This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0953
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/953 of 6 June 2017 laying down implementing technical standards with regard to the format and the timing of position reports by investment firms and market operators of trading venues pursuant to Directive 2014/65/EU of the European Parliament and of the Council on markets in financial instruments (Text with EEA relevance. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/953 tas-6 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format u t-twaqqit tar-rapporti dwar il-pożizzjonijiet tad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq ta' ċentri tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/953 tas-6 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format u t-twaqqit tar-rapporti dwar il-pożizzjonijiet tad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq ta' ċentri tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/3671
ĠU L 144, 7.6.2017, p. 12–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
7.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 144/12 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/953
tas-6 ta' Ġunju 2017
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format u t-twaqqit tar-rapporti dwar il-pożizzjonijiet tad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq ta' ċentri tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(7) tagħha
Billi:
(1) |
Sabiex tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi ta' komoditajiet, tal-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom, jenħtieġ li l-operaturi tas-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar li fih jiġu nnegozjati dawn l-istrumenti finanzjarji jippubblikaw rapport ta' kull ġimgħa li juri l-għadd aggregat ta' persuni li għandhom il-kuntratt u t-total ta' pożizzjonijiet miftuħa għal kull derivattiva ta' komoditajiet, kwota tal-emissjonijiet jew derivattiva tal-kwota ta' emissjonijiet li tkun taqbeż il-limiti speċifikati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/591 (2) fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajietu jikkomunikaw dak ir-rapport lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). |
(2) |
Il-preżentazzjoni f'waqtha tar-rapporti preċedentement ippubblikati miċ-ċentri tan-negozjar rispettivi bi skadenza ċara u komuni tiffaċilita l-pubblikazzjoni ċentralizzata ta' kull ġimgħa mill-ESMA ta' dawn ir-rapporti minn madwar l-Unjoni. |
(3) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. |
(4) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
(5) |
L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Skadenzi tar-rapportar
L-operaturi tas-suq u d-ditti tal-investiment imsemmija fl-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jibgħatu lill-ESMA, mhux aktar tard mill-Erbgħa 17.30 CET tal-ġimgħa sussegwenti, ir-rapport ta' kull ġimgħa imsemmi fil-punt (a) ta' dan l-Artikolu rigward il-pożizzjonijiet aggregati miżmuma, kull ġimgħa fil-ħin tal-għeluq tan-negozju.
Meta t-Tnejn, it-Tlieta jew l-Erbgħa tal-ġimgħa li fiha għandu jiġi ppreżentat ir-rapport ma jkunx jum tax-xogħol għall-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment imsemmija fl-ewwel paragrafu, dan l-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment għandhom jippreżentaw ir-rapport mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-Ħamis 17.30 CET ta' dik il-ġimgħa.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/591 tal-1 ta' Diċembru 2016 li jissuplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajiet (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 479).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).