Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1259

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1259/2011 tat- 2 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward ta’ livelli massimi għad-diossini, PCBs simili għad-diossini u PCBs mhux simili għad-diossini fl-oġġetti tal-ikel Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 320, 3.12.2011, p. 18–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1259/oj

3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/18


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1259/2011

tat-2 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward ta’ livelli massimi għad-diossini, PCBs simili għad-diossini u PCBs mhux simili għad-diossini fl-oġġetti tal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (2) jistabbilixxi livelli massimi għad-diossini u PCBs simili għad-diossini f'varjetà ta’ oġġetti tal-ikel.

(2)

Id-diossini huma parti minn grupp ta’ 75 konġeneru ta’ dibenżo-p-diossina poliklorinata (PCDD) u 135 konġeneru ta’ dibenżofuran poliklorinat (PCDF), li 17 minnhom huma ta’ tħassib tossikoloġiku. Il-poliklorobifenili (PCBs) huma grupp ta’ 209 konġeneru differenti li jistgħu jinqasmu f'żewġ gruppi skont il-proprjetajiet tossikoloġiċi tagħhom: 12-il konġeneru għandhom proprjetajiet tossikoloġiċi simili għad-diossini u għaldaqstant ħafna drabi jissejħu “PCBs simili għad-diossini” (DL-PCB). Il-PCBs l-oħra ma għandhomx tossiċità simili għad-diossina iżda għandhom profil tossikoloġiku differenti u huma msejħa bħala “PCB mhux simili għad-diossina” (NDL-PCB).

(3)

Kull konġeneru ta’ diossini jew DL-PCBs għandhom livell differenti ta’ tossiċità. Sabiex tkun tista' tiġi kkalkulata t-tossiċità ta’ dawn id-diversi konġeneri, ġie introdott il-kunċett ta’ fatturi ta’ ekwivalenza tossikoloġika (TEFs) biex jiġu ffaċilitati l-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll regolatorju. Dan ifisser li r-riżultati analitiċi li jirrigwardaw il-konġeneri individwali kollha tad-diossini u PCBs simili għad-diossini ta’ tħassib tossikoloġiku huma espressi fit-termini ta’ unità kwantifikabbli, jiġifieri l-ekwivalenza tossikoloġika tat-TCDD (TEQ).

(4)

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) organizzat sessjoni ta’ ħidma għall-esperti mit-28 sat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar il-valuri tat-TEF, li id-WHO kienet qablet dwarhom fl-1998. Inbidlu għadd ta’ valuri tat-TEF, b'mod partikolari għall-PCBs, il-konġeneri ottaklorinati u l-furani pentaklorinati. Id-dejta dwar l-effett tal-valuri tat-TEF il-ġodda u l-okkorenza riċenti huma miġbura fir-rapport xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) “Results of the monitoring of dioxin levels in food and feed” (3). Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu riveduti l-livelli massimi tal-PCBs filwaqt li tiġi kkunsidrata din id-dejta l-ġdida.

(5)

Fuq talba mill-Kummissjoni, il-Panel Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari tal-EFSA adotta opinjoni dwar il-preżenza ta’ NDL-PCBs fl-għalf u fl-ikel (4).

(6)

L-ammont tas-sitt PCBs markaturi jew indikaturi (PCB 28, 52, 101, 138, 153 u 180) jinkludi madwar nofs l-ammont tat-total ta’ NDL-PCB li huwa preżenti fl-għalf u fl-ikel. Dak l-ammont huwa kkunsidrat bħala marka xierqa għall-okkorenza u l-esponiment uman għall-NDL-PCB u għaldaqstant għandu jiġi stabbilit bħala livell massimu.

