EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0058

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/58/KE tas-27 ta' Lulju 2001 li temenda għat-tieni darba d-Direttiva 91/155/KEE li tiddefinixxi u tistabbilixxi l-arranġamenti ddettaljati għas-sistema tat-tagħrif speċifiku dwar il-preparazzjonijiet perikolużi fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u dwar is-sustanzi perikolużi fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 27 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (data sheets tas-sigurtà)Test b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 212, 7.8.2001, p. 24–33 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/58/oj

32001L0058



Official Journal L 212 , 07/08/2001 P. 0024 - 0033


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/58/KE

tas-27 ta' Lulju 2001

li temenda għat-tieni darba d-Direttiva 91/155/KEE li tiddefinixxi u tistabbilixxi l-arranġamenti ddettaljati għas-sistema tat-tagħrif speċifiku dwar il-preparazzjonijiet perikolużi fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u dwar is-sustanzi perikolużi fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 27 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (data sheets tas-sigurtà)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regoli u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' preparazzjonijiet perikolużi [1], u b'mod partikoli l-Artikolu 14 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regoli u d-disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar tas-sustanzi perikolużi [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/33/KE [3], u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

Billi:

(1) L-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/45/KE jistabbilixxi illi l-persuna responsabbli mit-tqegħid ta' ċerti preparazzjonijiet speċifiċi fis-suq għandha tipprovdi data sheet tas-sigurtà.

(2) L-Artikolu 27 tad-Direttiva 67/548/KEE jistabbilixxi illi l-persuna responsabbli mit-tqegħid tas-sustanzi perikolużi fis-suq għandha tipprovdi wkoll data sheet tas- sigurtà.

(3) It-tagħrif fid-data sheet tas-sigurtà hija prinċipalment maħsuba sabiex tintuża minn utenti professjonali u għandha tgħinhom jieħdu l-miżuri meħtieġa rigward il-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent fuq il-post tax-xogħol.

(4) Id-data sheets tas-sigurtà għas-sustanzi perikolużi u ċerti preparazzjonijiet, u l-provvista tagħhom għandhom jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kummissjoni 91/155/KEE [4], kif emendata bid-Direttiva 93/112/KE [5].

(5) L-Artikolu 14(2.1)(b) tad-Direttiva 1999/45/KE jintroduċi ħtieġa ġdida għall-persuni responsabbli mit-tqegħid tal-preparazzjonijiet fis-suq sabiex jipprovdu, fuq it-talba ta' l-utenti professjonali, data sheet tas-sigurtà li jkun fiha tagħrif proporzjonat għal preparazzjonijiet mhux ikklassifikati bħala perikolużi fit-tifsira ta' l-Artikoli 5, 6 u 7 tad-Direttiva 1999/45/KE, iżda li jkun fihom f'konċentrazzjoni individwali ≥ 1 % bil-piż tat-tħejjijiet mingħajr gass, u ta' ≥ 0,2 % bil-volum għat-tħejjijiet bil-gass mill-inqas sustanza waħda li toħloq riskji għas-saħħa jew għall-ambjent, jew sustanza waħda li għaliha hemm limiti Komunitarji dwar l-esposizzjon fuq il-post tax-xogħol.

(6) Id-Direttiva 1999/45/KE tintroduċi wkoll ħtieġa għal preparazzjonijiet sabiex jiġu kklassifikati u ttikkettjati skond l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

(7) Huwa għalhekk meħtieġ illi d-Direttiva 91/155/KEE tiġi emendata kif jixraq, kif speċifikat fl-Artikolu 14(2.3) tad-Direttiva 1999/45/KE, qabel it-30 ta' Lulju 2002.

(8) L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [6] jitlob lil min iħaddem li jistabbilixxi jekk ikunux preżenti aġenti kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol, u sabiex jistmaw kull riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jiġi mill-preżenza ta' dawk l-aġenti kimiċi, filwaqt li jitqies it-tagħrif ipprovdut mill-fornitur permezz tad-data sheets tas-sigurtà; huwa għalhekk opportun illi l-Anness mad-Direttiva 91/155/KEE jiġi emendat kif meħtieġ.

(9) Huwa magħruf mill-attivitajiet reċenti ta' l-infurzar u mill-istudji fl-Istati Membri illi ħafna mid-data sheets tas-sigurtà huma ta' kwalità fqira u ma jipprovdux it-tagħrif adegwat lill-utent; mod wieħed kif tittejjeb il-kwalità tad-data sheets huwa billi tittejjeb il-gwida mogħtija lill-kompilaturi tad-data sheets tas-sigurtà, kif iddikjarat fl-Anness tad-Direttiva 91/155/KEE; huwa għalhekk opportun illi l-Anness tad-Direttiva 91/155/KEE jiġi emendat kif meħtieġ; il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw mezzi oħra li bihom tista' tittejjeb iktar il-kwalità tad-data sheets tas-sigurtà fil-ġejjieni.

(10) Il-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-addattament għall-progress tekniku tad-Direttivi dwar it-tneħħija ta' l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ ta' sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi stabbilit bl-Artikolu 20 tad-Direttiva 1999/45/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/155/KE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1(1) jiġi mibdul b'li ġej:

"1. (a) Il-persuna responsabbli mit-tqegħid ta' sustanza kimika jew ta' tħejjija kimika fis-suq, sewwa jekk tkun il-fabbrikant, sewwa l-importatur jew sewwa d-distributur, għandha tforni lir-riċevitur, li jrid ikun utent professjonali tas-sustanza jew tal-preparazzjoni, b'data sheet tas-sigurtà li jkun fiha it-tagħrif stabbilit fl-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva u fl-Anness ta' magħha, jekk is-sustanza jew il-preparazzjoni fil-kwistjoni hija kklassifikata bħala perikoluża skond id-Direttiva 67/548/KEE jew id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill [7].

