Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016L0800

Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali

ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/800/oj

21.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/1


DIRETTIVA (UE) 2016/800 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Mejju 2016

dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti garanziji proċedurali li jiżguraw li tfal, jiġifieri persuni taħt l-età ta' 18-il sena, li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, jkunu kapaċi jifhmu u jsegwu dawn il-proċedimenti u biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal proċess ġust, u biex jiġi evitat li t-tfal jerġgħu jwettqu reat u li tiġi mrawma l-integrazzjoni soċjali tagħhom.

(2)

Bl-istabbiliment ta' regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta' tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin u b'hekk ittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonjiet f'materji kriminali. Tali regoli minimi komuni jeħtieġ ukoll ineħħu l-ostakli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri.

(3)

Minkejja li l-Istati Membri huma partijiet għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell suffiċjenti ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' Stati Membri oħra.

(4)

Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar il-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (3) (“il-Pjan Direzzjonali”). Permezz ta' approċċ gradwali, il-Pjan Direzzjonali jirrikjedi l-adozzjoni ta' miżuri rigward id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (miżura A), id-dritt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-informazzjoni dwar l-akkużi (miżura B), id-dritt għall-parir legali u l-għajnuna legali (miżura C), id-dritt li persuna tikkomunika mal-qraba, ma' min iħaddem u mal-awtoritajiet konsulari (miżura D), u garanziji speċjali għal persuni suspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli (miżura E). Il-Pjan Direzzjonali jenfasizza li l-ordni tad-drittijiet huwa indikattiv u għalhekk jimplika li jista' jinbidel skont il-prijoritajiet. Il-Pjan Direzzjonali huwa mfassal sabiex jopera fl-intier tiegħu; ikun biss meta l-partijiet komponenti kollha tiegħu jiġu implimentati li l-benefiċċji tiegħu esperjenzati kollha kemm huma.

(5)

Fil-11 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan Direzzjonali u inkludih bħala parti mill-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (4) (punt 2.4). Il-Kunsill Ewropew issottolinja l-karattru mhux eżawrjenti tal-Pjan Direzzjonali billi stieden lill-Kummissjoni biex teżamina elementi ulterjuri tad-drittijiet proċedurali minimi għall-persuni suspettati u akkużati, u biex tivvaluta jekk elementi oħra, bħal pereżempju l-preżunzjoni tal-innoċenza, jeħtieġx li jiġu indirizzati, biex tkun promossa kooperazzjoni aħjar f'dak il-qasam.

(6)

S'issa ġew adottati erba' miżuri dwar d-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali, skont il-Pjan Direzzjonali, jiġifieri d-Direttivi 2010/64/UE (5), 2012/13/UE (6) u 2013/48/UE (7) u d-Direttiva (UE) 2016/343 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(7)

Din id-Direttiva tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal.

(8)

Meta t-tfal huma suspettati jew persuni akkużati fi proċedimenti kriminali jew ikunu soġġetti għal mandat ta' arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (9) (persuni rikjesti) ikunu tfal, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tifel dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta).

(9)

It-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali għandhom jingħataw attenzjoni partikolari sabiex jiġi ppreservat il-potenzjal tagħhom għall-iżvilupp u għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà.

(10)

Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali u għat-tfal li huma persuni rikjesti. Fir-rigward ta' tfal li huma persuni rikjesti, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mill-mument tal-arrest tagħhom fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.

(11)

Din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, għandhom japplikaw ukoll għal persuni suspettati jew persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, u għal persuni rikjesti li kienu tfal meta ġew soġġetti għal dawn il-proċedimenti, iżda li sussegwentement ikunu laħqu l-età ta' 18-il sena, u fejn l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva tkun xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi l-maturità u l-vulnerabilità tal-persuna kkonċernata.

(12)

Meta, filwaqt li persuna ssir persuna suspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali, dik il-persuna tkun laħqet l'età ta' 18-il sena, iżda r-reat kriminali seħħ meta l-persuna kienet tifel, l-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw il-garanziji proċedurali previsti minn din id-Direttiva sakemm din il-persuna tilħaq l-età ta' 21 sena, mill-inqas fir-rigward ta' reati kriminali li jkunu twettqu mill-istess persuna suspettata jew akkużata u li jkunu investigati u mressqa għall-prosekuzzjoni flimkien minħabba li dawn ikunu marbuta mill-qrib ma' proċedimenti kriminali li jkunu nbdew kontra dik il-persuna qabel l-età ta' 18-il sena.

(13)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-età tat-tifel abbażi tad-dikjarazzjonijiet tat-tifel stess, jagħmlu kontrolli dwar l-istat ċivili tat-tifel, riċerka dokumentarja, evidenza oħra u, jekk tali evidenza ma tkunx disponibbli jew tkun inkonklużiva, eżami mediku. Eżami mediku għandu jitwettaq bħala l-aħħar alternattiva u b'konformità stretta mad-drittijiet, l-integrità fiżika u d-dinjità umana tat-tifel. Fejn jibqa' dubju dwar l-età ta' persuna, dik il-persuna għandha, għall-finijiet ta'din id-Direttiva, titqies bħala tifel.

(14)

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika fir-rigward ta' ċerti reati żgħar. Madankollu, hi għandha tapplika meta tifel li hu suspettat jew persuna akkużata ikun imċaħħad mil-libertà.

(15)

F'xi Stati Membri awtorità li mhijiex qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali jkollha l-kompetenza biex timponi sanzjonijiet għajr iċ-ċaħda tal-libertà fir-rigward ta' reati relattivament minuri. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta' reati tat-traffiku stradali li jitwettqu fuq skala kbira u li jista' jkun li jiġu stabbiliti wara li jsir kontroll tat-traffiku. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, mhux raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jiżguraw id-drittijiet kollha skont din id-Direttiva. Fejn id-dritt ta' Stat Membru jipprevedi l-impożizzjoni ta' sanzjoni minn tali awtorità fir-rigward ta' reati minuri u jkun hemm dritt ta' appell jew il-possibilità li l-kawża titressaq b'xi mod ieħor quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f'materji kriminali, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għall-proċedimenti quddiem dik il-qorti wara tali appell jew rinviju.

(16)

F'xi Stati Membri, ċerti reati minuri, b'mod partikolari reati minuri tat-traffiku stradali, reati minuri fir-rigward ta' regolamenti muniċipali ġenerali u ksur minuri tal-ordni pubbliku, jitqiesu bħala reati kriminali. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, mhux raġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jiżguraw id-drittijiet kollha skont din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi fir-rigward ta' reati minuri li ma tistax tkun imposta ċ-ċaħda tal-libertà bħala sanzjoni, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f'materji kriminali.

(17)

Din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti kriminali. Hi m'għandhiex tapplika għal tipi oħra ta' proċedimenti, b'mod partikolari fil-proċeduri li huma mfassla apposta għat-tfal u li jistgħu jwasslu għal miżuri protettivi, korrettivi jew edukattivi.

(18)

Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2012/13/UE u 2013/48/UE. Din id-Direttiva tipprevedi salvagwardji kumplimentari ulterjuri fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi mogħtija lit-tfal u lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet u l-vulnerabilitajiet speċifiċi tat-tfal.

(19)

It-tfal għandhom jirċievu informazzjoni dwar l-aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, huma għandhom, b'mod partikolari, tingħatalhom spjegazzjoni qasira dwar il-passi proċedurali li jkun imiss fil-proċedimenti sa fejn dan ikun possibbli fid-dawl tal-interess tal-proċedimenti kriminali, u dwar ir-rwol tal-awtoritajiet involuti. L-informazzjoni li trid tingħata għandha tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi tal-kawża.