(7)

Il-livelli massimi ġew stabbiliti filwaqt li ġiet ikkunsidrata okkurenza riċenti ta’ dejta miġbura mir-rapport xjentifiku tal-EFSA “Riżultati tal-monitoraġġ ta’ PCBs mhux simili għad-diossina fl-ikel u fl-għalf” (5). Għalkemm huwa possibbli li jinkisbu limiti aktar baxxi ta’ kwantifikazzjoni (LOQ), jista' jiġi osservat li numru konsiderevoli ta’ laboratorji japplikaw LOQ ta’ 1 μg/kg ta’ xaħam jew saħansitra 2 μg/kg ta’ xaħam. Jekk jiġu stabbiliti livelli massimi li huma stretti ħafna anki jekk ma ġie kwantifikat l-ebda PCB, meta wieħed jesprimi r-riżultat analitiku bħala livell ta’ fuq, f'xi każijiet dan se jirriżulta f'livell viċin il-livell massimu. Ġie rikonoxxut ukoll li għal ċerti kategoriji tal-ikel id-dejta ma kinitx estensiva ħafna. Għaldaqstant, ikun xieraq li jiġu riveduti l-livelli massimi fi żmien tliet (3) snin, ibbażati fuq bażi ta’ dejta aktar estensiva miksuba b'metodu ta’ analiżi b'livell ta’ sensittività li huwa suffiċjenti għal livelli baxxi ta’ kwantifikazzjoni.

(8)

Ingħataw derogi lill-Finlandja u lill-Isvezja biex iqiegħdu fis-suq ħut li joriġina fir-reġjun Baltiku u li hu maħsub għall-konsum fit-territorju tagħhom b'livelli ta’ diossina ogħla mil-livelli massimi stabbiliti għad-diossini u l-ammont ta’ diossini u DL-PCBs fil-ħut. Dawk l-Istati Membri ssodisfaw il-kundizzjonijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-tagħrif lill-konsumaturi dwar ir-rakkomandazzjonijiet tad-dieta. Kull sena l-Finlandja u l-Isvezja jirrappurtaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-monitoraġġ tagħhom tal-livelli tad-diossini fil-ħut mir-reġjun Baltiku u l-miżuri għat-trażżin tal-esponiment tal-bniedem għad-diossini mir-reġjun Baltiku.

(9)

Fuq il-bażi tar-riżultati tal-livelli ta’ monitoraġġ tad-diossini u DL-PCBs li saru mill-Finlandja u mill-Isvezja, id-deroga mogħtija tista' tkun limitata għal ċerti speċi ta’ ħut. Meta wieħed iżomm f'moħħu l-preżenza persistenti ta’ diossini u ta’ PCBs fl-ambjent u konsegwentament fil-ħut, huwa xieraq li tingħata din id-deroga mingħajr limitu ta’ żmien.

(10)

Fir-rigward ta’ salamun selvaġġ maqbud, il-Latvja talbet deroga simili bħal dik li ngħatat lill-Finlandja u l-Isvezja. Għal dak il-għan, il-Latvja wriet li l-esponiment tal-bniedem għad-diossini u DL-PCBs fit-territorju tagħha mhuwiex ogħla mill-ogħla livell medju fi kwalunkwe Stat Membru u li għandha sistema sew sabiex tiżgura li l-konsumaturi huma infurmati bi sħiħ dwar ir-rakkomandazzjonijiet tad-dieta fir-rigward ta’ restrizzjonijiet dwar il-konsum tal-ħut mir-reġjun Baltiku minn taqsimiet vulnerabbli tal-populazzjoni li huma identifikati sabiex jevitaw riskji potenzjali għas-saħħa. Barra minn hekk, għandu jitwettaq il-monitoraġġ tal-livelli ta’ diossini u DL-PCBs fil-ħut mir-reġjun Baltiku u r-riżultati u l-miżuri li ttieħdu biex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem għal diossini u DL-PCBs minn ħut mir-reġjun Baltiku għandhom jiġu rrapurtati lill-Kummissjoni. Il-miżuri meħtieġa ġew implimentati sabiex ikun aċċertat li l-ħut u l-prodotti tal-ħut li ma jikkonformawx mal-livelli massimi tal-UE għal PCBs ma jitqiegħdux fis-suq fi Stati Membri oħrajn.

