This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0779
Commission Regulation (EU) No 779/2010 of 2 September 2010 approving minor amendments to the specification for a name entered in the register of protected designations of origin and protected geographical indications (Thüringer Rotwurst (PGI))
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 779/2010 tat- 2 ta’ Settembru 2010 li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Thüringer Rotwurst (IĠP)]
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 779/2010 tat- 2 ta’ Settembru 2010 li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Thüringer Rotwurst (IĠP)]
ĠU L 233, 3.9.2010, p. 15–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 31996R2400 | Tlestija | anness | 23/09/2010 |
3.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 233/15 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 779/2010
tat-2 ta’ Settembru 2010
li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Thüringer Rotwurst (IĠP)]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Kummissjoni eżaminat it-talba tal-Ġermanja għall-approvazzjoni, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni għall-indikazzjoni ġeografika protetta “Thüringer Rotwurst” irreġistrata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96 (2) kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 2206/2003 (3). |
(2) |
L-iskop tat-talba huwa li tiġi emendata l-ispeċifikazzjoni billi jiġu estiżi l-forom ta’ ppakkjar, partikolarment, sabiex jiġi permess l-użu ta’ vażetti tal-plastik, iżda mhux ta’ kisi artifiċjali. Dan jirrifletti aħjar ir-realtajiet tas-suq u l-preferenzi tal-konsumatur kif ukoll jagħti opportunità li jiġi sfruttat il-potenzjal eżistenti tas-suq. |
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-emendi konċernati u kkonkludiet li huma ġustifikati. Peress li dawn huma emendi minuri, il-Kummissjoni tista’ tapprovahom mingħajr ma tuża l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dak ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Thüringer Rotwurst”, kif stabbiliti skont l-Anness I, huma approvati.
Artikolu 2
Id-Dokument Uniku aġġornat jidher fl-Anness II.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.
(2) ĠU L 327, 18.12.1996, p. 11.
(3) ĠU L 330, 18.12.2003, p. 13.
ANNESS I
L-emendi li ġejjin għall-ispeċifikazzjonijiet tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Thüringer Rotwurst” huma b’dan approvati:
1. |
Fil-punt “4.2. Deskrizzjoni”, it-tielet subparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej: “It-‘Thüringer Rotwurst’ jinbiegħ frisk fl-imsaren żgħar jew fil-borża tal-awrina jew konservat f’vażett tal-ħġieġ jew kontenituri oħra, bl-eċċezzjoni ta’ kisi artifiċjali”. |
2. |
Fil-punt “4.5. Metodu ta’ produzzjoni”, is-seba’ sentenza tinbidel b’din li ġejja: “It-taħlita imbagħad timtela, mhux b’mod issikkat, fl-imsaren żgħar jew fil-borża tal-awrina tal-majjal li jiġu msajra f’banju marija għal 80 minuta f’85 °C jew (għall-boroż tal-awrina) f’105 minuti f’85 °C jew inkella jiġu kkonservati f’vażetti tal-ħġieġ jew kontenituri oħra, bl-eċċezzjoni tal-kisi artifiċjali”. |
ANNESS II
DOKUMENT UNIKU
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel
“THÜRINGER ROTWURST”
Nru KE: DE-PGI-0105-0224-18.2.2009
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem
“Thüringer Rotwurst”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Ġermanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.2. |
Prodotti tal-laħam |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem tal-punt 1
Din hija speċjalità ta’ zalzett tad-demm magħmul minn materja prima ta’ kwalità magħżula, u xhieda ta’ din il-kwalità għolja, hija l-apparenza regolari tal-biċċiet maqtugħin minn dan iz-zalzett, kif ukoll il-kulur aħmar jgħajjat u l-aroma pikkanti tiegħu. Element partikolari huwa l-preżenza ta’ kubi ta’ laħam dgħif li jkun fiz-zalzett (mill-inqas 35 %, li ftit minnu jista’ jiġi sostitwit bi fwied, qalb jew ilsien) kif ukoll ħadd tal-wiċċ imqaxxar sew mill-ġilda (sa 35 %). Apparti d-demm/il-ġilda, iz-zalzett għandu wkoll kontenut ta’ madwar 5 % ta’ fwied. Thüringer Rotwurst jinbiegħ frisk fl-imsaren żgħar fil-borża tal-awrina jew konservat f’vażett tal-ħġieġ oħra bl-eċċezzjoni ta’ kisi artifiċjali.
Il-kompożizzjoni:
Għal zalzett ta’ 100 kg jeħtieġu 55 kg ta’ laħam tal-majjal imsajjar minn qabel mingħajr għerq u b’massimu ta’ 5 % xaħam viżibbli, 25 kg ta’ ħadd tal-wiċċ mingħajr ġilda msajjar minn qabel, 5 kg ta’ fwied nej tal-majjal, 7,5 kg ta’ demm tal-majjal fis-salmura, 7,5 kg ta’ ġilda msajra, melħ tan-nitritu għas-salmura, taħlita ta’ ħwawar (partikolarment, bżar miħun u merdqux u basal ta’ Thuringia).
3.3. Materja prima (għall-prodotti proċessati biss)
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
—
3.5. Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata
Il-proċess kollu tal-produzzjoni taz-zalzett tad-demm isir fiż-żona ġeografika speċifikata.
3.6. Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.
—
3.7. Regoli speċifiċi għat-tikkettar
—
4. Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika
Il-Land Federali ta’ Thuringia.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Thüringer Rotwurst għandu tradizzjoni li tmur lura sekli sħaħ f’Thuringia. Huwa element permanenti fil-kummerċ tal-biċċiera u ilu jsir u jittiekel minn dejjem fil-festi tat-tbiċċir tant maħbuba f’Thuringia. Fil-preżent, qiegħed jiġi prodott madwar ir-reġjun kollu ta’ Thuringia. Hemm ukoll bosta produtturi ewlenin. L-oriġini tal-isem inżamm peress li fi żmien dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, dan kien jintuża biss bħala indikazzjoni ġenwina tal-oriġini ġeografika.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Iz-zalzett ta’ Thuringia, li jinkludi t-“Thüringer Rotwurst”, minn dejjem kellu reputazzjoni tajba fil-Ġermanja u din tmur lura aktar minn 200 sena. Minħabba t-togħma eċċellenti tiegħu,t-Thüringer Rotwurst huwa magħruf u mfittex sew barra l-pajjiż u għalhekk din iz-zalzetta hija magħrufa bħala r-“Reġina taz-Zalzett tad-Demm”.
5.3. Rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)
Ir-reputazzjoni tat-Thüringer Rotwurst hija bbażata fuq il-ħiliet u l-esperjenza tal-biċċiera ta’ Thuringia u mir-riċetti li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
It-taqsima 7a-bb tal-Volum 20 tal-“Markenblatt” tas-16 ta’ Mejju 2008, p. 33365
http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/150