(b) Kull persuna responsabbli mit-tqegħid ta' preparazzjoni fis-suq, sewwa jekk ikun il-fabbrikant, sewwa l-importatur jew sewwa d-distributur, għandha tipprovdi, fuq it-talba ta' utent professjonali, data sheet tas-sigurtà li tagħti tagħrif proporzjonat, kif stipulat fl-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva u fl-Anness ta' magħha, jekk il-preparazzjoni ma tkunx ikklassifikata bħala perikoluża skond l-Artikoli 5, 6 u 7 tad-Direttiva 1999/45/KE, iżda l-preparazzjoni jkun fiha f'konċentrazzjoni individwali ta' ≥ 1 % bil-piż tat-tħejjijet li ma jkunx fihom il-gass, u ta' ≥ 0,2 % bil-volum tat-tħejjijiet bil-gass mill-inqas sustanza waħda li toħloq perikoli għas-saħħa jew għall-ambjent, jew sustanza waħda li għaliha hemm limiti Komunitarji għall-esposizzjoni fuq il-post tax-xogħol."

2. L-Anness riferit fl-Artikolu 3 jiġi mibdul bl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta' Lulju 2002. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi riferiti fil-paragrafu 1:

(a) għal preparazzjonijiet li ma jidħlux fl-iskop tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE [8] dwar it-tqegħid fis-suq ta' preparazzjonijiet għall-protezzjoni tal-pjanti, jew tad-Direttiva tal-Kunsill 98/8/KE [9] dwar it-tqegħid fis-suq ta' preparazzjonijiet bioċidali, mit-30 ta' Lulju 2002;

(b) u għal preparazzjonijiet li jidħlu fl-iskop tad-Direttiva 91/414/KEE u tad-Direttiva 98/8/KE, mit-30 ta' Lulju 2004.

3. Meta l-Istati Membri japplikaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Lulju 2001.

Għall-Kummissjoni

Erkki Liikanen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 200, tas-27.3.1987, p. 1.

[2] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1.

[3] ĠU L 136, tat-3.10.1990, p. 90.

[4] ĠU L 76, tas-7.5.1997, p. 35.

[5] ĠU L 314, tas-27.3.1987, p. 38.

[6] ĠU L 131, tas-27.3.1987, p. 11.

[7] ĠU L 200, tas-27.3.1987, p. 1.

[8] ĠU L 230, tas-27.3.1987, p. 1.

[9] ĠU L 123, tas-27.3.1987, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS

IL-GWIDA GĦALL-KUMPILAZZJONI TAD-DATA SHEETS TAS-SIGURTÀ

Il-għan ta' dan l-Anness huwa li jiżgura l-konsistenza u l-eżattezza fil-kontenut ta' kull intestatura mandatorja li tidher fl-Artikolu 3, sabiex id-data sheets tas-sigurtà jgħinu lill-utenti professjonali biex jieħdu l-miżuri meħtieġa dwar il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u l-protezzjoni ta' l-ambjent.

It-tagħrif ipprovvdut bid-data sheets tas-sigurtà għandu jilħaq il-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE [1] dwar il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi. B'mod partikolari, id-data sheet tas-sigurtà għandha tgħin lil min iħaddem sabiex jistabbilixxi jekk ikunux preżenti aġenti kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol, u biex jistma kull riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema meta dawn jiġu wżati.

It-tagħrif għandu jinkiteb b'mod ċar u konċiż. Id-data sheets tas-sigurtà għandhom jiġu mħejjija minn persuna kompetenti li għandha tqis il-ħtiġiet speċifiċi ta' l-udjenza utenti, safejn tkun magħrufa. Il-persuni li jqiegħdu s-sustanzi u t-tħejijiet fis-suq għandhom jiżguraw illi l-persuni kompetenti jkunu reċevew it-taħriġ approprjat, inkluż it-taħriġ ta' aġġornament.

Rigward il-preparazzjonijiet mhux ikklassifikati bħala perikolużi, imma li għalihom ikun meħtieġ data sheet tas-sigurtà skond l-Artikolu 14(2.1)(b) tad-Direttiva 1999/45/KE, għandu jiġi pprovvdut tagħrif proporzjonat taħt kull intestatura.

F'ċerti każijiet jista’ jinħtieġ tagħrif addizzjonali minħabba l-firxa wiesgħa tal-proprjetajiet tas-sustanzi u l-preparazzjonijiet. Jekk fil-każijiet l-oħra joħroġ illi t-tagħrif dwar ċerti proprjetajiet ma jkun ta' l-ebda sinifikat jew li huwa teknikament impossibli li jiġi pprovvdut, ir-raġunijiet għal dan għandhom jiġu ddikjarati biċ-ċar taħt kull intestatura. It-tagħrif għandu jingħata dwar kull proprjetà perikoluża. Jekk jiġi ddikjarat illi perikolu partikulari ma jkunx japplika, iddifferenzja biċ-ċar bejn il-każijiet fejn l-ebda tagħrif ma huwa disponibbli għall-klassifikatur, u l-każijiet fejn it-testijiet ta' l-analiżi jirriżultaw fin-negattiv.

Agħti d-data tal-pubblikazzjoni tad-data sheet tas-sigurtà fuq l-ewwel paġna tagħha.

Meta data sheet tas-sigurtà tkun ġiet rriveduta, il-bidliet għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tar-riċevitur.

Nota:

Id-data sheets tas-sigurtà huma wkoll meħtieġa għal ċerti sustanzi u preparazzjonijiet speċjali (p.e, il-metalli f'għamla massiva, l-illigi, il-gassijiet ikkompressati, eċċ.) li huma elenkati fil-kapitoli 8 u 9 ta' l-Anness VI mad-Direttiva 67/548/KEE, u li għalihom jeżistu derogi dwar it-tikkettjar.