(11)

Meta wieħed jikkunsidra li l-mudell ta’ kontaminazzjoni ta’ NDL-PCBs fil-ħut mir-reġjun Baltiku juri xebh mal-kontaminazzjoni ta’ diossini u ta’ DL-PCBs u meta wieħed jikkunsidra li l-NDL-PCBs huma wkoll persistenti ħafna fl-ambjent, huwa xieraq li tingħata deroga simili fir-rigward tal-preżenza tal-NDL-PCBs għal dik għal diossini u DL-PCBs fil-ħut mir-reġjun Baltiku.

(12)

L-EFSA ntalbet tagħti opinjoni xjentifika fir-rigward tal-preżenza ta’ diossini u PCBs simili għad-diossina fil-fwied tan-nagħaġ u taċ-ċriev u dwar kemm hu xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi għal diossini u PCBs fil-fwied u prodotti magħmulin minnu abbażi tal-prodott aktar milli abbażi tax-xaħam, kif inhu l-każ bħalissa. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet dwar il-fwied u prodotti magħmula minnu għandhom jiġu riveduti b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-fwied tan-nagħaġ u taċ-ċriev ladarba tkun disponibbli l-opinjoni tal-EFSA. Sadanittant huwa xieraq li jiġi stabbilit il-livell massimu għad-diossini u PCBs abbażi ta’ xaħam.

(13)

Ikel b'inqas minn 1 % ta’ xaħam sa issa kien eskluż mil-livell massimu għad-diossini u DL-PCBs, meta wieħed jikkunsidra li dak l-ikel huwa b'mod ġenerali kontributur minuri għall-esponiment tal-bniedem. Madankollu, kien hemm każijiet b'ikel li għandu inqas minn 1 % ta’ xaħam iżda b'livelli għoljin ħafna ta’ diossini u DL-PCBs fix-xaħam. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi applikat livell massimu għal tali ikel, iżda fuq bażi ta’ prodott. Filwaqt li wieħed jikkunsidra li livell massimu huwa stabbilit fuq bażi ta’ prodott għal ċertu ikel b'kontenut baxx ta’ xaħam, huwa xieraq li jiġi applikat livell massimu fuq bażi ta’ prodott għal ikel li għandu inqas minn 2 % ta’ xaħam.

(14)

Fid-dawl tad-dejta ta’ monitoraġġ għad-diossini u DL-PCBs fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar, huwa xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi aktar baxxi għad-diossini u DL-PCBs fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar. L-Istitut Federali għall-Valutazzjoni tar-Riskju mill-Ġermanja għamel talba speċifika lill-EFSA biex tivvaluta r-riskju tal-preżenza ta’ diossini u PCBs simili għad-diossina fl-ikel għal trabi u tfal żgħar. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet dwar l-ikel għal trabi u tfal żgħar għandhom jiġu riveduti ladarba tkun disponibbli l-opinjoni tal-EFSA.

(15)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

It-titolu “Derogi temporanji” huwa sostitwit b'“Derogi”.

(b)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1, il-Finlandja, l-Isvezja u l-Latvja jistgħu jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ salamun selvaġġ maqbud (Salmo salar) u prodotti tiegħu li joriġinaw mir-reġjun Baltiku u li huma maħsuba għall-konsum fit-territorju tagħhom b'livelli ta’ diossini u/jew PCBs simili għad-diossini u/jew PCBs mhux simili għad-diossini li jkunu ogħla minn dawk stipulati fil-punt 5,3 tal-Anness, bil-kondizzjoni li tinġieb fis-seħħ sistema sabiex taċċerta li l-konsumaturi jkunu infurmati bi sħiħ dwar ir-rakkomandazzjonijiet tad-dieta fir-rigward tar-restrizzjonijiet dwar il-konsum ta’ salamun selvaġġ maqbud mir-reġjun Baltiku u prodotti tiegħu minn taqsimiet vulnerabbli identifikati tal-popolazzjoni sabiex jiġu evitati riskji għas-saħħa potenzjali.

