This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D0900
Council Decision (EU) 2017/900 of 22 May 2017 concerning the establishment of the ad hoc Working Party on Article 50 TEU chaired by the General Secretariat of the Council
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/900 tat-22 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/900 tat-22 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
ĠU L 138, 25.5.2017, p. 138–139
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
25.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 138/138 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/900
tat-22 ta' Mejju 2017
dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2009/881/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, il-Kunsill Ewropew irċieva notifika mir-Renju Unit tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, biex b'hekk jitnieda l-proċess skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
(2) |
Fid-29 ta' April 2017, il-Kunsill Ewropew adotta linji gwida kif previst fl-Artikolu 50(2) TUE. B'mod partikolari, huwa approva l-arranġamenti proċedurali stipulati fl-Anness għad-Dikjarazzjoni tas-27 Kap ta' Stat jew ta' Gvern kif ukoll il-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2016. Skont il-punt 4 ta' dak l-Anness, bejn il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat tar-rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper), megħjuna minn Grupp ta' Ħidma apposta bi president permanenti, ser jiżguraw li n-negozjati jitwettqu skont il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew u d-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill, u tiġi provduta gwida lin-negozjatur tal-Unjoni. |
(3) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi stabbilit Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE (“Grupp ta' Ħidma ''ad hoc”) bi president permanenti. |
(4) |
Jenħtieġ li l-Grupp ta' Ħidma ad hoc jassisti lill-Coreper u lill-Kunsill fil-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Grupp ta' Ħidma ad hoc jassisti lill-Coreper u lill-Kunsill matul in-negozjati skont l-Artikolu 50 TUE, f'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew u d-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill. Minbarra dan, il-Grupp ta' Ħidma ad hoc jista' jipprovdi assistenza dwar kwistjonijiet marbuta mal-proċess skont l-Artikolu 50 TUE li mhumiex ser jiġu nnegozjati mar-Renju Unit. |
(5) |
Billi l-proċess skont l-Artikolu 50 TUE huwa wieħed temporanju, jenħtieġ li l-Grupp ta' Ħidma ad hoc jieqaf jeżisti wara li jkun wettaq il-mandat tiegħu |
(6) |
Wara n-notifika skont l-Artikolu 50 TUE, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun ħiereġ ma għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill f'deċiżjonijiet li jkunu jikkonċernawh, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE huwa b'dan stabbilit.
Dan għandu jiġi ppresedut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Artikolu 2
Il-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE għandu jassisti lill-Coreper u lill-Kunsill fil-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.
Dan għandu jieqaf jeżisti wara li jkun twettaq il-mandat tiegħu.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
L. GRECH
(1) ĠU L 315, 2.12.2009, p. 50.