Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0246

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 246/2009 tas- 26 ta' Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja ( consortia ) (Verżjoni kodifikata)

ĠU L 79, 25.3.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/246/oj

25.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 246/2009

tas-26 ta' Frar 2009

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (consortia)

(Verżjoni kodifikata)

IL- KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 479/92 tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji tat-tbaħħir tal-linja (consortia) (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kodifikat.

(2)

Konformement mal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat, l-Artikolu 81 (1) tat-Trattat jista' jiġi dikjarat inapplikabbli għall-kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 81 (3) tat-Trattat.

(3)

Konformement mal-Artikolu 83 tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat għandhom jiġu adottati taħt Regolament jew Direttiva. Konformement mal-Artikolu 83 (2)(b) tat-Trattat, dawn id-disposizzjonijiet għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tkun, min-naħa waħda assigurata sorveljanza effettiva u biex, min-naħa l-oħra, ikun simplifikat safejn possibbli l-kontroll amministrattiv. Konformement mal-Artikolu 83 (2)(d) tat-Trattat, jeħtieġ li dawn id-disposizzjonijiet ifissru l-funzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(4)

Is-settur tat-trasport marittimu tal-linja huwa industrija b'intensità tal-kapital. It-trasport bil-containers żied il-bżonn ta' koperazzjoni u razzjonalizzazzjoni. L-industrija marittima kummerċjali tal-Istati Membri teħtieġ li tilħaq l-iskala tal-ekonomiji meħtieġa biex tikkompeti b'suċċess fis-suq dinji tat-trasport marittimu tal-linja.

(5)

L-akkordji ta' servizz konġunt bejn il-kumpaniji marittimi tal-linja bil-għan li jirrazzjonalizzaw l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta' arranġamenti tekniċi, operattivi u/jew kummerċjali (deskritti fl-ambjenti marittimi bħala “consortia”) jista' jgħin biex jipprovdi l-mezzi meħtieġa għat-titjib tal-produttività tas-servizzi tat-trasport marittimu tal-linja u jħeġġeġ il-progress tekniku u ekonomiku.

(6)

Wara li jikkunsidraw l-importanza tat-trasport marittimu għall-iżvilupp tal-kummerċ tal-Komunità u l-irwol li l-akkordji tal-consortia jista' jwettaq f'dan ir-rigward, billi jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tat-traffiku marittimu internazzjonali tal-linja. Billi l-legalizzazzjoni ta' dawn l-akkordji hija miżura li tista' tagħti kontribut siewi għat-titjib tal-kompetittività fis-settur marittimu tal-Komunità.

(7)

L-utenti tas-servizzi marittimi offruti mill-consortia jistgħu jibbenefikaw minn sehem mill-benefiċċji li jirriżultaw mit-titjib fil-produttività u fis-servizz, notevolment permezz tar-regolarità fis-servizz, tnaqqis fl-ispejjeż li jirriżultaw minn livelli ogħla fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità, u kwalità ta' servizz aħjar li tirriżulta minn titjib fil-vapuri u fit-tagħmir.

(8)

Jinħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tiddikjara permezz ta' Regolament li d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 81 (1) tat-Trattat ma japplikawx għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma tal-consortia, sabiex ikun aktar faċli għall-impriżi biex jikkoperaw f'modi li huma ekonomikament mixtieqa u mingħajr effetti negattivi mill-aspett tal-politika dwar il-kompetizzjoni. Jinħtieġ li l-Kummissjoni tkun kapaċi, b'koperazzjoni mill-qrib u kostanti mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li tiddefinixxi b'mod eżatt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-eżenzjonijiet u l-kondizzjonijiet marbuta magħhom.