1. L-IDENTIFIKAZZJONI TAS-SUSTANZA/PREPARAZZJONI U TAL-KUMPANNIJA/IMPRIŻA

1.1. L-identifikazzjoni tas-sustanza jew tal-preparazzjoni

It-terminu wżat għall-identifikazzjoni għandu jkun identiku għal dak ipprovvdut fuq it-tikketta kif iddikjarat fl-Anness VI mad-Direttiva 67/548/KEE.

Jistgħu jiġu indikati wkoll mezzi oħra ta' identifikazzjoni disponibbli.

1.2. L-użu tas-sustanza/preparazzjoni

Indika l-użi maħsuba jew irrakkommandati tas-sustanzi jew tal-preparazzjonijiet sakemm u safejn ikunu maħrufa. Meta jeżistu ħafna użi possibbli, ikun biżżejjed li jiġu elenkati biss l-użi importanti jew komuni. Dan għandu jinkludi deskrizzjoni qasira ta' x'jagħmlu eżattament, p,e. jirritardjaw il-fjamma, anti-ossidanti, eċċ.

1.3. L-identifikazzjoni tal-kumpanija/impriża

Identifika l-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq tas-sustanza jew tal-preparazzjoni ġewwa l-Komunità, kemm jekk ikun il-fabbrikant, kemm jekk l-importatur jew kemm id-distributur. Agħti l-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefon ta' din il-persuna.

Barra minn hekk, fejn din il-persuna ma tkunx toqgħod fl-Istat Membru fejn is-sustanza jew il-preparazzjoni jitqiegħdu fis-suq, għandhom jingħataw, jekk ikun possibbli, l-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefon tal-persuna responsabbli f'dan l-Istat Membru.

1.4. It-telefon ta' l-emerġenza

B'żieda mat-tagħrif imsemmi hawn fuq, ipprovdi wkoll in-numru tat-telefon ta' emerġenza tal-kumpanija u/jew ta' l-korp uffiċjali rilevanti konsultattiv (dan jista’ jkun il-korp responsabbli milli jirċievi t-tagħrif li għandhu x'jaqsam mas-saħħa, riferit fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 1999/45/KE).

2. IL-KOMPOŻIZZJONI/TAGĦRIF DWAR L-INGREDJENTI

It-tagħrif mogħti għandu jgħin lir-riċevitur biex jidentifika fil-pront ir-riskji tal-komponenti tal-preparazzjoni. Ir-riskji tal-preparazzjoni nnifisha għandhom jingħataw taħt l-intestatura 3.

2.1. Mhux meħtieġ li tingħata l-kompożizzjoni sħiħa (in-natura ta' l-ingredjenti u l-konċentrazzjoni tagħhom), għalkemm deskrizzjoni ġenerali tal-komponenti u tal-konċentrazzjonijiet tagħhom tista’ tkun ta' għajnuna.

2.2. Rigward preparazzjoni kklassifikata bħala perikoluża skond id-Direttiva 1999/45/KE, is-sustanzi li ġejjin għandhom jiġu indikati, flimkien mal-konċentrazzjoni jew il-firxa tal-konċentrazzjoni tagħhom:

(i) is-sustanzi li jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għall-ambjent fit-tifsira tad-Direttiva 67/548/KEE, jekk dawn ikunu preżenti f'konċentrazzjonijiet ugwali għal jew akbar minn dawk stabbiliti fit-tabella fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/45/KE (għajr jekk jiġu mogħtija limiti iktar baxxi fl-Anness I mad-Direttiva 67/548/KEE jew fl-Annessi II, III u V mad-Direttiva 1999/45/KE);

(ii) u s-sustanzi li għalihom jeżistu l-limiti Komunitarji dwar l-esposizzjoni fuq il-post tax-xogħol, li mhumiex diġà inklużi taħt il-(i).

2.3. Rigward preparazzjoni mhux ikklassifikata bħala perikoluża skond id-Direttiva 1999/45/KE, is-sustanzi li ġejjin għandhom jiġu indikati, flimkien mal-konċentrazzjoni jew il-firxa tal-konċentrazzjoni tagħhom, jekk dawn ikunu preżenti f'konċentrazzjoni individwali ta' ≥1 % bil-piż fil-każ tal-preparazzjonijiet mhux bil-gass, u ta' ≥ 0,2 % bil-volum fil-każ tal-preparazzjonijiet bil-gass:

is-sustanzi li jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għall-ambjent fit-tifsira tad-Direttiva 67/548/KEE [2];

u s-sustanzi li għalihom jeżistu limiti Komunitarji dwar l-esposizzjoni fuq il-post tax-xogħol.

2.4. Għandha tingħata l-klassifikazzjoni (idderivata mill-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva 67/548/KEE jew mill-Anness ta' magħha) tas-sustanzi msemmija hawn fuq, inklużi l-ittri simboli u l-frażjijiet R li jiġu assenjati skond il-perikoli fiżjokimiċi, tas-saħħa u ambjentali tagħhom. Hawnhekk m'hemmx għalfejn li l-frażjijiet R jinkitbu b'mod sħiħ: għandha ssir referenza għall-intestatura 16, fejn għandu jiġi elenkat it-test sħiħ ta' kull frażi R rilevanti.

2.5. Għandhom jingħataw l-isem u n-numru ta' l-Einecs jew ta' l-Elincs tas-sustanzi msemmija hawn fuq skond id-Direttiva 67/548/KEE. In-numru tal-CAS u l-isem ta' l-IUPAC (jekk ikunu disponibbli) jistgħu wkoll ikunu ta' għajnuna. Rigward is-sustanzi elenkati b'isem ġeneriku, skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 1999/45/KE jew in-nota għall-punt 2.3 fil-qiegħ tal-paġna ta' dan l-Anness, mhux meħtieġ identifikatur kimiku preċiż.

2.6. Jekk, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 1999/45/KE jew ir-referenza għall-punt 2.3 fil-qiegħ tal-paġna fdan l-Anness, l-identifikazzjoni ta' ċertu sustanzi għandha tinżamm kunfidenzjali, għandha tiġu deskritta n-natura kimika tagħhom sabiex jiġi żgurat it-tqandil fis-sigurtà. L-isem użat għandu jkun l-istess bħal dak idderivat mill-proċeduri ta' hawn fuq.