(20)

It-tfal għandhom jirċievu informazzjoni rigward id-dritt għal eżami mediku fl-istadju l-aktar bikri u xieraq tal-proċedimenti, mhux aktar tard miċ-ċaħda tal-libertà fejn tali miżura tittieħed fir-rigward tat-tifel.

(21)

Fejn tifel ma jingħatax il-libertà, l-Ittra tad-Drittijiet mogħtija lit-tifel skont id-Direttiva 2012/13/UE għandha tinkludi informazzjoni ċara dwar id-drittijiet tat-tifel skont din id-Direttiva.

(22)

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri dwar drittijiet proċedurali applikabbli, bil-miktub, bil-fomm, jew bit-tnejn. Din l-informazzjoni għandha tingħata mill-aktar fis possibbli u għandha tkun dettaljata biżżejjed sabiex tiġi salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tat-tifel.

(23)

F'ċerti ċirkostanzi, li jistgħu wkoll ikunu relatati ma' wieħed biss mid-detenturi tar-responsabilità tal-ġenituri, l-informazzjoni għandha tkun mogħtija lil persuna adulta xierqa oħra nominata mit-tifel u aċċettata bħala tali mill-awtorità kompetenti. Waħda minn dawk iċ-ċirkostanzi hija fejn hemm raġunijiet oġġettivi u fattwali li jindikaw jew li jagħtu lok għal suspett li l-għotja ta' informazzjoni lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri tista' tippreġudika b'mod sostanzjali l-proċedimenti kriminali, b'mod partikolari, fejn l-evidenza tista' tiġi meqruda jew mibdula, ix-xhieda jistgħu jiġu influwenzati, jew id-detentur tar-responsabilità ta' ġenitur seta' kien involut fl-attività kriminali allegata flimkien mat-tifel.

(24)

Fejn ma jibqgħux jeżistu ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu informazzjoni lil xi persuna adulta xierqa oħra li ma tkunx id-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri, kwalunkwe informazzjoni li t-tifel jirċievi f'konformità ma' din id-Direttiva, u li tibqa' rilevanti matul il-proċedimenti, għandha tiġi pprovduta lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri. Dan ir-rekwiżit m'għandux itawwal il-proċedimenti kriminali bla bżonn.

(25)

It-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati għandhom id-dritt ta' aċċess għal avukat f'konformità mad-Direttiva 2013/48/UE. Minħabba li t-tfal huma vulnerabbli u mhux dejjem kapaċi jifhmu għalkollox u jsegwu l-proċedimenti kriminali, huma għandhom jiġu assistiti minn avukat fis-sitwazzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva. F'dawk is-sitwazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jirranġaw għat-tifel li jkun assistit minn avukat meta t-tifel jew id-detentur ta' responsabbiltà tal-ġenituri ma jkunx irranġaw għal tali assistenza. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna legali fejn din tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li t-tifel ikun qed jiġi assistit effettivament minn avukat.

(26)

Assistenza minn avukat skont din id-Direttiva tippresupponi li t-tifel ikollu d-dritt ta' aċċess għal avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE. Għaldaqstant, fejn l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni tad-Direttiva 2013/48/UE tagħmilha impossibbli li t-tifel jiġi assistit minn avukat skont din id-Direttiva, din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għad-dritt li t-tfal ikollhom aċċess għal avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE. Min-naħa l-oħra, id-derogi u l-eċċezzjonijiet għal assistenza minn avukat stabbiliti f'din id-Direttiva m'għandhomx jaffettwaw id-dritt ta' aċċess għal avukat f'konformità mad-Direttiva 2013/48/UE, jew id-dritt għal għajnuna legali f'konformità mal-Karta u mal-KEDB, u mal-liġi nazzjonali u liġi oħra tal-Unjoni.

(27)

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva dwar assistenza minn avukat għandhom japplikaw mingħajr dewmien żejjed ladarba t-tfal jiġu mgħarrfa li huma suspettati jew li huma persuni akkużati. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, assistenza minn avukat tfisser appoġġ legali u rappreżentazzjoni minn avukat matul il-proċedimenti kriminali. Fejn din id-Direttiva tipprovdi għall-assistenza minn avukat matul l-interrogazzjoni, għandu jkun preżenti avukat. Mingħajr preġudizzju għad-dritt tat-tifel li jkollu aċċess għal avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE, assistenza minn avukat ma teħtieġx li avukat jkun preżenti matul kull att investigattiv jew ta' ġbir ta' provi.

(28)

Sakemm dan ikun konformi mad-dritt għal proċess ġust, l-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu lit-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati assistenza minn avukat, skont din id-Direttiva, ma għandux jinkludi li ġej: l-identifikazzjoni tat-tifel; id-determinazzjoni ta' jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni; il-verifikazzjoni tal-pussess ta' armi jew kwistjonijiet simili oħra ta' sikurezza; it-twettiq ta' atti investigattivi jew ta' ġbir ta' provi oħra minbarra dawk speċifikament imsemmija f'din id-Direttiva, bħal tfittxijiet fuq il-persuna, eżamijiet fiżiċi, testijiet tad-demm għall-alkoħol jew testijiet simili, jew it-teħid ta' ritratti jew marki tas-swaba; jew it-tressiq tat-tifel quddiem awtorità kompetenti jew iċ-ċediment tat-tifel lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jew persuna adulta xierqa oħra, f'konformità mal-liġi nazzjonali.

(29)

Fejn tifel li ma kienx inizjalment suspettat jew persuna akkużata, bħal xhud, isir suspettat jew persuna akkużata, tali tifel għandu jkollu d-dritt li ma jinkriminax lilu nnifsu u d-dritt li jibqa' sieket, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-KEDB, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja) u mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant din id-Direttiva tagħmel referenza espliċita għas-sitwazzjoni prattika fejn tali tifel isir persuna suspettata jew akkużata matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Fejn, matul tali interrogazzjoni, tifel għajr persuna suspettata jew akkużata isir persuna suspettata jew akkużata, l-interrogazzjoni għandha tiġi sospiża sakemm it-tifel jiġi mgħarraf li huwa persuna suspettata jew akkużata u jkun assistit minn avukat f'konformità ma' din id-Direttiva.

(30)

Sakemm dan ikun konformi mad-dritt għal proċess ġust, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw mill-obbligu li jipprovdu assistenza minn avukat meta din ma tkunx proporzjonata fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-kawża, bl-intendiment li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom dejjem ikunu ta' kunsiderazzjoni primarja. Fi kwalunkwe każ, it-tfal għandhom jiġu assistiti minn avukat meta jitressqu quddiem qorti kompetenti jew imħallef sabiex tittieħed deċiżjoni dwar detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, kif ukoll matul id-detenzjoni. Barra minn hekk, iċ-ċaħda tal-libertà m'għandhiex tiġi imposta bħala sentenza kriminali, sakemm it-tifel ma jkunx ġie assistit minn avukat b'tali mod li jippermetti li t-tifel jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta' difiża b'mod effikaċi u, fi kwalunkwe każ, waqt is-smigħ tal-proċess quddiem qorti. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi f'dan ir-rigward.

