat-trasport. Kif deskritt fil-premessi 15 u 42, minbarra BDZ Cargo, tmien operaturi bħalissa huma attivi fis-suq tat-trasport ferrovjarju Bulgaru. Ma hemm l-ebda evidenza li l-miżura tat-tħassir tad-dejn se timmodifika din is-sitwazzjoni kompetittiva.

    Konklużjoni

    (118)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' tħassir ta' dejn (il-Miżura 2) li tammonta għal BGN 223,45 miljun (EUR 114,25 miljun) li l-Bulgarija qed tippjana li timplimenta tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà mas-suq intern stabbiliti fil-Kapitolu IV tal-Linji Gwida Ferrovjarji.

    6.2.   MIŻURA 3: IN-NUQQAS TA' ĦLAS MINN BDZ HOLDING U MIS-SUSSIDJARJI TAGĦHA TA' DEJN LI SUPPOST DIĠÀ TĦALLAS LILL-AMMINISTRATUR TAL-INFRASTRUTTURA (NRIC)

    (119)

    Minħabba li l-Bulgarija ma ppreċiżatx l-oriġini u l-evoluzzjoni tal-obbligazzjonijiet pendenti ta' BDZ Holding dovuti lil NRIC qabel id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, in-nuqqas ta' infurzar ta' dawk l-obbligazzjonijiet li suppost diġà tħallsu tqies li potenzjalment jinvolvi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    (120)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija (ara t-Taqsima 4.3), parti mill-obbligazzjonijiet pendenti ta' BDZ Holding dovuti lil NRIC kienu jikkostitwixxu obbligazzjonijiet imġarrba mill-kumpanija qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni. Parti minn dan id-dejn ta' qabel l-adeżjoni (sa BGN 26,3 miljun) sussegwentement ġie rifinanzjat bi dħul minn ħruġ ta' bonds tad-19 ta' Novembru 2007, li għadu dejn pendenti u, għalhekk, suġġett għal stima skont “il-Miżura 2”: Tħassir tad-djun imġarrba qabel l-2007 fit-Taqsima 6.1. Fi kliem ieħor, NRIC tħallset.

    (121)

    Barra minn hekk, u bl-għan li tispjega s-sitwazzjoni fir-rigward tal-bqija tal-obbligazzjonijiet pendenti, il-Bulgarija pprovdiet aktar informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-infurzar u l-passi meħuda minn NRIC (ara t-Taqsima 4.3). Skont il-Bulgarija, NRIC kienet ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tiġbor l-obbligi li suppost diġà tħallsu mingħand BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha sabiex timmassimizza l-irkupru tal-ammonti dovuti, iżda mingħajr ma nediet proċedimenti legali.

    (122)

    Sabiex jiġi vverifikat jekk NRIC ppreferietx b'mod indebitu lil BDZ Holding fir-rigward tad-dewmien u l-arranġamenti għall-ħlas ta' obbligazzjonijiet li suppost diġà tħallsu, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk setgħetx tibbenefika minn arranġamenti bħal dawn f'kundizzjonijiet normali tas-suq (33). Għal dak l-għan, il-Kummissjoni trid tevalwa jekk kreditur ipotetiku f'ekonomija tas-suq f'sitwazzjoni simili għal NRIC, li jkun qed ifittex li jikseb il-ħlas massimu tal-ammonti dovuti lilu, kieku kienx jaċċetta d-dewmien u kienx jidħol f'negozjar mill-ġdid tal-ħlas ta' obbligazzjonijiet li suppost diġà tħallsu fuq termini u kundizzjonijiet simili (34). Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk NRIC aġixxietx bl-istess diliġenza dovuta bħal kreditur f'ekonomija tas-suq, qabel ma għażlet bejn infurzar individwali u amikevoli tat-talbiet tagħha u t-tnedija ta' proċedura ta' rkupru kollettiv li eventwalment twassal għall-falliment ta' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha.