3. L-IDENTIFIKAZZJONI TAL- PERIKOLI

Agħti hawnhekk il-klassifika tas-sustanza jew tal-preparazzjoni li joħorġu mill-applikazzjoni tar-regoli tal-klassifika fid-Direttiva 67/548/KEE jew 1999/45/KE. Indika b'mod ċar u fil-qosor ir-riskji li dawn is-sustanzi jew preparazzjonijiet jippreżentaw lill-bniedem u lill-ambjent.

Iddistingwi b'mod ċar bejn il-preparazzjonijiet ikklassifikati bħala perikolużi u l-preparazzjonijiet li, skond id-Direttiva 1999/45/KE, mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi.

Iddeskrivi l-iktar effetti negattivi fiżjokimiċi, għas-saħħa tal-bniedem u ambjentali u s-sintomi li għandhom x'jaqsmu ma’ l-użi jew l-abbużi possibbli tas-sustanza jew tal-preparazzjoni li jistgħu jiġu previsti b'mod raġjoneoli.

Jista’ jkun meħtieġ li jissemmew riskji oħra, bħalma huma t-trab, is-soffokazzjoni, il-friża jew effetti ambjentali bħalma huma r-riskji għall-organiżmi li jgħixu fil-ħamrija, eċċ, li ma jirriżultawx fil-klassifika, imma li jistgħu jikkontribwixxu għar-riskji ġenerali tal-materjal.

It-tagħrif muri fuq it-tikketta għandu jingħata fl-intestatura 15.

4. IL-MIŻURI TA' L-EWWEL GĦAJNUNA

Iddeskrivi l-miżuri ta' l-ewwel għajnuna.

L-ewwel speċifika jekk tkunx teħtieġ attenzjoni medika immedjata.

It-tagħrif dwar l-ewwel għajnuna għandu ikun fil-qosor u ħafif biex jinftiehem kemm mill-vittma, minn dawk li jkunu ikunu preżenti, kif ukoll minn dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna. Is-sintomi u l-effetti għandhom jiġu ssommarizzati fil-qosor. L-istruzzjonijiet għandhom jindikaw dak li għandu jsir fuq il-post fil-każ ta' inċident u jekk ikunux mistennija effetti aktar tard wara l-esposizzjoni.

Issuddividi t-tagħrif skond ir-rotot differenti ta' l-esposizzjoni (jiġifiero, it-teħid 'il ġewwa man-nifsi, il-kuntatt mal-ġilda u mal-għajnejn u l-inġestjoni) taħt sub-intestaturi differenti.

Indika jekk tkunx meħtieġa jew irrakkomandabbli il-għajnuna professjonali minn tabib.

Rigward uħud mis-sustanzi jew mill-preparazzjonijiet jista’ jkun importanti li jiġi enfasizzat illi għandhom ikunu disponibbli mezzi speċjali u trattament immedjat fuq il-post tax-xogħol.

5. IL-MIŻURI GĦAT-TIFI TAN-NAR

Irreferi għall-ħtiġiet dwar it-tifi tan-nar ikkawżat mis-sustanza jew mill-preparazzjoni, jew li jiġri fil-qrib, billi tindika:

- il-mezzi adegwati għat-tifi tan-nar,

- il-mezzi għat-tifi tan-nar li ma għandhomx jintużaw għal raġunijiet ta' sigurtà,

- ir-riskji speċjali ta' l-esposizzjoni kkawżata mis-sustanza jew mill-preparazzjoni nifshom, il-prodotti tal-kombustjoni, il-gassijiet li jirriżultaw,

- it-tagħmir speċjali tal-protezzjoni għall-persunal tat-tifi tan-nar.

6. IL-MIŻURI FIL-KAŻ TA' RILAXX AĊĊIDENTALI

Jiddependi mis-sustanza jew mill-preparazzjoni involuti, jista' jkun meħtieġ it-tagħrif dwar:

- il-prekawzjonijiet personali bħal:

it-tneħħija tas-sorsi tat-teħid tan-nar, il-provvediment ta' ventilazzjoni suffiċjenti/protezzjoni respiratorja, il-kontroll tat-trab, il-prevenzjoni tal-kuntatt mal-ġilda u mal-għajnejn,

- il-prekawzjonijiet ambjentali bħal:

iż-żamma ’l-bogħod mill-katusi tad-drenaġġ, mill-ilma u l-ħamrija tal-wiċċ jew ta' taħt, u l-ħtieġa possibbli li tiħi avżata l-ħâra

- il-metodi tat-tindif bħal:

l-użu ta' materjali assorbenti (p.e. ir-ramel, il-ħamrija tat-tip diatomaċju, għaqqad bl-aċidu, għaqqad universali, is-serratura, eċċ.), it-tnaqqis tal-gassijiet/duħħan bl-ilma, bid-dilwit.

Ikkunsidra wkoll il-ħtieġa ta' indikazzjonijiet bħal: "tuża qatt, innewtralizza bi…".

Nota:

Jekk approprjat irreferi għall-intestaturi 8 u 13.

7. IT-TQANDIL U L-ĦAŻNA

Nota:

It-tagħrif f'din it-taqsima għandu jkollu x'jaqsam mal-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent. Għandu jgħin lil min iħaddem biex ifassal proċeduri prattiċi addattati u miżuri ta' organizzazzjoni skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/24/KE.