(31)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw temporanjament mill-obbligu li jipprovdu assistenza minn avukat fil-fażi ta' qabel il-proċess minħabba raġunijiet imperattivi, b'mod partikolari, fejn ikun hemm ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta' persuna, jew fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun indispensabbli biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali relatati ma' reat kriminali serju jiġu preġudikati b'mod sostanzjali, inter alia bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni dwar l-allegati kompliċi ta' reat kriminali serju, jew sabiex jiġi evitat it-telf ta' evidenza importanti fir-rigward ta' reat kriminali serju. Waqt deroga temporanja abbażi ta' waħda minn dawk ir-raġunijiet imperattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jinterrogaw lit-tfal mingħajr ma jkun preżenti l-avukat, dment li jkunu ġew infurmati li għandhom dritt li jibqgħu siekta u li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, u li tali interrogazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża, inkluż d-dritt li ma tinkriminax lilha nnifsha. Għandu jkun possibbli li titwettaq l-interrogazzjoni, safejn meħtieġ, għall-għan uniku li tinkiseb informazzjoni li tkun essenzjali biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta' persuna, jew biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali jiġu preġudikati b'mod sostanzjali. Kwalunkwe abbuż minn din id-deroga temporanja jippreġudika, fil-prinċipju, b'mod irreparabbli d-drittijiet tad-difiża.

(32)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu b'mod ċar fil-liġi nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet u l-kriterji għal tali deroga temporanja, u għandhom jagħmlu użu ristrett tagħha. Kwalunkwe deroga temporanja għandha tkun proporzjonali, tkun strettament limitata fiż-żmien, ma tkunx ibbażata esklużivament fuq it-tip ta' reat kriminali allegat jew il-gravità tiegħu, u ma għandhiex tippreġudika l-ġustizzja kumplessiva tal-proċedimenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn tkun ġiet awtorizzata deroga temporanja f'konformità ma' din id-Direttiva minn awtorità kompetenti li ma tkunx imħallef jew qorti, id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tad-deroga temporanja tista' tiġi valutata minn qorti tal-anqas matul l-istadju tal-proċess.

(33)

Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn it-tfal u l-avukat tagħhom hija essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u hija parti essenzjali tad-dritt għal proċess ġust. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-laqgħat u ta' forom oħra ta' komunikazzjoni bejn l-avukat u t-tifel fil-kuntest tal-assistenza minn avukat prevista f'din id-Direttiva, mingħajr deroga. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jindirizzaw is-sitwazzjoni fejn ikun hemm ċirkostanzi oġġettivi u fattwali li jqanqlu s-suspett li l-avukat huwa involut flimkien mat-tifel suspettat jew akkużat f'reat kriminali. Kwalunkwe attività kriminali min-naħa tal-avukat ma għandhiex titqies bħala assistenza leġittima tat-tfal fil-qafas ta' din id-Direttiva. L-obbligu li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità ma jimplikax biss li l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jinterferixxu f'tali komunikazzjoni, jew ikollhom aċċess għaliha, imma jimplika wkoll li, meta t-tfal suspettati jew akkużati jiġu mċaħħda mil-libertà jew altrimenti jsibu ruħhom f'post taħt il-kontroll tal-Istat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti għall-komunikazzjoni jiddefendu u jipproteġu tali kunfidenzjalità. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe mekkaniżmu fis-seħħ f'faċilitajiet ta' detenzjoni bl-għan li jiġi evitat li d-detenuti jirċievu oġġetti illegali, bħall-iċċekkjar tal-korrispondenza, dment li tali mekkaniżmi ma jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti li jaqraw il-komunikazzjoni bejn it-tfal u l-avukat tagħhom. Din id-Direttiva hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali li skonthom it-trasmissjoni tal-korrispondenza tista' tiġi rifjutata jekk min jibgħatha ma jaqbilx li l-korrispondenza tintbagħat l-ewwel lil qorti kompetenti.

(34)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal ksur ta' kunfidenzjalità li hija inċidentali għal operazzjoni ta' sorveljanza legali minn awtoritajiet kompetenti. Din id-Direttiva għandha tkun ukoll mingħajr preġudizzju għall-ħidma li ssir, pereżempju, mis-servizzi tal-intelligence nazzjonali, biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali skont l-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jew li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 72 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li skont it-Titolu V tal-Parti III tat-TFUE dwar l-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, m'għandhiex taffettwa l-eżerċizzju tar-responsabilitajiet tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

(35)

Tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali għandu jkollhom id-dritt għal valutazzjoni individwali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom rigward il-protezzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-integrazzjoni soċjali, sabiex jiġi determinat jekk jeħtiġux miżuri speċjali matul il-proċedimenti kriminali, il-livell tar-responsabilità kriminali tagħhom u l-adegwatezza tal-piena jew tal-miżura edukattiva partikolari.

(36)

Il-valutazzjoni individwali għandha, b'mod partikolari, tqis il-personalità tat-tifel u l-maturità, l-isfond ekonomiku, soċjali, u familjari tat-tifel, inkluż l-ambjent li jgħix fih, u kwalunkwe vulnerabilitajiet speċifiċi tat-tifel, bħal diżabilitajiet fit-tagħlim u diffikultajiet ta' komunikazzjoni.

(37)

Għandu jkun possibbli li jiġu adattati l-livell u d-dettall tal-valutazzjoni individwali skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, filwaqt li jitqiesu s-serjetà tal-allegat reat kriminali u l-miżuri li jistgħu jittieħdu jekk it-tifel jinsab ħati tal-allegat reat. Valutazzjoni individwali li tkun saret fir-rigward tal-istess tifel fil-passat reċenti tkun tista' tiġi użata jekk tkun aġġornata.

(38)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-informazzjoni li toħroġ minn valutazzjoni individwali meta jiġi determinat jekk għandhiex tittieħed xi miżura speċifika li tikkonċerna t-tifel, bħal pereżempju l-għoti ta' kwalunkwe assistenza prattika; meta ssir valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effikaċja ta' kwalunkwe miżura ta' prekawzjoni fir-rigward tat-tifel, bħal deċiżjonijiet dwar detenzjoni proviżorja jew miżuri alternattivi; u l-kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi individwali tat-tifel, meta jkunu qed jieħdu kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali, inkluż meta tingħata s-sentenza. Fejn valutazzjoni individwali tkun għadha mhux disponibbli, dan m'għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri jew deċiżjonijiet bħal dawn, dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva jiġu rispettati, inkluż it-twettiq tal-valutazzjoni individwali fl-aktar stadju bikri xieraq tal-proċedimenti. L-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri jew deċiżjonijiet li jittieħdu qabel ma titwettaq valutazzjoni individwali jistgħu jkunu valutati mill-ġdid fejn il-valutazzjoni individwali ssir disponibbli.

(39)

Il-valutazzjoni individwali għandha sseħħ fl-aktar stadju bikri xieraq tal-proċedimenti u fi żmien xieraq sabiex l-informazzjoni li toħroġ minnha tkun tista' tiġi kkunsidrata mill-prosekutur, imħallef jew awtorità kompetenti oħra qabel il-preżentazzjoni tal-att ta' akkuża għall-finijiet tal-proċess. Madankollu għandu jkun possibbli li jiġi ppreżentat att ta' akkuża fin-nuqqas ta' valutazzjoni individwali, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, fejn it-tifel ikun f'detenzjoni ta' qabel il-proċess u l-istennija li l-valutazzjoni individwali ssir disponibbli toħloq ir-riskju li tali detenzjoni tittawwal bla bżonn.