    (123)

    Il-Kummissjoni tinnota li, sabiex jidentifika l-aktar alternattiva vantaġġuża, kreditur tal-ekonomija tas-suq diliġenti jevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kull waħda mill-alternattivi, filwaqt li jqis, fost l-oħrajn, l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati, l-iskopertura ekonomika preċedenti tiegħu, it-tul tal-proċess tal-irkupru u l-ispejjeż (35).

    (124)

    Il-Kummissjoni l-ewwel tosserva li d-djun dovuti lil NRIC oriġinaw fil-kuntest ta' relazzjoni kummerċjali regolari u fit-tul bejn l-impriżi (tal-Istat): BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha kienu klijenti ta' importanza ewlenija ta' NRIC u kienu jiġġeneraw aktar minn 70 % tad-dħul operattiv tagħha. L-oriġini tal-BGN 46,5 miljun dejn dovut minn NRIC lil BDZ Holding akkumulat bejn l-2008 u l-2011 għal diversi servizzi pprovduti lil NRIC (it-tabella 3) wkoll tipprovdi xhieda addizzjonali li hemm interazzjoni u interdipendenza kontinwa bejn NRIC u BDZ Holding. Il-possibbiltà ta' ħruġ mis-suq ta' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha li jirriżulta minn proċedimenti kollettivi ta' insolvenza għaldaqstant kien ikollha impatt negattiv immedjat serju fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta' NRIC. Min-naħa tiegħu, il-falliment ta' BDZ Holding kien inaqqas il-profitti ta' NRIC u l-ħila tagħha li żżomm b'mod adegwat in-netwerk ferrovjarju nazzjonali, u dan kien iwassal għal riskju ta' aktar tnaqqis ta' dħul kummerċjali li jiġi mingħand klijenti oħra, minbarra s-sussidjarji ta' BDZ Holding.

    (125)

    Minn dan isegwi li kreditur tas-suq involut bħal NRIC f'relazzjoni kummerċjali simili mad-debitur(i) tiegħu bħal BDZ Holding kien għalhekk jaffronta bi prudenza kull azzjoni ta' infurzar ipotetika li twassal biex il-klijent prinċipali tiegħu jisparixxi mis-suq, għall-kuntrarju ta' kreditur li jkollu pretensjonijiet ta' dejn ta' darba u li ma jkunx kummerċjalment u finanzjarjament dipendenti fuq li d-debitur tiegħu jibqa' attiv fis-suq wara l-infurzar tat-talbiet tiegħu.

    (126)

    It-tieni nett, il-pretensjonijiet ta' NRIC fir-rigward ta' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha ma setgħux jiġu infurzati bħala pretensjonijiet preferenzjali fi proċedimenti kollettivi ta' insolvenza ipotetiċi, li fihom l-ebda preferenza partikolari għal ħlas lura lil NRIC fost kredituri oħra ma setgħet tiġi implimentata (ara l-premessa 49). Barra minn hekk, id-dejn identifikat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ bħala dovut lil NRIC (BGN 45 miljun) kien iżgħar mid-dejn dovut lill-kredituri l-oħrajn (ara t-Tabella 1). Barra minn hekk, il-valur kontabbli tal-assi ta' BDZ Holding ikun jeħtieġ li jitnaqqas bi skont ta' likwidazzjoni f'bejgħ furzat fil-proċedimenti kollettivi ta' insolvenza. Skont it-tip ta' assi, l-iskont tal-likwidazzjoni jista' jammonta sa 75 % tal-valur tal-assi. Gћalhekk, huwa ferm probabbli li l-valur tal-likwidazzjoni tal-assi ta' BDZ Holding ma kienx ikun suffiċjenti biex ikopri l-ispejjeż tal-likwidazzjoni, is-salarji tal-impjegati tagħha u l-obbligazzjonijiet pendenti tagħha kollha. Jekk tittieħed l-2011 bħala eżempju, l-ispejjeż tal-likwidazzjoni, il-pagi tal-impjegati u l-obbligazzjonijiet kollha pendenti kienu jammontaw għal BGN 778 miljun filwaqt li l-valur kontabbli tal-assi ta' BDZ Holding kien ta' BGN 933 miljun. Konsegwentement, NRIC setgħet realistikament tistenna li tirkupra biss frazzjoni żgħira mill-pretensjonijiet pendenti tagħha, kieku kellhom jinbdew proċedimenti kollettivi ta' insolvenza.