7.1. It-tqandil

Speċifika l-prekawzjonijiet dwar it-tqandil fis-sigurtà li jinkludu pariri dwar il-miżuri tekniċi bħal: it-trażżin, il-ventilazzjoni lokali u ġenerali, il-miżuri preventivi kontra l-ajrusol u l-formazzjoni tat-trab u n-nar, il-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu l-ambjent (p.e. l-użu tal-filtri jew tal-purifikaturi fil-ventilazzjoni tad-duħħan, l-użu f'żona tad-depożitu tal-merkanzija, il-miżuri għall-ġbir u d-disponiment tat-tixrid, eċċ.) u l-miżuri jew ir-regoli speċifiċi dwar is-sustanzi jew il-preparazzjonijiet (p.e. il-proċeduri jew it-tagħmir li jkunu pprojbiti jew irrakkommandati) u possibilment agħti wkoll deskrizzjoni qasira.

7.2. Il-ħażna

Speċifika l-kondizzjonijiet għal ħażna fis-sigurtà bħal: id-disinn speċifiku tal-kmamar jew tar-reċipjenti tal-ħażna (li jinkludu l-ħitan wieqfa u l-ventilazzjoni), il-materjali inkompatibbli, il-kondizzjonijiet tal-ħażna (it-temperatura u l-limitu/firxa ta' l-umdità, id-dawl, il-gassijiet inerti, eċċ.), it-tagħmir speċjali ta' l-elettriku u l-prevenzjoni ta' l-elettriċità statika.

Jekk rilevanti, agħti parir dwar il-limiti tal-kwantitajiet taħt il-kondizzjonijiet tal-ħażna. B'mod partikolari indika kull miżura speċjali, bħalma huwa t-tip tal-materjal użat fil-pakkeġġjar/kontenituri tas-sustanza jew tal-preparazzjoni.

7.3. L-użu/i speċifiku/ċi

Rigward il-preparazzjonijiet finali ddisinjati għal użu/i partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jirreferu għall-użu/i maħsub/a, u għandhom ikunu ddettaljati u jaħdmu. Jekk possibbli, għandha ssir referenza għall-gwida approvata speċifika għall-industrija - jew għas-settur.

8. IL-KONTROLL TA' ESPOSIZZJONI/IL-PROTEZZJONI PERSONALI

8.1. Il-valuri tal-limiti ta' l-esposizzjoni

Speċifika l-parametri tal-kontroll korrentement applikabbli, li jinkludu l-valuri tal-limiti ta' l-esposizzjoni minħabba x-xogħol u/jew il-valuri tal-limiti bijoloġiċi. Il-valuri għandhom jingħataw għall-Istat Membru fejn is-sustanza jew il-preparazzjoni jkunu tqiegħdu fis-suq. Agħti t-tagħrif dwar il-proċeduri tal-monitorjar korrentement irrakkommandati.

Rigward il-preparazzjonijiet, huwa utli li jiġu pprovvduti l-valuri għal dawk is-sustanzi kostitwenti li huma meħtieġa li jiġu elenkati fid-data sheet tas-sigurtà skond l-intestatura 2.

8.2. Il-kontrolli ta' l-esposizzjoni

Għall-għanijiet ta' dan id-data sheet, il-kontroll ta' l-esposizzjoni jfisser il-firxa kollha tal-miżuri speċifiċi tal-protezzjoni u tal-prevenzjoni li għandhom jittieħdu matul l-użu għalbiex tiġi mminimizzata kemm jista’ jkun l-esposizzjoni għall-ħaddiema kif ukoll għall-ambjent.

8.2.1. Il-kontrolli ta' l-esposizzjoni kkawżata mix-xogħol

Dan it-tagħrif għandu jitqies minn min iħaddem fit-twettiq ta' stima tar-riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mis-sustanza jew mill-preparazzjoni skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/24/KE, li jeħtieġ it-tfassil tal-proċessi tax-xogħol u tal-kontrolli ta' l-inġinerija approprjati, l-użu tat-tagħmir u l-materjali adegwari, l-applikazzjoni tal-miżuri tal-protezzjoni kollettiva mis-sors, u fl-aħħarnett l-użu tal-miżuri tal-protezzjoni individwali, bħalma huwa t-tagħmir personali tal-protezzjoni. Għalhekk, ipprovdi t-tagħrif xieraq u adegwat dwar dawn il-miżuri sabiex jgħin li titwettaq stima xierqa tar-riskji skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/24/KE. Dan it-tagħrif għandu jikkumplimenta lil dak mogħti taħt l-intestatura 7.1.

Fejn tkun meħtieġa protezzjoni personali, speċifika fid-dettal liema tagħmir għandu jipprovdi l-protezzjoni adegwata u xierqa. Qis id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE [3] u agħmel referenza għall-istandards approprjati tas-CEN:

8.2.1.1. Il-protezzjoni respiratorja

Rigward il-gassijiet, il-fwar jew it-trab perikolużi, speċifika t-tip tat-tagħmir protettiv li għandu jintuża, bħalma huwa l-apparat tan-nifs li jkun fih kulma jinħtieġ fih innifsu, il-maskri u l-filtri adegwati.

8.2.1.2. Il-protezzjoni ta' l-idejn

Speċifika b'mod ċar it-tip ta' l-ingwanti li għandhom jintlibsu fl-użu tas-sustanza jew tal-preparazzjoni, li jinkludu:

- it-tip tal-materjal,

- kemm il-materjal ta' l-ingwanti huwa reżistenti, speċjalment fejn għandu x'jaqsam l-ammont u t-tul taż-żmien ta' l-esposizzjoni tal-ġilda.

Jekk meħtieġ, indika kull miżura addizzjonali tal-protezzjoni ta' l-idejn.

8.2.1.3. Il-protezzjoni ta' l-għajnejn

Speċifika t-tip tat-tagħmir meħtieġ għall-protezzjoni ta' l-għajnejn, bħalma huma: in-nuċċalijiet tas-sigurtà, il-goggles tas-sigurtà u l-lqugħ għall-wiċċ.