(40)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw mill-obbligu li ssir valutazzjoni individwali, meta tali deroga tkun ġustifikata fiċ-ċirkostanzi tal-każ, waqt li tkun ikkunsidrata, inter alia, is-serjetà tal-allegat reat kriminali u l-miżuri li jkunu jistgħu jittieħdu jekk it-tifel jinstab ħati tat-tali reat, sakemm id-deroga tkun kompatibbli mal-aħjar interessi tat-tifel. F'dak il-kuntest, l-elementi rilevanti kollha għandhom jiġu kkunsidrati, inkluż jekk it-tifel fil-passat reċenti kienx is-suġġett ta' valutazzjoni individwali fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali jew le, jew jekk il-każ konċernat ikunx wieħed li jista' jitmexxa mingħajr att ta' akkuża.

(41)

Id-dmir ta' kura lejn tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati huwa l-bażi ta' amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja, b'mod partikolari meta t-tfal ikunu mċaħħda mil-libertà tagħhom u, għaldaqstant, ikunu f'pożizzjoni partikolarment dgħajfa. Sabiex tiġi żgurata l-integrità personali tat-tifel li jiġi mċaħħad mil-libertà, it-tifel għandu jkollu d-dritt għal eżami mediku. Tali eżami mediku għandu jsir minn tabib jew professjonista kwalifikat ieħor, jew fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikolari meta indikazzjonijiet speċifiċi tas-saħħa jiġġustifikaw tali eżami, jew b'rispons għal talba tat-tifel, tad-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri, jew tal-avukat tat-tifel. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti prattiċi dwar l-eżamijiet mediċi li għandhom jitwettqu f'konformità ma' din id-Direttiva, u dwar l-aċċess tat-tfal għal dawn l-eżamijiet. Tali arranġamenti jistgħu, inter alia, jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn żewġ talbiet jew aktar għal eżamijiet mediċi jsiru fir-rigward tal-istess tifel f'perjodu qasir ta' żmien.

(42)

Tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali mhux dejjem ikunu kapaċi jifhmu l-kontenut tal-intervisti li jkunu soġġetti għalihom. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni suffiċjenti ta' tali tfal, l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħra għandha għalhekk tiġi reġistrata b'mod awdjoviżiv meta jkun proporzjonat li dan isir, filwaqt li jitqies, inter alia, jekk ikunx preżenti avukat jew le u jekk it-tifel ikunx imċaħħad mil-libertà jew le, bl-intendiment li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom dejjem ikunu ta' kunsiderazzjoni primarja. Din id-Direttiva ma teħtieġx li l-Istati Membri jirreġistraw l-interrogazzjoni tat-tfal minn imħallef jew minn qorti.

(43)

Fejn reġistrazzjoni awdjoviżiva għandha ssir f'konformità ma' din id-Direttiva imma problema teknika insormontabbli tagħmilha impossibbli li ssir din ir-reġistrazzjoni, il-pulizija jew awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħrajn għandhom ikunu jistgħu jinterrogaw lit-tifel mingħajr reġistrazzjoni awdjoviżiva, sakemm ikunu saru sforzi raġonevoli biex tingħeleb il-problema teknika, ma jkunx xieraq li jipposponu l-interrogazzjoni, sakemm dan ikun kompatibbli mal-aħjar interessi tat-tifel.

(44)

Sew jekk l-interrogazzjoni tat-tfal tkunx irreġistrata b'mod awdjoviżiv jew le, l-interrogazzjoni għandha fi kwalunkwe każ issir b'tali mod li tqis l-età u l-maturità tat-tfal ikkonċernati.

(45)

It-tfal jkunu f'pożizzjoni partikolarment vulnerabbli meta jiġu mċaħħda mil-libertà. Għandhom għalhekk isiru sforzi speċjali sabiex tkun evitata ċ-ċaħda tal-libertà u, b'mod partikolari, id-detenzjoni tat-tfal fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti qabel id-determinazzjoni finali minn qorti tal-kwistjoni dwar jekk it-tifel ikkonċernat ikunx wettaq ir-reat kriminali, minħabba r-riskji possibbli għall-iżvilupp fiżiku, mentali u soċjali tagħhom, u minħabba li ċ-ċaħda mil-libertà tista' xxekkel l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi, bħal linji gwida jew istruzzjonijiet lill-uffiċjali tal-pulizija, dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-rekwiżit għal sitwazzjonijiet ta' kustodja tal-pulizija. Fi kwalunkwe każ, dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-possibilità għal uffiċjali tal-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi li jaqbdu lit-tifel f'sitwazzjonijiet fejn, prima facie, jidher li jkun meħtieġ li wieħed jagħmel hekk, bħal fil-każ ta' in flagrante delicto jew immedjatament wara li jkun seħħ reat kriminali.

(46)

L-awtoritajiet kompetenti dejjem għandhom jikkunsidraw miżuri alternattivi għad-detenzjoni (miżuri alternattivi) u għandhom jirrikorru għal miżuri bħal dawn fejn ikun possibbli. Tali miżuri alternattivi jistgħu jinkludu obbligu biex it-tifel ma jkunx f'ċerti postijiet jew obbligu għat-tifel li jgħix f'post speċifiku, restrizzjonijiet li jikkonċernaw kuntatt ma' persuni speċifiċi, l-obbligu ta' preżentazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti, parteċipazzjoni fi programmi edukattivi, jew, soġġett għall-kunsens tat-tifel, parteċipazzjoni fi programmi ta' trattament terapewtiku jew ta' disintossikazzjoni.

(47)

Id-detenzjoni tat-tfal għandha tkun soġġetta għal rieżami perjodiku minn qorti, li tista' tkun komposta minn imħallef li jippresjiedi waħdu. Għandu jkun possibbli li tali rieżami perjodiku jitwettaq ex officio mill-qorti, jew fuq talba tat-tifel, tal-avukat tat-tifel jew ta' awtorità ġudizzjarja li mhix qorti, b'mod partikolari prosekutur. L-Istati Membri għandhom jipprovdu arranġamenti prattiċi f'dan ir-rigward, inkluż rigward is-sitwazzjoni fejn rieżami perjodiku jkun diġà twettaq ex officio mill-qorti u t-tifel jew l-avukat tat-tifel jitlob li jitwettaq wieħed ieħor.

(48)

Meta t-tfal ikunu detenuti huma għandhom jibbenefikaw minn miżuri speċjali ta' protezzjoni. B'mod partikolari huma għandhom jinżammu separati mill-adulti sakemm ma jkunx meqjus li huwa fl-aħjar interess tat-tifel li ma jsirx hekk, f'konformità mal-Artikolu 37(c) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Meta tifel detenut jilħaq l-età ta' 18-il sena, għandu jkun possibbli li fejn meħtieġ jibqa' miżmum separatament, b'konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-persuna konċernata. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-mod kif jiġu trattati t-tfal detenuti minħabba l-vulnerabilità intrinsika tagħhom. It-tfal għandu jkollhom aċċess għal faċilitajiet edukattivi skont il-ħtiġijiet tagħhom.