    (127)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, b'mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, l-ispejjeż, flimkien mat-tul tal-proċedimenti tal-qorti, jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta' kreditur li jipproċedi bil-likwidazzjoni ta' kumpanija (36). F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni taqbel li NRIC kellha interess partikolari biex tkompli l-kooperazzjoni tagħha ma' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha, mhux biss minħabba dħul kummerċjali futur iġġenerat minn BDZ Holding iżda wkoll bl-għan li timmassimizza l-irkupru tal-obbligazzjonijiet pendenti mhux preferenzjali akkumulati sa Novembru 2011 minflok tniedi l-likwidazzjoni tal-kumpanija. Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tnedija ta' proċedimenti kollettivi ta' insolvenza twal li jwasslu għal likwidazzjoni furzata tal-grupp b'rata ta' rkupru baxxa u inċerta, ma kenitx tkun għażla valida u realistika għal NRIC biex timmassimizza l-irkupru tal-pretensjonijiet ta' dejn tagħha.

    (128)

    Tabilħaqq, il-Kummissjoni tosserva li BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha għamlu l-ħlasijiet meħtieġa b'mod regolari fir-rigward tad-dejn tagħhom lejn NRIC u li NRIC ma ġietx trattata b'mod differenti minn kredituri privati oħrajn tal-grupp. Fejn kien hemm ħlasijiet tardivi, BDZ Holding ma kenitx vantaġġata mill-posponiment tal-ħlas lura billi ħlasijiet tard lil NRIC attiraw marġini kbir ta' 1 000 punt bażi fuq ir-rati tal-imgħax ta' bażi tal-Bank Nazzjonali Bulgaru (ara l-premessa 48). Bħala eżempju, il-Kummissjoni tikkunsidra li 1 000 punt bażi huwa indikatur ta' marġini tal-imgħax konformi mas-suq fuq selfa b'kollateral ta' kwalità baxxa għal kumpanija f'diffikultajiet finanzjarji, bħal BDZ Holding (37). L-obbligazzjonijiet li suppost diġà tħallsu tħallsu lura permezz ta' trasferimenti bankarji diretti, it-tpaċija tal-obbligazzjonijiet ta' NRIC lejn BDZ Holding u skambji ta' dejn ma' assi. Pereżempju, bejn l-2011 u l-2016, BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha ħallsu ammont ta' BGN 503 miljun (EUR 257 miljun) għal servizzi pprovduti minn NRIC. Meta mqabbla mal-probabbiltà baxxa li jiġi rkuprat imqar proporzjon minuri tal-pretensjonijiet ta' NRIC kieku BDZ Holding kellha tiġi likwidata, l-ammont tad-dejn imħallas lura lil NRIC mill-2011 jikkonferma a posteriori li l-għażla magħmula minn NRIC li ma tinfurzax il-pretensjonijiet tagħha kienet l-aktar waħda razzjonali.

    (129)

    Barra minn hekk, għalkemm l-informazzjoni mhijiex speċifika għad-dejn ta' qabel l-adeżjoni msemmi fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni tinnota, pereżempju, f'dak li jirrigwarda l-ħlas tal-obbligazzjonijiet permezz tal-iskambji ta' dejn ma' assi implimentati wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, li NRIC daħlet fi ftehimiet ma' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha fuq bażi ta' distakkament, kif deskritt fil-premessi 51, 52 u 53, li rrikonoxxa d-djun li suppost diġà tħallsu u b'hekk iffaċilita r-rimborż tagħhom.