8.2.1.4. Il-protezzjoni tal-ġilda

Jekk ikun meħtieġ li tiġi protetta parti oħra tal-ġisem għajr l-idejn, speċifika t-tip u l-kwalità tat-tagħmir protettiv meħtieġ, bħalma huma: il-fardal, l-istivali, u l-libsa intiera protettiva. Jekk meħtieġ, indika l-miżuri l-oħra addizzjonali tal-protezzjoni tal-ġilda u l-miżuri speċifiċi għall-iġjene.

8.2.2. Il-kontrolli ta' l-esposizzjoni ambjentali

Speċifika t-tagħrif meħtieġ minn min iħaddem sabiex iwettaq l-impenji tiegħu skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent.

9. IL-KWALITAJIET FIŻIĊI U KIMIĊI

Sabiex jiġu megħjuna l-miżuri kollha tal-kontroll li għandhom jittieħdu, agħti t-tagħrif rilevanti kollu dwar is-sustanza jew il-preparazzjoni, b'mod partikolari t-tagħrif elenkat fl-intestatura 9.2.

9.1. Tagħrif ġenerali

Id-Dehra

Indika l-istat fiżiku (solidu, likwidu, gass) u l-kulur tas-sustanza jew tal-preparazzjoni kif forniti.

Ir-Riħa

Jekk ir-riħa tkun tinxtamm, agħti deskrizzjoni qasira tagħha.

9.2. Tagħrif importanti dwar is-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent

Il-pH

Indika l-pH tas-sustanza jew tal-preparazzjonijiet kif forniti jew ta' soluzzjoni ilmija; fil-każ ta' l-aħħar indika l-konċentrazzjoni.

+++++ TIFF +++++

9.3. Tagħrif ieħor

Indika l-parametri l-oħra tas-sigurtà, bħalma huma l-kapaċità tat-taħlit, il-konduttività, il-waqt ta' meta jinħall/il-firxa ta' kemm idum biex jinħall, il-grupp tal-gassijiet (meħtieġa għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/9/KE) [4], it-temperatura ta' meta jaqbad waħdu, eċċ.

Nota 1

Il-proprjetajiet ta' hawn fuq għandhom jiġu stabbiliti skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-Parti A ta' l-Anness V mad-Direttiva 67/548/KEE jew ta' kull metodu ieħor paragunabbli.

Nota 2

Rigward il-preparazzjonijiet, it-tagħrif għandu normalment jingħata dwar il-kwalitajiet tal-preparazzjoni nfisha. Madankollu, jekk jiġi ddikjarat illi ma japplikax riskju partikolari, iddifferenzja b'mod ċar bejn il-każijiet fejn l-ebda tagħrif ma jkun disponibbli għall-klassifikatur, u l-każijiet fejn huma disponibbli riżultati negattivi tat-testjiet. Jekk ikkunsidrat meħtieġ li jingħata t-tagħrif dwar il-proprjetajiet tal-komponenti individwali, jekk jogħġbok indika b'mod ċar għal xiex tirreferi l-informazzjoni.

10. L-ISTABBILTÀ U R-REATTIVITÀ

Speċifika l-istabbiltà tas-sustanza jew tal-preparazzjoni u l-possibbiltà ta' reazzjonijiet perikolużi li jistgħu jiġru f'ċerti kondizzjonijiet ta' l-użu u wkoll jekk irrilaxxjati fl-ambjent.

10.1. Il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu evitati

Elenka dawk il-kondizzjonijiet, bħat-temperatura, il-pressjoni, id-dawl, ix-xokk, eċċ, li jistgħu jikkawżaw reazzjoni perikoluża, u possibilment agħti deskrizzjoni qasira.

10.2. Il-materjali li għandhom jiġu evitati

Elenka dawk il-materjali, bħalma huma l-ilma, l-arja, l-aċidi, il-bażijiet, l-aġenti ossidanti jew sustanza speċifika oħra li tista’ tikkawża reazzjoni perikoluża, u possibilment agħti deskrizzjoni fil-qosor.

10.3. Il-preparazzjonijiet perikolużi tad-dekompożizzjoni

Elenka l-materjali ta' riskju prodotti f'ammonti perikolużi mad-dekompożizzjoni.

Nota:

Indirizza speċifikament:

- il-ħtieġa u l-preżenza ta' l-istabbilizzaturi,

- il-possibbiltà ta' reazzjoni perikoluża ta' riskju,

- is-sinifikat tas-sigurtà, jekk ikun hemm minnha, ta' bidla fid-dehra fiżika tas-sustanza jew tal-preparazzjoni,

- il-prodotti ta' riskju tad-dekompożizzjoni, jekk ikun hemm minnhom, li jiffurmaw meta jkun hemm kuntatt ma' l-ilma,

- il-possibbiltà tad- degradazzjoni tal-prodotti mhux stabbli.

11. IT-TAGĦRIF TOSSIKOLOĠIKU

Din it-taqsima tittratta l-ħtieġa ta' deskrizzjoni konċiża imma kompleta u li tinftiehem, ta' l-effetti tossikoloġiċi (tas-saħħa) diversi li jistgħu jinħolqu jekk l-utent ikollu kuntatt mas-sustanza jew mal-preparazzjoni.

Inkludi l-effetti perikolużi għas-saħħa kkawżati mill-esposizzjoni tas-sustanza jew tal-preparazzjoni, ibbażati kemm fuq l-esperjenzi kif ukoll fuq il-konklużjonijiet ta' l-esperimenti xjentifiċi. Inkludi t-tagħrif dwar ir-rotot diversi ta' l-esposizzjoni (it-teħid 'il ġewwa man-nifs, l-inġestjoni, il-kuntatt mal-ġilda u mal-għajnejn), u iddeskrivi s-sintomi li għandhom x'jaqsmu mal-proprjetajiet fiżiċi, kimiċi u tossikoloġiċi.

Inkludi l-effetti irritardati u immedjati magħrufa kif ukoll l-effetti kroniċi kkawżati mill-esposizzjoni fuq skondi qosra u fit-tul: per eżempju, is-sensitizzazzjoni, in-narkosi, il-karċenoġeniċità, il-mutaġeniċità u t-tossiċità riproduttiva (it-tossiċità u l-fertilità developmentali).