(49)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li tfal huma suspettati jew li huma persuni akkużati u li huma miżmuma fil-kustodja tal-pulizija jinżammu separati mill-adulti, sakemm ma jiġix ikkunsidrat li huwa fl-aħjar interess tat-tifel li ma jsirx hekk, jew jekk, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli li fil-prattika jsir dan, sakemm it-tfal jinżammu flimkien mal-adulti b'mod li jkun kompatibbli mal-aħjar interessi tat-tifel. Pereżempju, f'żoni b'popolazzjoni baxxa, għandu jkun possibbli, b'mod ta' eċċezzjoni li t-tfal jinżammu fil-kustodja tal-pulizija mal-adulti, sakemm dan ma jmurx kontra l-aħjar interessi tat-tifel. F'tali sitwazzjonijiet, għandha tkun mitluba viġilanza partikolari min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġi protetta l-integrità fiżika u l-benesseri tat-tifel.

(50)

Għandu jkun possibbli li t-tfal jiġu detenuti maż-żgħażagħ sakemm dan ma jmurx kontra l-aħjar interessi tat-tfal. Huwa għall-Istati Membri li jiddeterminaw liema persuni huma kkunsidrati li jkunu żgħażagħ skont il-liġi u l-proċeduri nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa jiddeterminaw li l-persuni li għandhom aktar minn 24 sena ma jistgħux jikkwalifikaw bħala żgħażagħ.

(51)

Meta t-tfal huma detenuti, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kif stabbilit f'din id-Direttiva. Tali miżuri għandhom, inter alia, jiżguraw l-eżerċizzju effettiv u regolari tad-dritt għall-ħajja familjari. It-tfal għandu jkollhom id-dritt li jżommu kuntatt regolari mal-ġenituri tagħhom, mal-familja u mal-ħbieb permezz ta' żjarat u korrispondenza, sakemm ma jkunux meħtieġa restrizzjonijiet eċċezzjonali fl-aħjar interessi tat-tifel jew fl-interessi tal-ġustizzja.

(52)

L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll miżuri xierqa biex jiżguraw ir-rispett għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin tat-tifel. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom, b'mod partikolari, jibqgħu lura milli jindaħlu fir-reliġjon jew it-twemmin tat-tifel. L-Istati Membri mhumiex rikjesti madankollu li jieħdu passi attivi biex jgħinu lit-tfal fil-qima.

(53)

Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu miżuri xierqa f'sitwazzjonijiet oħra ta' ċaħda tal-libertà. Il-miżuri meħuda għandhom ikunu proporzjonati u xierqa għan-natura taċ-ċaħda tal-libertà, bħal kustodja jew detenzjoni tal-pulizija, u għat-tul ta' żmien tagħha.

(54)

Professjonisti f'kuntatt dirett mat-tfal għandhom iqisu l-ħtiġijiet partikolari li jkollhom tfal ta' etajiet differenti u għandhom jiżguraw li l-proċedimenti jkunu adattati għalihom. Għal dawk l-għanijiet, dawk il-professjonisti għandhom ikunu speċifikament imħarrġa biex jaħdmu mat-tfal.

(55)

It-tfal għandhom jiġu trattati b'mod adattat għall-età tagħhom, għall-bżonnijiet speċjali tagħhom, għall-maturità tagħhom u għal-livell ta' fehim, b' kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tagħhom, inkluż kwalunkwe diffikultajiet ta' komunikazzjoni li jista' jkollhom.

(56)

B'kunsiderazzjoni tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali fl-Istati Membri, il-privatezza tat-tfal matul il-proċedimenti kriminali għandha tiġi żgurata bl-aħjar mod possibbli bil-ħsieb, inter alia, li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tat-tfal fis-soċjetà. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li seduti tal-qorti li jinvolvu tfal jkunu abitwalment miżmuma bil-bibien magħluqa, jew jippermettu lill-qrati jew imħallfin jiddeċiedu li jorganizzaw dawn is-seduti bil-bibien magħluqa. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal sentenzi pronunzjati pubblikament f'konformità mal-Artikolu 6 tal-KEDB.

(57)

It-tfal għandu jkollhom id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt is-seduti tal-qorti li jkunu involuti fihom. Jekk iżjed minn persuna waħda jkollhom ir-responsabilità tal-ġenituri fir-rigward tal-istess tifel, it-tifel għandu jkollu d-dritt li jkun akkumpanjat minnhom ilkoll, sakemm dan ma jkunx possibbli fil-prattika minkejja l-isforzi raġonevoli tal-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti prattiċi għall-eżerċizzju mit-tfal tad-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt is-seduti tal-qorti li jkunu involuti fihom u dwar il-kundizzjonijiet li taħthom persuna li takkumpanja tista' tiġi eskluża temporanjament minn seduti tal-qorti. Tali arranġamenti jistgħu, inter alia, jindirizzaw is-sitwazzjoni fejn id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jkun temporanjament mhux disponibbli li jakkumpanja lit-tifel jew fejn id-detentur ma jkunx irid jagħmel użu mill-possibilità li jakkumpanja lit-tifel, sakemm jittieħed kont tal-aħjar interessi tat-tifel.

(58)

F'ċerti ċirkostanzi, li jistgħu wkoll ikunu relatati ma' waħda biss mill-persuni li jkollhom ir-responsabilità tal-ġenituri, it-tifel għandu jkollu d-dritt li jkun akkumpanjat matul is-seduti tal-qorti minn adult xieraq ieħor li ma jkunx id-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri. Waħda minn dawk iċ-ċirkostanzi hija fejn il-preżenza tad-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri li jkun qed jakkumpanja lit-tifel tista' tippreġudika l-proċedimenti kriminali b'mod sostanzjali, b'mod partikolari, fejn ċirkostanzi oġġettivi u fattwali jindikaw jew jagħtu lok għal suspett li l-provi jistgħu jinqerdu jew jiġu mibdula, ix-xhieda tista' tiġi influwenzata, jew id-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri seta' kien involut mat-tifel fl-attività kriminali allegata.

(59)

F'konformità ma' din id-Direttiva, it-tfal għandu wkoll ikollhom id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt stadji oħra tal-proċedimenti li fihom huma jkunu preżenti, pereżempju waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija.

(60)

Id-dritt ta' persuna akkużata li tidher personalment fil-proċess huwa bbażat fuq id-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprovdu inċentivi biex it-tfal jattendu għall-proċess tagħhom, inkluż billi jitressqu personalment u billi tintbagħat kopja taċ-ċitazzjoni lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jew, fejn dan imur kontra l-aħjar interessi tat-tifel, lil persuna adulta xierqa oħra. L-Istati Membri għandhom jipprovdu arranġamenti prattiċi rigward il-preżenza ta' tifel fil-proċess. Dawn l-arranġamenti jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li taħthom tifel jista' jiġi eskluż temporanjament mill-proċess.

(61)

Ċerti drittijiet previsti minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għat-tfal li huma persuni rikjesti minn meta jiġu arrestati fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.

(62)

Il-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew huma kruċjali għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'materji kriminali. Il-konformità tal-limiti ta' żmien li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI hija essenzjali għal tali kooperazzjoni. Għaldaqstant, filwaqt li t-tfal li huma persuni rikjesti għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod sħiħ skont din id-Direttiva fi proċedimenti relatati mal-mandat ta' arrest Ewropew, dawk il-limiti ta' żmien għandhom jiġu rispettati.

(63)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li mħallfin u prosekuturi li jittrattaw proċedimenti kriminali li jinvolvu t-tfal ikollhom kompetenza speċifika f'dan il-qasam jew li jkollhom aċċess effettiv għal taħriġ speċifiku, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal, it-tekniki adattati għall-interrogazzjoni, il-psikoloġija tat-tfal, u l-komunikazzjoni b'lingwaġġ adattat għat-tfal. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu miżuri xierqa biex jippromwovu l-għoti ta' tali taħriġ speċifiku lill-avukati li jittrattaw il-proċedimenti kriminali li jinvolvu t-tfal.