    (130)

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni addizzjonali u tal-evidenza ta' sostenn li ngħatat mill-Bulgarija u fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li NRIC aġixxiet bħala kreditur f'ekonomija tas-suq, u għalhekk, il-posponiment tal-ħlas lura ta' djun u l-arranġamenti miftiehma bejn NRIC u BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha ma pprovdew lil din tal-aħħar bl-ebda vantaġġ ekonomiku mhux dovut li kieku ma kenitx tgawdi f'kundizzjonijiet normali tas-suq.

    (131)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-mod li bih BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha indirizzaw id-dejn li suppost diġà tħallas tagħhom fir-rigward tal-amministratur tal-infrastruttura (NRIC) qabel Novembru 2011 ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    (132)

    Billi l-kundizzjonijiet neċessarji li jiddeterminaw l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma japplikawx jekk wieħed minnhom ma jkunx issodisfat. Għalhekk, ma hemm l-ebda bżonn li jiġi vvalutat jekk in-nuqqas ta' ħlas minn BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha ta' dejn li suppost diġà tħallas lil NRIC fil-passat jissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    6.3.   MIŻURA 4: ĦLAS LURA TAL-VAT MILL-ISTAT LIL BDZ HOLDING EAD

    (133)

    Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni dwar il-Miżura 4 peress li l-Bulgarija ma ċċaratx il-motivi għar-rimborż tal-VAT u jekk dan kienx konformi mad-Direttiva 2006/112/KE. B'hekk, il-Kummissjoni qieset li r-rimborż tal-VAT jista' potenzjalment jinvolvi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Għalhekk, il-Kummissjoni stiednet lill-Bulgarija biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-rimborż tal-VAT lil BDZ Holding.

    (134)

    Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ il-Bulgarija ċċarat li l-Miżura 4 kienet tikkonċerna r-rimborż ta' VAT indebitament imposta u mħallsa, li kienet tammonta għal BGN 72 miljun (EUR 36,7 miljun) fuq il-kumpens tal-OSP riċevut mingħand il-Ministeru tat-Trasport għall-perjodu bejn l-1 ta' Diċembru 2004 u d-29 ta' Frar 2008 (ara l-premessi 55 sa 59). Il-Bulgarija kompliet tiċċara li l-iżball amministrattiv inqabad matul reviżjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali kompetenti f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-iżball ġie kkoreġut bid-deċiżjonijiet ta' rimborż tat-taxxa numru 2900180 tal-14 ta' Jannar 2009, 290900153 tat-8 ta' Lulju 2009, 100337 tat-12 ta' Awwissu 2010 u 290100380 ta' Frar 2011.

    (135)

    Il-Kummissjoni tinnota li mhux biss l-għoti ta' vantaġġi ekonomiċi pożittivi huwa rilevanti għall-kunċett ta' għajnuna mill-Istat. Il-ħelsien minn piżijiet ekonomiċi, bħalma huma vantaġġi fiskali, jista' wkoll jikkostitwixxi vantaġġ. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rimborż tal-VAT fuq il-kumpens tal-OSP riċevut mingħand il-Ministeru tat-Trasport ipprovdiex vantaġġ ekonomiku għal BDZ Holding permezz ta' mitigazzjoni tal-imposti normalment inklużi fil-baġit ta' impriża, (38) jew jekk il-VAT fuq il-kumpens tal-OSP kenitx fil-fatt ġiet miġbura indebitament. Ma hemm l-ebda vantaġġ fil-każ ta' rimborż ta' taxxi imposti b'mod illegali (39).

    (136)

    Skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-forniment ta' servizzi, inklużi servizzi ta' trasport ta' passiġġieri, huwa suġġett għall-VAT, u l-ammont taxxabbli jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, bi skambju mas-servizz ipprovdut, jew mingħand il-klijent jew mingħand parti terza, inklużi l-kumpens jew is-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 132 ta' dik id-Direttiva, l-impriżi inkarigati b'obbligu ta' servizz pubbliku ma jaqgħux taħt l-eżenzjonijiet mill-VAT.