Filwaqt li jitqies it-tagħrif mogħti diġà taħt l-intestatura 2, rigward il-kompożizzjoni/tagħrif dwar l-ingredjenti, jista’ jkun meħtieġ li tirreferi għall-effetti speċifiċi tas-saħħa ta' ċerti komponenti fil-preparazzjonijiet.

12. IT-TAGĦRIF EKOLOĠIKU

Iddeskrivi l-effetti possibbli, l-imġiba u d-destin ambjentali li jista’ jkollhom is-sustanza jew il-preparazzjoni fl-arja, fl-ilma u/jew fil-ħamrija. Fejn disponibbli, agħti l-informazzjoni rilevanti tat-test (p.e. il-ħut LC50 ≤ 1 mg/l).

Iddeskrivi l-aktar karatteristiċi importanti li x’aktarx ikollhom effett fuq l-ambjent minħabba n-natura tas-sustanza jew tal-preparazzjoni u l-metodi possibbli ta' l-użu. Tagħrif ta' l-istess tip għandu jiġi fornit għall-prodotti perikolużi li jinħolqu mid-degradazzjoni tas-sustanzi jew tal-preparazzjonijiet. Dan jista jinkludi dan li ġej:

12.1. L-ekotossiċità

Din għandha tinkludi t-tagħrif rilevanti disponibbli dwar it-tossiċità akwatika, kemm dik akuta u kemm dik kronika għall-ħut, id-dafnja, l-alka jew pjanti oħra akwatiċi. B'żieda ma’ dan, għandha tiġi inkluża l-informazzjoni dwar it-tossiċità fil-mikro-organiżmi u l-makro-organiżmi tal-ħamrija u ta' l-organiżmi oħra rilevani għall-ambjent, bħalma huma l-għasafar, in-naħal u l-pjanti, meta disponibbli. Meta s-sustanza jew il-preparazzjoni jkollhom effetti inibitorji fuq l-attività tal-mikro-organiżmi, għandu jissemma l-impatt possibbli fuq l-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.

12.2. Il-mobbiltà

Il-potenzjal tas-sustanza jew il-komponenti approprjati ta' preparazzjoni [5], jekk dawn jiġu rrilaxxjati fl-ambjent, jekk jiskulaw lejn l-ilma ta' taħt l-art jew ittrasportati ’l bogħod mill-post fejn ikunu ġew irrilaxxjati.

L-informazzjoni rilevanti tista' tinkludi:

- id-distribuzzjoni magħrufa jew prevista lejn kompartimenti ambjentali,

- it-tensjoni tal-wiċċ,

- l-assorbiment/desorbiment

Għall-proprjetajiet l-oħra fiżikokimiċi ara l-intestatura 9.

12.3. Il-persistenza u d-degradazzjoni

Il-potenzjal tas-sustanza jew tal-preparazzjoni jew tal-kostitwenti approprjati ta' preparazzjoni [6] biex jiddegradaw fil-mezzi ambjentali rilevanti, jew permezz tal-biodegradazzjoni jew ta' proċessi oħra bħall-ossidazzjoni jew l-idrolisi. Għandhom jiġu kkwotati n-nofs ħajjiet tad-degradazzjoni, meta disponibbli. Għandu jissemma wkoll il-potenzjal tas-sustanza jew tal-komponenti approprjati tal-preparazzjoni [7] biex jiddegradaw fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.

12.4. Il-potenzjal bioakkumulattiv

Il-potenzjal tas-sustanza jew tal-komponenti approprjati tal-preparazzjoni [8] għalbiex jakkumulaw f'biota u jgħaddu mill-katina ta' l-ikel, b'referenza għall- Kow u l-BCF, jekk disponibbli.

12.5. Effetti avversarji oħra

Jekk disponibbli, inkludi t-tagħrif dwar kull effett avvers ieħor fuq l-ambjent, bħal p,e. it-tnawwir ta' l-ożonu, il-potenzjali tal-ħolqien fotokimiku ta' l-ożonu u/jew il-potenzjali taż-żieda tas-sħana tad-dinja.

Rimarki

Kun żgur illi jiġi pprovvdut it-tagħrif rilevanti għall-ambjent taħt l-intestatuti l-oħra fid-data sheets tas-sigurtà, b'mod speċjali l-pariri dwar ir-rilaxx ikkontrollat, il-miżuri dwar ir-rilaxx aċċidentali, it-trasport u l-konsiderazzjonijiet dwar id-disponiment taħt l-intestaturi 6, 7, 13, 14 u 15.

13. IL-KONSIDERAZZJONIJIET DWAR ID-DISPONIMENT

Jekk id-disponiment tas-sustanza jew tal-preparazzjoni (iż-żejjed jew l-iskart li jirriżultaw mill-użu previst) jippreżenta perikolu, għandha tingħata deskrizzjoni ta' dawn il-fdalijiet, kif ukoll it-tagħrif dwar it-tqandil tagħhom fis-sigurtà.

Speċifika l-metodi approprjati tad-disponument kemm tas-sustanza jew tal-preparazzjoni kif ukoll tal-pakkeġġjar ikkontaminat (l-inċinerazzjoni, ir-riċiklaġġ, il-landfilling, eċċ.)

Nota:

Irreferi għal kull dispożizzjoni rilevanti Komunitarja dwar l-iskart. Fin-nuqqas ta' dawn, ikun utli li tfakkar lill-utent illi jistgħu jkunu fis-seħħ disposizzjonijiet nazzjonali jew reġjonali.

14. IT-TAGĦRIF DWAR IT-TRASPORT

Indika kull prekawzjoni speċjali illi jeħtieġ utent sabiex ikun konxju minn jew jeħtieġlu jikkonforma ma' dawn f'konnesjoni mat-trasport jew il-ġarr jew ġewwa jew barra l-fond tiegħu.