(64)

Sabiex tiġi monitorjata u valutata l-effikaċja ta' din id-Direttiva, jeħtieġ li tinġabar data rilevanti, minn data disponibbli, rigward l-implimentazzjoni tad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva. Tali data tinkludi data rreġistrata mill-awtoritajiet ġudizzjarji u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u, sa fejn ikun possibbli, id-data amministrattiva miġbura mis-servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-assistenza soċjali b'rabta mad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, b'mod partikolari rigward l-għadd ta' tfal mogħtija aċċess għas-servizzi ta' avukat, l-għadd ta' valutazzjonijiet individwali mwettqa, l-għadd ta' intervisti rreġistrati b'mod awdjoviżiv u l-għadd ta' tfal li ġew imċaħħda mil-libertà.

(65)

L-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jiggarantixxu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħar-razza, il-kulur, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, il-lingwa, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew soċjali, il-proprjetà, id-diżabilità jew it-twelid.

(66)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta u fil-KEDB, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta' trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza, u d-drittijiet tad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(67)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva bl-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. Tali livell ogħla ta' protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostaklu għar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi ġudizzjarji li dawn ir-regoli minimi huma mfassla li jiffaċilitaw. Il-livell ta' protezzjoni pprovduta mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(68)

Ġaladarba l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi komuni dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, ma jkunux jistgħu jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jkunu jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar, minħabba l-iskala u l-effett tagħha, fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(69)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-TUE u għat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhumiex marbutin minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(70)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-TUE u għat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhix marbuta minnha jew sogġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(71)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (10), l-Istati Membri refgħu r-responsabilità li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur jikkunsidra li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti drittijiet ta' tfal li huma:

(a)

suspettati jew persuni akkużati fi proċediment,

(b)

soġġetti għall-proċedura ta' mandat ta' arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI (persuni rikjesti).

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għat-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali. Din tapplika sad-determinazzjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet reat kriminali, inkuż, fejn applikabbli, l-għoti ta' sentenza u r-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe appell.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal tfal li huma soġġetti għall-proċedimenti relatati mal-(persuni rikjesti) mill-mument tal-arrest tagħhom fl-Istat Membru li jeżegwih b'konformità mal-Artikolu 17.

3.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5, il-punt (b) tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 15, safejn dwak id-dispożizzjonijiet jirreferu għal detentur tar-responsabilità tal-ġenituri, din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, tapplika għal persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, fejn tali persuni kienu tfal meta ġew soġġetti għal dawn il-proċedimenti, iżda sussegwentement laħqu l-età ta' 18-il sena, u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, hija xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi l-maturità u l-vulnerabilità tal-persuna kkonċernata. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva meta l-persuna kkonċernata tkun laħqet l-età ta' 21.

4.   Din id-Direttiva tapplika għal tfal li ma kinux inizjalment persuni suspettati jew akkużati iżda li jsiru persuni suspettati jew akkużati matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi.

5.   Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li jiddeterminaw l-età tar-responsabilità kriminali.

6.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal proċess ġust, fir-rigward ta' reati minuri:

(a)

meta l-liġi ta' Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta' sanzjoni minn awtorità li mhix qorti li jkollha kompetenza f'materji kriminali, u l-impożizzjoni ta' tali sanzjoni tista' tiġi appellata jew tkun riferuta għal tali qorti; jew

(b)

meta ċ-ċaħda tal-libertà ma tkunx tista' tiġi imposta bħala sanzjoni

din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti quddiem qorti li jkollha kompetenza f'materji kriminali.

Fi kwalunkwe każ, din id-Direttiva għandha tapplika b'mod sħiħ meta t-tfal ikunu mċaħħda mil-libertà, irrispettivament mill-istadju tal-proċedimenti kriminali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tifel” tfisser persuna taħt l-età ta' 18-il sena;

(2)

“detentur tar-responsabilità tal-ġenituri” tfisser kwalunkwe persuna li għandhom r-responsabilità tal-ġenituri fuq it-tifel;

(3)

“responsabilità tal-ġenituri” tfisser id-drittijiet u r-responsabilitajiet kollha relatati mal-persuna jew il-proprjetà tat-tifel li huma mogħtija lil persuna fiżika jew persuna ġuridika b'sentenza, bl-operazzjoni tal-liġi jew b'xi ftehim li għandu effetti legali, inkluż id-drittijiet tal-kustodja u drittijiet ta' aċċess.

Fir-rigward tal-punt (1) tal-ewwel paragrafu, fejn ikun hemm inċertezza dwar jekk persuna jkollhiex l-età ta' 18-il sena, dik il-persuna għandha titqies tifel.

Artikolu 4

Dritt għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta t-tfal jkunu mgħarrfa li huma suspettati jew li huma persuni akkużati, huma jiġu infurmati fil-pront dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 2012/13/UE u dwar aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċeduri. L-Istati

Membri għandhom ukoll jiżguraw li t-tfal jiġu infurmati dwar id-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva. Dik l-informazzjoni għandha tiġi mogħtija kif ġej:

(a)

fil-pront malli t-tfal jiġu mgħarrfa li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati fir-rigward ta':

(i)

id-dritt li d-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jiġi mgħarraf, kif previst fl-Artikolu 5;

(ii)

id-dritt li jiġu assistiti minn avukat, kif previst fl-Artikolu 6;

(iii)

id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-privatezza, kif previst fl-Artikolu 14;

(iv)

id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt xi stadji tal-proċedimenti għajr seduti tal-qorti, kif prevista fl-Artikolu 15(4);

(v)

id-dritt għall-għajnuna legali, kif previst fl-Artikolu 18;

(b)

fl-istadju l-aktar bikri xieraq tal-proċedimenti, fir-rigward ta':

(i)

id-dritt għal valutazzjoni individwali, kif previst fl-Artikolu 7;

(ii)

id-dritt għal eżami mediku, inkluż id-dritt għal assistenza medika, kif previst fl-Artikolu 8;

(iii)

id-dritt għal limitazzjoni ta' ċaħda tal-libertà u tal-użu ta' miżuri alternattivi, inkluż id-dritt għal rieżami perjodiku tad-detenzjoni, kif previst fl-Artikoli 10 u 11;

(iv)

id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt is-seduti tal-qorti, kif previst fl-Artikolu 15(1);

(v)

id-dritt li jkunu fiżikament preżenti waqt il-proċess, kif previst fl-Artikolu 16;

(vi)

id-dritt għal rimedji effikaċi, kif previst fl-Artikolu 19;

(c)

malli jiġu mċaħħda mil-libertà fir-rigward tad-dritt għal trattament speċifiku matul iċ-ċaħda tal-libertà, kif previst fl-Artikolu 12.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun mogħtija bil-miktub, bil-fomm jew bit-tnejn, b'lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, u li l-informazzjoni mogħtija tiġi reġistrata, bl-użu ta' proċedura ta' reġistrazzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali.