    (137)

    Għalhekk, jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-kumpens għall-OSP riċevut minn BDZ Holding kienx marbut direttament mal-prezz tas-servizzi pprovduti. Il-kumpens tal-OSP kien maħsub sabiex jikkumpensa t-telf li jirriżulta mill-forniment tas-servizz tat-trasport tal-passiġġieri f'kundizzjonijiet speċifiċi, bħal pereżempju l-kilometri ferrovjarji, il-postijiet, il-frekwenzi u kriterji kwalitattivi oħra. B'mod partikolari, il-kumpens għal OSP jitnaqqas f'każ ta' devjazzjonijiet, fost l-oħrajn, fil-kilometri, postijiet u ħinijiet u kriterji kwalitattivi oħra li ġew determinati għas-servizzi pprovduti. Għalhekk, il-kumpens ta' OSP ma jistax jiġu kkunsidrat bħala konness direttament mal-prezz għall-provvista tas-servizzi tat-trasport, iżda pjuttost bħala kumpens għat-telf li jirriżulta mit-twettiq ta' OSP.

    (138)

    Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Bulgara dwar il-VAT ma tistipulax li l-kumpens għal OSP b'konnessjoni mal-kopertura ta' telf ikun suġġett għall-VAT. L-iżball instab mill-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti b'riżultat ta' spezzjoni u dan wassal għal diversi deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tat-taxxa (ara l-premessa 59), li huma skont il-Kodiċi ta' Proċedura tal-Assigurazzjoni tat-Taxxa Bulgaru.

    (139)

    Konsegwentement, il-VAT kienet indebitament imposta fuq il-kumpens ta' BDZ Holding għall-OSP għall-perjodu mill-1 ta' Diċembru 2004 sad-29 ta' Frar 2008. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rimborż tal-VAT miġbura indebitament ma jipprovdix vantaġġ ekonomiku għal BDZ Holding.

    (140)

    Fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi, in-nuqqas ta' xi wieħed minnhom ikun deċiżiv. Għalhekk, ma hemm l-ebda bżonn li jiġi evalwat jekk il-Miżura 4 tissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    (141)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 4 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    7.   KONKLUŻJONI

    (142)

    Fid-dawl tal-irtirar tan-notifika fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar għal BDZ Holding (ara l-Miżura 1, it-Taqsima 5), il-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat rigward il-miżura nnotifikata ta' għajnuna għar-ristrutturar jenħtieġ li tingħalaq.

    (143)

    F'dak li jirrigwarda t-tħassir ta' djun ta' BDZ Holding u s-sussidjarji tagħha li kienu jammontaw għal BGN 223,45 miljun (EUR 114,25 miljun) (il-Miżura 2, it-Taqsima 6.1) jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà fil-Linji Gwida Ferrovjarji. Għalhekk, il-Miżura 2 jenħtieġ li tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3) c) tat-Trattat.

    (144)

    Fir-rigward tan-nuqqas ta' ħlas ta' BGN 45 miljun f'dejn li suppost diġà tħallas lil NRIC (il-Miżura 3, it-Taqsima 6.2), NRIC aġixxiet bħala kreditur f'ekonomija tas-suq. Il-miżura 3 għalhekk ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

    (145)

    Fir-rigward tar-rimborż tal-VAT imħallsa indebitament (il-Miżura 4, it-Taqsima 6.3), peress li l-VAT kienet ġiet imposta indebitament, ir-rimborż ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Wara l-irtirar tan-notifika tal-għajnuna għar-ristrutturar mill-Bulgarija, il-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat rigward l-għajnuna għar-ristrutturar ippjanata nnotifikata favur BDZ Holding EAD SA tilfet l-iskop tagħha u hija b'dan magħluqa.

