Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1244

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1244/2008 tat- 12 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1614/2000 li jidderoga mir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti ta' oriġini, użat għall-iskopijiet tal-iskema ta' preferenzi ġeneralizzati sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-qagħda speċjali tal-Kambodja fir-rigward ta' xi prodotti magħmula mit-tessuti esportati lill-Komunità

    ĠU L 335, 13.12.2008, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1244/oj

    13.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 335/28


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1244/2008

    tat-12 ta' Diċembru 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1614/2000 li jidderoga mir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti ta' oriġini, użat għall-iskopijiet tal-iskema ta' preferenzi ġeneralizzati sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-qagħda speċjali tal-Kambodja fir-rigward ta' xi prodotti magħmula mit-tessuti esportati lill-Komunità

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju [tal-Komunità] (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li japplika skema tal-preferenzi ġeneralizzati tat-tariffa (3), il-Komunità kkonċediet preferenzi tariffarji ġeneralizzati lill-Kambodja. Ir-Regolament (KE) Nru 980/2005 għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2008, imma mill-1 ta’ Jannar 2009 se jkun hemm minfloku r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (4), li jikkonferma l-konċessjoni tal-preferenzi tariffarji msemmija lill-Kambodja min-naħa tal-Komunità.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jistabbilixxi d-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti ta' oriġini li għandu jintuża għall-finijiet tal-iskema tal-preferenzi tariffarji ġeneralizzati. Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jipprovdi wkoll għal deroga minn dik id-definizzjoni favur il-pajjiżi l-anqas żviluppati li jibbenefikaw mis-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi (GSP) li jippreżentaw talba xierqa lill-Komunità b’dan l-effett.

    (3)

    Il-Kambodja bbenefikat minn deroga tali għal ċerti prodotti tat-tessuti skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1614/2000 (5), li kienet ipprolongata diversi drabi u li għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2008.

    (4)

    Permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Lulju u l-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kambodja ressqet talba għall-prolongament tad-deroga skont l-Artikolu 76 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    (5)

    L-aħħar darba li kienet ipprolongata l-validità tar-Regolament (KE) Nru 1614/2000, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1807/206 (6), kien mistenni li regoli tal-oriġini tal-GSP ġodda, aktar sempliċi u li aktar jiffavorixxu l-iżvilupp ikunu applikabbli qabel ma kellha tiskadi d-deroga. Madankollu, regoli tal-oriġini tal-GSP ġodda għadhom ma ġewx adottati, u issa huwa mistenni li t-tali regoli tal-oriġini mhumiex se jkunu implimentati qabel tmiem l-2009.

    (6)

    It-talba turi li l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini dwar il-ħidma jew l-ipproċessar suffiċjenti u dwar il-kumulazzjoni reġjonali jkollhom effett sinifikanti fuq il-kapaċità tal-industrija tal-ilbies tal-Kambodja biex tissokta bl-esportazzjoni tagħha lejn il-Komunità, u jkollha effett deterrenti fuq l-investiment. Dan iwassal għal aktar għeluq tal-azjendi u qgħad f’dak il-pajjiż. Barra minn hekk, jidher li l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini tal-GSP li huma applikabbli fil-preżent, anke għal żmien qasir, x’aktarx ikollha l-effett deskritt hawn fuq.

    (7)

    Il-perjodu ta’ prolongament tad-deroga għandu jkopri ż-żmien meħtieġ biex ikunu adottati u implimentati r-regoli l-ġodda tal-oriġini tal-GSP. Ġaladarba l-konklużjoni ta’ kuntratti aktar fit-tul li jibbenefikaw mid-deroga hija ta’ importanza għall-istabbiltà u t-tkabbir tal-industrija tal-Kambodja, il-prolongament konċess għandu jkun twil biżżejjed biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jikkonkludu kuntratti bħal dawn.

    (8)

    B’konsegwenza tal-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini l-ġodda futuri, il-prodotti Kambodjani li fil-preżent huma eliġibbli għat-trattament tariffarju preferenzjali biss permezz tad-deroga għandhom, fil-ġejjeini, ikunu jistgħu jikkwalifikaw bl-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini l-ġodda. Id-deroga f’dak il-waqt issir żejda. Biex tkun żgurata ċ-ċarezza għall-operaturi, għaldaqstant se jkun meħtieġ li r-Regolament Nru 1614/2000 ikun irrevokat b’effett mid-data li fiha jibdew japplikaw ir-regoli tal-oriġini l-ġodda.

    (9)

    Id-deroga għaldaqstant għandha tkun ipprolongata sad-data tal-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini l-ġodda li għandhom ikunu stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93, imma fi kwalunkwe każ l-applikazzjoni tagħha għandha tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2010.

    (10)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1614/2000 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1614/2000 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Id-deroga pprovduta fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal prodotti ttrasportati direttament mill-Kambodja u importati fil-Komunità sal-kwantitajiet annwali elenkati fl-Anness għal kull prodott matul il-perjodu mill-15 ta’ Lulju 2000 sad-data tal-applikazzjoni ta’ emenda għar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti ta’ oriġini użat għall-finijiet tal-iskema ta’ preferenzi ġeneralizzati, imma fi kwalunkwe każ l-applikazzjoni tagħha għandha tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2010.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba′ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

    (2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

    (3)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

    (4)  ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 185, 25.7.2000, p. 46.

    (6)  ĠU L 343, 8.12.2006, p. 71.


    Top