3.   Meta t-tfal, jingħataw Ittra tad-Drittijiet skont id-Direttiva 2012/13/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali Ittra tkun tinkludi riferenza għad-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dritt tat-tifel li d-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jiġi mgħarraf

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jingħata malajr kemm jista' jkun l-informazzjoni li t-tifel jirċievi f'konformità mal-Artikolu 4.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata lil persuna adulta oħra xierqa nominata mit-tifel u aċċettata bħala tali mill-awtorità kompetenti meta ta' dik l-informazzjoni tingħata lid-detentur ta' responsabilità tal-ġenituri:

(a)

ikun imur kontra l-aħjar interessi tat-tifel;

(b)

ma jkunx possibbli minħabba li, wara li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-ebda detentur tar-responsabilità tal-ġenituri ma jkun jista' jintlaħaq jew l-identità tiegħu jew tagħha ma tkunx magħrufa;

(c)

ikun jista', abbażi ta' ċirkostanzi oġġettivi u fattwali, sostanzjalment jippreġudika l-proċedimenti kriminali.

Fejn it-tifel ma jkunx innomina persuna adulta xierqa oħra, jew fejn l-adult li jkun ġie nominat mit-tifel ma jkunx aċċettabbli għall-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għandha tieħu kont tal-aħjar interessi tat-tifel, taħtar persuna oħra u tagħtiha l-informazzjoni. Dik il-persuna tkun tista' wkoll tkun ir-rappreżentant ta' awtorità jew ta' istituzzjoni oħra responsabbli għall-protezzjoni jew il-benesseri tat-tifel.

3.   Meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-applikazzjoni ta' punt (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2 ma jibqgħux jeżistu, kwalunkwe informazzjoni li t-tifel jirċievi f'konformità mal-Artikolu 4, u li tkun għadha rilevanti matul il-proċedimenti, għandha tingħata lid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri.

Artikolu 6

Assistenza minn avukat

1.   It-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati li jkunu wettqu reat kriminali għandhom id-dritt ta' aċċess għal avukat f'konformità mad-Direttiva 2013/48/UE. Xejn f'din id-Direttiva, b'mod partikolari f'dan l-Artikolu, m'għandu jaffettwa dak id-dritt.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat f'konformità ma' dan l-Artikolu biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b'mod effikaċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat mingħajr dewmien żejjed ladarba jiġu mgħarrfa li huma persuni suspettati jew akkużati. Fi kwalunkwe każ, it-tfal għandhom jiġu assistiti minn avukat mill-aktar mument bikri fost is-segwenti:

(a)

qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;

(b)

mat-twettiq minn awtorità ta' investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta' att investigattiv jew att ieħor ta' ġbir ta' provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 4;

(c)

mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;

(d)

fejn jkunu ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f'materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti.

4.   Assistenza minn avukat għandha tinkludi s-segwenti:

(a)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ikollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat u jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;

(b)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat meta jkunu qed jiġu interrogati, u li l-avukat ikun jista' jipparteċipa b'mod effettiv waqt l-interrogazzjoni. Tali parteċipazzjoni għandha titmexxa skont il-proċeduri skont il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Fejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni, il-fatt li tkun seħħet tali parteċipazzjoni għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta' reġistrar skont il-liġi nazzjonali;

(c)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal, bħala minimu, jiġu assistiti minn avukat matul is-segwenti atti investigattivi jew atti ta' ġbir ta' provi, meta dawk l-atti huma previsti skont il-liġi nazzjonali u jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkun meħtieġa jew imħollija tkun preżenti għall-att konċernat:

(i)

ringieli ta' persuni għall-identifikazzjoni;

(ii)

konfrontazzjonijiet;

(iii)

rikostruzzjonijiet sperimentali tax-xena tar-reat kriminali.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn it-tfal u l-avukat tagħhom fl-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess għall-assistenza ta' avukat, previst f'din id-Direttiva. Tali komunikazzjoni għandha tinkludi l-laqgħat, il-korrispondenza, il-konverżazzjonijiet telefoniċi u forom oħra ta' komunikazzjoni permessi skont il-liġi nazzjonali.

6.   Sakemm dan ikun f'konformità mad-dritt għal proċess ġust, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 3 fejn l-assistenza minn avukat ma tkunx proporzjonata fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, waqt li titqies il-gravità tal-allegat reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u l-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta' tali reat, bl-intendiment li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja.

Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat:

(a)

meta jitressqu quddiem qorti kompetenti jew imħallef sabiex tittieħed deċiżjoni dwar detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva; u

(b)

matul id-detenzjoni.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li ċ-ċaħda tal-libertà m'għandhiex tiġi imposta bħala sentenza kriminali, sakemm it-tifel ma jkunx ġie assistit minn avukat b'tali mod li jippermetti li t-tifel jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta' difiża b'mod effikaċi u, fi kwalunkwe każ, waqt is-seduti tal-proċess quddiem qorti.

7.   Meta t-tifel jiġi assistit minn avukat f'konformità ma' dan l-Artikolu iżda ebda avukat ma jkun preżenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipposponu l-interrogazzjoni tat-tifel, jew atti investigattivi jew atti ta' ġbir ta' provi oħra previsti fil-punt (c) tal-paragrafu 4, għal perjodu ta' żmien raġonevoli biex jippermettu l-wasla tal-avukat meta tifel, jew fejn it-tifel ma qabbadx avukat, biex iqabbdu avukat għat-tifel.

8.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta' qabel il-proċess, l-Istati Membri jistgħu temporanjament jidderogaw mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sa fejn dan ikun ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta' waħda mir-raġunijiet imperattivi li ġejjin:

(a)

meta jkun hemm ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi serji kontra l-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta' persuna;

(b)

meta azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali rigward reat kriminali serju jiġu preġudikati b'mod sostanzjali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jiġi applikat dan il-paragrafu, għandhom jikkunsidraw l-aħjar interessi tat-tifel.

Deċiżjoni li titmexxa interrogazzjoni fin-nuqqas tal-avukat skont dan il-paragrafu tista' tittieħed biss abbażi ta' każ b'każ minn awtorità ġudizzjarja, jew minn awtorità kompetenti oħra, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tista' tiġi soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

Artikolu 7

Dritt għal valutazzjoni individwali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal rigward il-protezzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-integrazzjoni soċjali.

2.   Għal dan l-għan it-tfal li huma persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali għandhom ikunu valutati individwalment. Il-valutazzjoni individwali għandha, b'mod partikolari, tqis il-personalità u l-maturità tat-tifel, l-isfond ekonomiku, soċjali u familjari tat-tifel, kif ukoll kwalunkwe vulnerabilitajiet speċifiċi li jista' jkollu t-tifel.

3.   Il-firxa u d-dettall tal-valutazzjoni individwali jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-miżuri li jistgħu jittieħdu jekk it-tifel jinstab ħati tal-allegat reat kriminali, u jekk it-tifel fil-passat reċenti kienx is-suġġett ta' valutazzjoni individwali.

4.   Il-valutazzjoni individwali għandha sservi biex tiġi stabbilita u reġistrata, skont il-proċedura ta' reġistrazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, tali informazzjoni dwar il-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi individwali tat-tifel li jistgħu jkunu utli għall-awtoritajiet kompetenti meta:

(a)

jkun qed jiġi determinat jekk għandhiex tittieħed kwalunkwe miżura speċifika li tibbenefika lit-tifel;

(b)

ikunu qed jiġu valutati l-adegwatezza u l-effikaċja ta' kwalunkwe miżura ta' prekawzjoni fir-rigward tat-tifel;

(c)

tkun qed tittieħed kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni fil-proċedimenti kriminali, inkluż meta tingħata s-sentenza.