    Artikolu 2

    1.   L-għajnuna mill-Istat favur BDZ Holding EAD SA fil-forma ta' tħassir ta' dejn li jammonta għal BGN 223 448 801, li l-Bulgarija qed tippjana li timplimenta, hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. L-implimentazzjoni tat-tħassir tad-dejn hija għalhekk awtorizzata.

    2.   Il-mod li bih il-Kumpanija tal-Infrastruttura Ferrovjarja Nazzjonali ttrattat, qabel Novembru 2011, BGN 45 miljun fi djun li suppost diġà tħallsu ta' BDZ Holding EAD SA, BDZ Passenger EOOD u BDZ Cargo EOOD ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    3.   Ir-rimborż ta' BGN 72 miljun f'taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa bi żball ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Margrethe VESTAGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 10, 12.1.2012, p. 9.

    (2)  Minn hawn 'il quddiem f'din id-deċiżjoni t-terminu “BDZ Holding” jintuża biex ifisser kemm “BDZ EAD” qabel inbidel l-isem tan-negozju fit-22 ta' Ottubru 2011 kif ukoll “BDZ Holding EAD SA” minn hemm 'il quddiem. Ara n-Nota 4 f'qiegħ il-paġna.

    (3)  Ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna

    (4)  Permezz tad-deċiżjoni tal-Protokoll Nru 151 tat-22 ta' Ottubru 2011 maħruġa mill-Ministeru tat-Trasport, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-isem tal-kumpanija nbidel minn BDZ EAD għal Holding Bulgarian State Railways (BDZ) EAD (“BDZ Holding”).

    (5)  Ir-rata tal-kambju użata għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni hija EUR 1 = BGN 1,9558, ĠU C 304, 20.8.2016, p. 2.

    (6)  Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13).

    (7)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17).

    (8)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ġunju 1999, Déménagements-Manutention Transport SA (DMT), C-256/97, ECLI:EU:C:1999:332, il-paragrafi 25-28.

    (9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

    (10)  Bulgarian Gazette Nru 93/2002.

    (11)  Pereżempju DB Schenker Rail Bulgaria rċeviet liċenzja f'Mejju 2010, u Port Rail għamlet dan f'April 2012.

    (12)  Skont l-Artikolu 569(3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-avviżi notarizzati jikkostitwixxu mezz ta' soluzzjoni volontarja u barra mill-qorti tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn żewġ partijiet qabel ma dawn jiġu solvuti minn qorti.

    (13)  Pereżempju, il-Minuti tal-laqgħa tal-bord tat-tmexxija ta' NRIC Nru 109 tal-25 ta' Settembru 2009 jew il-Minuti tal-laqgħa tal-bord tat-tmexxija ta' NRIC Nru 145 tat-3 ta' Ġunju 2010.

    (14)  Bulgarian Gazette Nru 42/2012.

    (15)  Ittra mingħand l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul bin-numru ta' referenza 24-34-350/20.7.2007 u 24-00-39/17.8.2007.

    (16)  Id-deċiżjoni tar-rimborż tat-taxxa nru 100337 tat-12 ta' Awwissu 2010 u d-deċiżjoni tat-taxxa numru 290100380, ta' Frar 2011 li jammontaw għal BGN 36 877 000 għall-perjodu ta' bejn Diċembru 2004 u April 2007; id-deċiżjoni tar-rimborż tat-taxxa nru 2900180 tal-14 ta' Jannar 2009, li tammonta għal BGN 19 167 000 għall-perjodu ta' bejn Mejju 2007 u Frar 2008; id-deċiżjoni tar-rimborż tat-taxxa nru 290900153 tat-8 ta' Lulju 2009, li tammonta għal BGN 16 000 000 għall-perjodu ta' bejn Marzu 2008 u Ottubru 2008.

    (17)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, C-323/82, ECLI:EU:C:1984:345, il-paragrafi 11 et seq).

    (18)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione SpA vs Il-Kummissjoni, C-480/09 P, ECLI:EU:C:2010:787, il-paragrafi 47 sa 55; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze SpA u Oħrajn, C-222/04, ECLI: EU:C:2006:8, il-paragrafu 112.