Il-Finlandja, l-Isvezja u l-Latvja għandhom ikomplu japplikaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li s-salamun selvaġġ maqbud u l-prodotti tiegħu li ma jikkonformawx mal-punt 5,3 tal-Anness ma jitqiegħdux fis-suq ta’ Stati Membri oħra.

Il-Finlandja, l-Isvezja u l-Latvja se jirrapurtaw kull sena lill-Kummissjoni l-miżuri li huma ħadu sabiex jinfurmaw b'mod effettiv lit-taqsimiet vulnerabbli identifikati tal-popolazzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet tad-dieta u biex jiżguraw li s-salamun selvaġġ maqbud u l-prodotti tiegħu li ma jikkonformawx mal-livelli massimi ma jitqiegħdux fis-suq fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk huma għandhom jipprovdu evidenza dwar l-effettività ta’ dawn il-miżuri.”

(c)

Il-paragrafu 5 li ġej huwa miżjud:

“5.   Permezz tad-deroga mill-Artikolu 1, il-Finlandja u l-Isvezja jistgħu jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ aringi selvaġġi maqbuda li huma akbar minn 17-il cm (Clupea harengus), ħut żgħir selvaġġ maqbud li jixbah lit-troti (Salvelinus spp) u buwaħħala tax-xmajjar selvaġġa maqbuda (Lampetra fluviatilis) u troti selvaġġ maqbud (Salmo trutta) u prodotti tagħhom li joriġinaw mir-reġjun Baltiku u li huma maħsuba għall-konsum fit-territorju tagħhom b'livelli ta’ diossini u/jew livelli ta’ PCBs simili għad-diossini li jkunu ogħla minn dawk stipulati fil-punt 5,3 tal-Anness, bil-kondizzjoni li s-sistema hija regolata sabiex tiżgura li l-konsumaturi jkunu infurmati bi sħiħ dwar ir-rakkomandazzjonijiet tad-dieta fir-rigward tar-restrizzjonijiet dwar il-konsum tal-aringi selvaġġi li nqabdu li huma akbar minn 17-il cm, ħut żgħir selvaġġ maqbud li jixbah lit-troti, buwaħħala tax-xmajjar selvaġġa maqbuda u troti selvaġġ maqbud mir-reġjun Baltiku u l-prodotti tagħhom minn taqsimiet vulnerabbli identifikati tal-popolazzjoni sabiex jiġu evitati riskji potenzjali għas-saħħa.

Il-Finlandja u l-Isvezja għandhom ikomplu japplikaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aringi selvaġġi maqbuda li huma akbar minn 17-il cm, il-ħut żgħir selvaġġ maqbud li jixbah lit-troti u troti selvaġġ maqbud u l-prodotti tagħhom li ma jikkonformawx mal-punt 5,3 tal-Anness ma jitqiegħdux fis-suq ta’ Stati Membri oħra.

Il-Finlandja u l-Isvezja se jirrapurtaw kull sena lill-Kummissjoni l-miżuri li huma ħadu sabiex jinfurmaw b'mod effettiv lit-taqsimiet vulnerabbli identifikati tal-popolazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet dwar id-dieta u biex jiżguraw li l-ħut u l-prodotti tiegħu li ma jikkonformawx mal-livelli massimi ma jitqiegħdux fis-suq fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk huma għandhom jipprovdu evidenza dwar l-effettività ta’ dawn il-miżuri.”