Fejn rilevanti, ipprovdi t-tagħrif dwar il-klassifika tat-trasport għal kull wieħed mir-regolamenti modali: l-IMDG (għall-baħar), l-ADR (għat-triq, id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE [9], ir-RID (għall-ferroviji, id-Direttiva tal-Kunsill 96/49/KE [10], l-ICAO/IATA (għall-ajru) Dan jista' jinkludi fost ħwejjeġ oħra:

- in-numru tan-NU,

- il-klassi,

- l-isem propju tal-mezz tat-trasport bil-baħar,

- il-grupp tal-pakkjar,

- il-kontaminant tal-baħar,

- it-tagħrif l-ieħor applikabbli.

15. IT-TAGĦRIF REGOLATORJU

Agħti t-tagħrif dwar is-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent li jidher fuq it-tikketta skond id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE.

Jekk is-sustanza jew il-preparazzjoni koperti b'dan id-data sheet tas-sigurtà ikunu s-suġġett ta' disposizzjonijiet speċifiċi fejn għandha x'taqsam il-protezzjoni tal-bniedem u ta' l-ambjent fil-livell Komunitarju (p.e., ir-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ddikjarat fid-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE [11], dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiġu ddikjarati safejn u sakemm huwa possibbli.

Semmi wkoll, fejn possibbli, il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw dawn il-kondizzjoniet u kull miżura nazzjonali oħra li tista tapplika.

16. TAGĦRIF IEĦOR

Indika kull tagħrif ieħor li l-fornitur jistma li jkun ta' importanza għas-saħħa u s-sigurtà ta' l-utent, u għall-protezzjoni ta' l-ambjent, per eżempju:

- il-lista tal-frażijiet R rilevanti. Ikteb it-test sħiħ ta' kull frażi R riferita taħt l-intestaturi 2 u 3 tad-data sheet tas-sigurtà,

- il-pariri dwar it-taħriġ,

- ir-restrizzjonijiet irrakkommandati għall-użu (jiġifieri r-rakkommandazzjoniet mhux statutorji mill-fornitur),

- iktar tagħrif (ir-referenzi miktuba u/jew il-punt tal-kuntatti tekniċi),

- is-sorsi ta' l-informazzjoni l-iktar importanti wżati għalbiex biex issir il-kumpilazzjoni tad-data sheet,

- rigward id-data sheet tas-sigurtà reveduta, indika b'mod ċar it-tagħrif li jkun ġie miżjud, imneħħi jew irrivedut (għajr jekk dan ikun ġie indikat x'imkien ieħor).

"

[1] ĠU L 131, tas-27.3.1987, p. 11.

[2] Fejn il-persuna responsabbli mit-tqegħid tal-tħejjija fis-suq tista’ turi fid-data sheet tas-sigurtà illi l-iżvelar fid-data sheet tas-sigurtà ta' l-identità kimika tas-sustanza li tiġi kklassifikata esklussivament bħala:

- irritanti bl-eċċezzjoni ta' dawk assenjati bħala R41, jew irritanti f'kombinazzjoni ma' proprjetà jew iktar imsemmija fil-punt 2.3.4 ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/45/KE,

- jew ta' ħsara f'kombinazzjoni ma’ proprjetà jew imsemmija fil-punt 2.3.4 ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/45/KE u li jippreżenta effetti akuti letali,ikun iqiegħed f'riskju lin-natura kunfidenzjali tal-proprjetà intellettwali tiegħu, dan jista’, skond id-dispożizzjonijiet tal-Parti B ta' l-Anness VI mad-Direttiva 1999/45/KE, jirreferi għal din is-sustanza jew permezz ta' isem li jidentifika l-iktar gruppi kimiċi importanti u funzjonali, jew permezz ta' isem alternattiv.

[3] ĠU L 399, tat-3.10.1990, p. 18.

[4] ĠU L 100, tas-27.3.1987, p. 1.

[5] Dan it-tagħrif ma jistax jingħata għat-tħejjija għaliex din hija sustanza speċifika. Għandu għalhekk jingħata, meta japplika u approprjat, lil kull sustanza komponenti fit-tħejjija li tkun meħtieġa għalbiex tiġi elenkata fil-folju ta' l-informazzjoni dwar is-sigurtà skond ir-regoli taħt l-intestatura 2 ta' dan l-Anness.

[6] Dan it-tagħrif ma jistax jingħata għat-tħejjija għaliex din hija sustanza speċifika. Għandu għalhekk jingħata, meta japplika u approprjat, lil kull sustanza komponenti fit-tħejjija li tkun meħtieġa għalbiex tiġi elenkata fil-folju ta' l-informazzjoni dwar is-sigurtà skond ir-regoli taħt l-intestatura 2 ta' dan l-Anness.

[7] Dan it-tagħrif ma jistax jingħata għat-tħejjija għaliex din hija sustanza speċifika. Għandu għalhekk jingħata, meta japplika u approprjat, lil kull sustanza komponenti fit-tħejjija li tkun meħtieġa għalbiex tiġi elenkata fil-folju ta' l-informazzjoni dwar is-sigurtà skond ir-regoli taħt l-intestatura 2 ta' dan l-Anness.

[8] Dan it-tagħrif ma jistax jingħata għat-tħejjija għaliex din hija sustanza speċifika. Għandu għalhekk jingħata, meta japplika u approprjat, lil kull sustanza komponenti fit-tħejjija li tkun meħtieġa għalbiex tiġi elenkata fil-folju ta' l-informazzjoni dwar is-sigurtà skond ir-regoli taħt l-intestatura 2 ta' dan l-Anness.

[9] ĠU L 319, tas-27.3.1987, p. 7.

[10] ĠU L 235, tas-27.3.1987, p. 25.

[11] ĠU L 262, tas-27.3.1987, p. 201.

--------------------------------------------------

Top