    (19)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni(“Stardust Marine”), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294.

    (20)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, Syndicat français de l'Express international (SFEI) u oħrajn vs La Poste u oħrajn, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafu 60; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 1999, Ir-Renju ta' Spanja v il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-paragrafu 41; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (“Stardust Marine”), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-paragrafu 69.

    (21)  Is-Sentenza tal-Qorti tat-2 ta' Lulju 1974, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, (C-173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-paragrafu 13.

    (22)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T-298/97, ECLI:EU:T:2000:151, il-paragrafi 141 sa 147.

    (23)  Id-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 1), id-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar l-għoti ta' liċenzji għal impriżi ferrovjarji (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26), id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29).

    (24)  Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1), id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44), id-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva 96/48/KE dwar l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta' veloċità kbira u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema tran-Ewropea dwar ferroviji konvenzjonali (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114) u d-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164).

    (25)  It-tielet pakkett ġie adottat fl-2007, u dan jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14), id-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2007, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44) u d-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51).

    (26)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdenburg, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415, il-paragrafi 77-81.

    (27)  Ara, b'mod partikolari, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 1980, Philip Morris vs il-Kummissjoni, C-730/79, ECLI:EU:C:1980:209, il-paragrafu 11; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Novembru 2001Ferring, C-53/00, ECLI:EU:C:2001:627, il-paragrafu 21; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, ECLI:EU:C:2004:234, il-paragrafu 44.

    (28)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 1998, Het Vlaamse Gewest v il-Kummissjoni, T-214/95, ECLI:EU:T:1998:77.

    (29)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, ECLI:EU:T:2004:4.

    (30)  Id-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25).

    (31)  Skont il-punt 20(d) tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà, proporzjon ta' dejn-ekwità ogħla minn 7,5 għal sentejn konsekuttivi huwa wieħed mill-indikaturi li juru li l-impriża tkun f'diffikultà.

    (32)  Digrieti tal-20 ta' Lulju 2015, CL-2015-000309 FMS Wertmanagement AöR vs BDZ Holding; CL-2015-000214 Dexia Credit Local vs BDZ Holding; CL-2015-000090 KA Finanz AG vs BDZ Holding.

    (33)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafu 60; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-paragrafu 41.

    (34)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' Għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2016/C 262/01), il-punt 74; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Novembru 2007, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-525/04 P, ECLI:EU:C:2007:698; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Jannar 2013, Frucona vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, ECLI:EU:C:2013:32, il-paragrafu 78; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ġunju 1999, DMTransport, C-256/97, ECLI:EU:C:1999:332; Is-Sentenza tat-30 ta' April 1998, Cityflyer, IT-16/96, ECLI:EU:T:1998:78, il-paragrafu 51; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive u l-Polonja (C-405/2011, ECLI:EU:C:2013:186, il-paragrafu 54-60.

    (35)  Frucona vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, il-paragrafu 78, ECLI:EU:C:2013:32; Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive u l-Polonja (C-405/2011, ECLI:EU:C:2013:186, il-paragrafi 54-60; Il-kawża C-124/10P Il-Kummissjoni Ewropea vs Électricité de France (EDF), ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafu 85.

    (36)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive, C-405/11 P, ECLI:EU:C:2013:186, il-paragrafu 59.

    (37)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

    (38)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, ECLI:EU:C:1994:100, il-paragrafu 13; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2000, il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, ECLI:EU:C:2000:467, il-paragrafu 25; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1999, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-6/97, ECLI:EU:C:1999:251, il-paragrafu 15; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Marzu 2005, Heiser, C-172/03, ECLI:EU:C:2005:130, il-paragrafu 36.

    (39)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Marzu 1980, Amministrazione delle finanze dello Stato, 61/79, ECLI:EU:C:1980:100, il-paragrafi 29 sa 32.


    Top