(9)

Il-consortia fil-qasam tat-trasport marittimu tal-linja huma tip ta' impriża konġunta speċjalizzata u kumplessa. Hemm varjetà kbira ta' akkordji differenti ta' consortia li joperaw f'ċirkostanzi differenti. Il-kamp ta' applikazzjoni, l-attivitajiet, u l-kondizzjonijiet tal-consortia huma mibdula ta' spiss mill-partijiet għall-akkordju. Jinħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tingħata r-responsabbiltà li tiddefinixxi minn żmien għal żmien il-consortia li għalihom tkun applikabbli l-eżenzjoni ta' grupp.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet kollha tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat ikunu sodisfatti, il-kondizzjonjiet għandhom ikunu marbuta mal-eżenzjonijiet ta' gruppi biex jiżguraw b'mod partikulari li jkun garantit sehem ġust mill-benefiċċji lill-karigaturi tal-vapuri u li l-kompetizzjoni ma tiġix eliminata,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni tista' permezz ta' Regolament u konformement mal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat, tiddikjara li l-Artikolu 81 (1) tat-Trattat m'għandux ikunu applikabbli għal ċerti kategoriji ta' akkordji bejn l-impriżi, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijet ta' impriżi u prattiċi miftiehma li għandhom l-għan li jippromwovu jew jistabbilixxu koperazzjoni fl-operazzjoni konġunta tas-servizzi tat-trasport marittimu, bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja, bl-iskop tar-razjonalizzazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom permezz ta' arranġamenti tekniċi, operattivi u/jew kummerċjali — bl-eċċezzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet (consortia).

2.   Ir-Regolament adottat taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jiddefinixxi l-kategoriji ta' akkordji, tad-deċiżjonijiet u tal-prattiċi miftiehma li jkun japplika għalihom u għandu jispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (1) tat-Trattat, taħt l-Artikolu 81 (3) tat-Trattat.

Artikolu 2

1.   Ir-Regolament adottat taħt l-Artikolu 1 għandu japplika għal perjodu ta' ħames snin, kalkulat mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

2   Ir-Regolament adottat taħt l-Artikolu 1 jista' jiġi mħassar jew emendat meta jinbidel xi wieħed mill-fatturi fundamentali li kienu wasslu għall-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 3

Ir-Regolament adottat taħt l-Artikolu 1 jista' jinkludi dispożizzjoni li tispeċifika li jkun japplika b'effett retroattiv għall-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li kienu jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament, sakemm dawn ikunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak ir-Regolament.

Artikolu 4

Ir-Regolament adottat bis-saħħa tal-Artikolu 1 jista' jistabilixxi li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 81 (1) tat-Trattat m’għandhiex tkun applikabbli, għal perjodu stabbilit b’dak ir-Regolament, fir-rigward ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma diġà eżistenti fid-data tal-1 ta' Jannar 1995, li għalihom hu applikabbli l-Artikolu 81 (1) bis-saħħa tal-adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja, u tal-Isvezja u li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 81 (3). Madankollu, dan l-Artikolu m’għandux japplika għal akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li, fl-1 ta' Jannar 1995 kienu diġà jaqgħu taħt l-Artikoli 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

Artikolu 5

Qabel ma tadotta r-Regolament previst mill-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tiegħu sabiex ikun possibbli għall-persuni u l-organizzazzjonijiet kollha konċernati li jippreżentaw il-kummenti tagħhom f'termini ta' żmien raġonevoli li għandha tistabbilixxi l-Kummissjoni, imma li fl-ebda każ ma għandu jkun ta’ anqas minn xahar.

Artikolu 6

Qabel ma tippubblika l-abbozz tar-Regolament u qabel ma tadotta Regolament taħt l-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv dwar prattiċi restrittivi u posizzjonijiet dominanti, msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (4).

Artikolu 7

Ir-Regolament (KEE) Nru 479/92, hekk kif modifikat mill-atti elenkati fl-Anness I, huwa b'dan imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

I. LANGER


(1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 55, 29.2.1992, p. 3.

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1 (Il-Verżjoni MT, Edizzjoni Speċjali, il-Kapitolu 08, Volum 02, p. 205).


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi sussegwenti tiegħu

(imsemmija fl-Artikolu 7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 479/92

(ĠU L 55, 29.2.1992, p. 3)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003

(ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1)

L-Artikolu 42 biss

L-Att ta' Adeżjoni 1994, Art. 29 u l-Anness I, il-punt IIIA.4

(ĠU C 241, 29.8.1994, p. 56)

 


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KEE) Nru 479/92

Dan ir-Regolament

Artikoli 1, 2 u 3

Artikoli 1, 2 u 3

Artikolu 3a

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Anness I

Anness II


Top