(2)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

(3)  Il-Ġurnal tal-EFSA 2010; 8(3):1385, http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/1385.pdf

(4)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2005) 284, p. 1, http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/284.pdf

(5)  Il-Ġurnal tal-EFSA 2010; 8(7):1701, http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/1701.pdf


ANNESS

It- Taqsima 5: Id-diossini u l-PCBs tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huma emendati kif ġej:

(a)

Taqsima 5: Id-diossini u l-PCBs huma sostitwiti b’dan li ġej:

Taqsima 5:   Diossini u PCBs (31)

Oġġetti tal-ikel

Livelli massimi

Total ta’ diossini (WHO-PCDD/F-TEQ) (32)

Total ta’ diossini u PCBs simili għad-dioissina (WHO-PCDD/F-TEQ) (32)

Total ta’ PCB28, PCB52, PCB101, PCB138, PCB153 U PCB180 (ICES – 6) (32)

5.1

Laħam u prodotti tal-laħam (ħlief il-ġewwieni li jittiekel) tal-annimali li ġejjin (6):

 

 

 

annimali bovini u nagħaġ

2,5 pg/g xaħam (33)

4,0 pg/g xaħam (33)

40 ng/g xaħam (33)

tjur tal-irziezet

1,75 pg/g xaħam (33)

3,0 pg/g xaħam (33)

40 ng/g xaħam (33)

majjali

1,0 pg/g xaħam (33)

1,25 pg/g xaħam (33)

40 ng/g xaħam (33)

5.2

Fwied ta’ annimali terrestri li jissemmew f’5.1. (6), u prodotti li ġejjin minnhom,

4,5 pg/g xaħam (33)

10,0 pg/g xaħam (33)

40 ng/g xaħam (33)

5.3

Laħam tal-muskoli tal-ħut u tal-prodotti mis-sajd u prodotti tagħhom (25) (34),

sallur selvaġġ maqbud

ħut selvaġġ maqbud tal-ilma ħelu, bl-esklużjoni ta’ speċi tal-ħut diadromous maqbuda fl-ilma ħelu

fwied tal-ħut u prodotti li ġejjin minnu

żjut tal-ħut

Il-livell massimu għall-krustaċej japplika għal-laħam tal-muskoli mill-appendiċi u l-addome (44). Fil-każ tal-granċijiet u krustaċej simili għall-granċijiet (Brachyura u Anomura) dan japplika għal-laħam tal-muskoli mill-appendiċi.

3,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

6,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

75 ng/g piż bil-kontenut tal-ilma

5.4

Laħam tal-muskoli tal-ħut tal-ilma ħelu selvaġġ maqbud, bl-esklużjoni ta’ speċi tal-ħut diadromous maqbuda fl-ilma ħelu u prodotti tiegħu (25)

3,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

6,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

125 ng/g piż bil-kontenut tal-ilma

5.5

Laħam tal-muskoli tas-sallur selvaġġ maqbud (Anguilla anguilla) u prodotti tagħhom

3,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

10,0 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

300 ng/g piż bil-kontenut tal-ilma

5.6

Fwied tal-ħut u prodotti derivati minnu għajr għal żjut tal-ħut imsemmija fil-punt 5,7

20,0 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma (38)

200 ng/g piż bil-kontenut tal-ilma (38)

5.7

Żjut tal-ħut (żjut mill-ġisem tal-ħut, żjut mill-fwied tal-ħut u minn organiżmi tal-baħar oħrajn intenzjonati għall-konsum mill-bniedem)

1,75 pg/g xaħam

6,0 pg/g xaħam

200 ng/g xaħam

5.8

Ħalib nej (6) u prodotti tal-ħalib (6), inkluż xaħam tal-butir

2,5 pg/g xaħam (33)

5,5 pg/g xaħam (33)

40 ng/g xaħam (33)

5.9

Bajd tat-tiġieġ u prodotti tal-bajd (6)

2,5 pg/g xaħam (33)

5,0 pg/g xaħam (33)

40 ng/g xaħam (33)

5.10

Xaħam tal-annimali li ġej minn:

 

 

 

annimali bovini u nagħaġ

2,5 pg/g xaħam

4,0 pg/g xaħam

40 ng/g xaħam

tjur tal-irziezet

1,75 pg/g xaħam

3,0 pg/g xaħam

40 ng/g xaħam

majjali

1,0 pg/g xaħam

1,25 pg/g xaħam

40 ng/g xaħam

5.11

Xaħam imħallat tal-annimali

1,5 pg/g xaħam

2,50 pg/g xaħam

40 ng/g xaħam

5.12

Żjut tal-ikel u xaħam

0,75 pg/g xaħam

1,25 pg/g xaħam

40 ng/g xaħam

5.13

Ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar (4)

0,1 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

0,2 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

1,0 ng/g piż bil-kontenut tal-ilma”

(b)

In-nota 31 f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(31)

Diossini (is-somma ta’ dibenżo-para-diossini poliklorinati (PCDDs) u dibenżofurani polikolorinati (PCDFs), expressi bħala ekwivalenza ta tossiċità tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) permezz tal-fatturi ta’ ekwivalenza ta’ tossiċità tad-WHO (WHO-TEFs)) u s-somma tad-diossini u tal-PCBs simili għad-diossini (is-somma tal-PCDDs, PCDFs u l-poliklorobifenili (PCBs), expressi bħala ekwivalenza tossikoloġika tad-WHO permezz tad-WHO-TEFs). Id-WHO-TEFs għall-valutazzjoni tar-riskju tal-bniedem ibbażata fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-esperti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) – Programm Internazzjonali dwar is-Sikurezza Kimika (IPCS) li saret f’Ġinevra f’Ġunju 2005 (Martin van den Berg et al., The 2005 World Health Organization Re-evaluation of Human and Mammalian Toxic Equivalency Factors for Dioxins and Dioxin-like Compounds. Toxicological Sciences 93(2), 223–241 (2006))

Konġeneru

Valur TEF

Dibenżo-p-diossini (“PCDDs”)

2,3,7,8-TCDD

1

1,2,3,7,8-PeCDD

1

1,2,3,4,7,8-HxCDD

0,1

1,2,3,6,7,8-HxCDD

0,1

1,2,3,7,8,9-HxCDD

0,1

1,2,3,4,6,7,8-HpCDD

0,01

OCDD

0,0003

Dibenżofurans (“PCDFs”)

2,3,7,8-TCDF

0,1

1,2,3,7,8-PeCDF

0,03

2,3,4,7,8-PeCDF

0,3

1,2,3,4,7,8-HxCDF

0,1

1,2,3,6,7,8-HxCDF

0,1

1,2,3,7,8,9-HxCDF

0,1

2,3,4,6,7,8-HxCDF

0,1

1,2,3,4,6,7,8-HpCDF

0,01

1,2,3,4,7,8,9-HpCDF

0,01

OCDF

0,0003

PCB “simili għad-diossini” PCBs mhux orto + PCBs Mono-orto

PCBs mhux orto

PCB 77

0,0001

PCB 81

0,0003

PCB 126

0,1

PCB 169

0,03

PCBs mono-orto

PCB 105

0,00003

PCB 114

0,00003

PCB 118

0,00003

PCB 123

0,00003

PCB 156

0,00003

PCB 157

0,00003

PCB 167

0,00003

PCB 189

0,00003

Abbrevjazzjonijiet użati: “T” = tetra; “Pe” = penta; “Hx” = eża; “Hp” = etta; “O” = otta; “CDD” = klorodibenżodiossina; “CDF” = klorodibenżofuran; “CB” = klorobifenili.”

(c)

In-nota 33 f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(33)

Il-livell massimu espress dwar ix-xaħam mhuwiex applikabbli għall-ikel li fih inqas minn 2 % ta’ xaħam. Għal ikel li għandu inqas minn 2 % ta’ xaħam, il-livell massimu applikabbli huwa l-livell abbażi tal-prodott li jikkorrispondi mal-livell abbażi tal-prodott għall-ikel li għandu 2 % ta’ xaħam, ikkalkulat mil-livell massimu stabbilit abbażi tax-xaħam, li jużaw il-formula li ġejja:

Il-livell massimu espress abbażi tal-prodott għal ikel li fih inqas minn 2 % ta’ xaħam = livell massimu espress f’xaħam għal dak l-ikel x 0,02”


Top