5.   Il-valutazzjoni individwali għandha titwettaq fl-aktar stadju bikri xieraq tal-proċedimenti u, soġġett għall-paragrafu 6, qabel l-att ta' akkuża.

6.   Fin-nuqqas ta' valutazzjoni individwali, att ta' akkuża jista' madankollu jiġi ppreżentat sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel u sakemm il-valutazzjoni individwali hija fi kwalunkwe każ disponibbli fil-bidu tas-seduti tas-smigħ tal-proċess quddiem qorti.

7.   Il-valutazzjonijiet individwali għandhom jitwettqu bl-involviment mill-qrib tat-tifel. Dawn għandhom jitwettqu minn persunal kwalifikat, li jsegwi, sa fejn hu possibbli, approċċ multidixxiplinari u li jinvolvi, fejn ikun xieraq, id-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri, jew persuna adulta xieraq oħra kif imsemmija fl-Artikoli 5 u 15 u/jew professjonista speċjalizzata.

8.   Jekk l-elementi li jiffurmaw il-bażi tal-valutazzjoni individwali jinbidlu b'mod sinifikanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni individwali tkun aġġornata matul il-proċedimenti kriminali.

9.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-obbligu li jwettqu valutazzjoni individwali fejn tali deroga tkun ġustifikata miċ-ċirkostanzi tal-każ, u sakemm dan ikun kompatibbli mal-aħjar interessi tat-tifel.

Artikolu 8

Dritt għal eżami mediku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tfal li jiġu mċaħħda mil-libertà jkollhom id-dritt għal eżami mediku mingħajr dewmien żejjed b'mod partikolari bl-għan li tiġi valutata l-kundizzjoni mentali u fiżika ġenerali tagħhom. L-eżami mediku għandu jkun kemm jista' jkun mhux invażiv u għandu jitwettaq minn tabib jew professjonist kwalifikat ieħor.

2.   Ir-riżultati tal-eżami mediku għandhom jitqiesu meta jkun qed jiġi determinat jekk it-tifel ikunx kapaċi li jiġi soġġett għal interrogazzjoni, atti oħra investigattivi jew ta' ġbir tal-provi, jew kwalunkwe miżura meħuda jew maħsuba kontra t-tifel.

3.   Tali eżami mediku għandu jitwettaq, fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikolari meta indikazzjonijiet speċifiċi tas-saħħa jirrikjedu tali eżami, jew fuq talba ta' dawn li ġejjin:

(a)

it-tifel,

(b)

id-detentur tal-awtorità tal-ġenituri jew persuna adulta xierqa oħra kif imsemmi fl-Artikoli 5 u 15;

(c)

l-avukat tat-tfal.

4.   Il-konklużjoni tal-eżami mediku għandha tkun reġistrata bil-miktub. Fejn ikun meħtieġ, għandha tingħata assistenza medika.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir eżami mediku ieħor meta ċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan.

Artikolu 9

Reġistrazzjoni awdjoviżiva tal-interrogazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interrogazzjoni tat-tfal mill-pulizija jew minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħra matul il-proċedimenti kriminali, tiġi rreġistrata b'mod awdjoviżiv fejn dan ikun proporzjonat fiċ-ċirkostanzi tal-każ, waqt li jitqies, inter alia, jekk avukat ikunx preżenti jew le u jekk it-tifel ikunx imċaħħad mil-libertà jew le, sakemm l-aħjar interessi tat-tifel huma dejjem kunsiderazzjoni primarja.

2.   Fl-assenza ta' reġistrazzjoni awdjoviżiva, l-interrogazzjoni għandha tiġi reġistrata b'mod xieraq ieħor, bħal pereżempju b' minuti bil-miktub, li jiġu debitament verifikati.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibilità li jsiru mistoqsijiet għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni tat-tifel mingħajr reġistrazzjoni awdjoviżiva.

Artikolu 10

Limitazzjoni taċ-ċaħda tal-libertà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċaħda tal-libertà ta' tifel f'kull stadju tal-proċedimenti huwa limitat għall-iqsar perjodu ta' żmien possibbli. Għandhom jitqiesu l-età u s-sitwazzjoni individwali tat-tifel, u ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċaħda tal-libertà, b'mod partikolari d-detenzjoni, għandha tkun imposta fuq it-tfal biss, bħala l-aħħar alternattiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe detenzjoni tkun ibbażata fuq deċiżjoni motivata li tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju minn qorti. Tali deċiżjoni għandha tkun suġġetta wkoll għal stħarriġ perjodiku, f'intervalli ta' żmien raġonevoli, minn qorti li għandu jitwettaq ex officio jew fuq talba tat-tifel, tal-avukat tat-tifel, jew ta' awtorità ġudizzjarja li mhijiex qorti. Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu skont dan il-paragrafu jittieħdu mingħajr dewmien mhux ġustifikat.

Artikolu 11

Miżuri alternattivi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull fejn ikun possibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom rikors għal miżuri alternattivi għad-detenzjoni (miżuri alternattivi).

Artikolu 12

Trattament speċifiku fil-każ ta' ċaħda tal-libertà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal detenuti jinżammu separati mill-adulti, dejjem jekk ma jiġix ikkunsidrat li huwa fl-aħjar interess tat-tifel li dan ma jseħħx.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li tfal li jinżammu fil-kustodja tal-pulizija jinżammu separati mill-adulti, sakemm:

(a)

jiġi kkunsidrat li huwa fl-aħjar interessi tat-tifel li ma jsirx hekk; jew

(b)

f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli fil-prattika li jsir dan, sakemm it-tfal jinżammu flimkien mal-adulti b'tali mod li dan ikun kompatibbli mal-aħjar interessi tat-tifel.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta tifel detenut jilħaq l-età ta' 18-il sena, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibilità li dik il-persuna detenuta tibqa' miżmuma separatament mill-adulti detenuti fejn ikun meħtieġ, waqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-persuna kkonċernata, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tat-tfal li jkunu detenuti ma' dik il-persuna.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, u waqt li jitqies il-paragrafu 3, it-tfal jistgħu jiġu detenuti maż-żgħażagħ, sakemm dan ma jmurx kontra l-aħjar interessi tat-tfal.

5.   Meta t-tfal huma detenuti, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex:

(a)

jiżguraw u jippreservaw is-saħħa u l-iżvilupp fiżiku u mentali tagħhom;

(b)

jiżguraw id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż fejn it-tfal għandhom diżabilitajiet fiżiċi, sensorji jew tat-tagħlim;

(c)

jiżguraw l-eżerċizzju effettiv u regolari tad-dritt għal ħajja familjari tagħhom;

(d)

jiżguraw l-aċċess għal programmi li jrawmu l-iżvilupp tagħhom u r-reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà; u

(e)

jiżguraw ir-rispett għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin.

Il-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu għandhom ikunu proporzjonati u xierqa għall-perijodu ta' detenzjoni.

Il-punti (a) u (e) tal-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet ta' ċaħda tal-libertà minbarra detenzjoni. Il-miżuri meħuda għandhom ikunu proporzjonati u xierqa għal tali sitwazzjonijiet ta' ċaħda tal-libertà.

Il-punti (b), (c), u (d) tal-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw biss għal sitwazzjonijiet ta' ċaħda tal-libertà minbarra detenzjoni biss sa fejn dak ikun xieraq u proporzjonat fid-dawl tan-natura u t-tul ta' tali sitwazzjonijiet.

6.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li tfal li jiġu mċaħħda mil-libertà jkunu jistgħu jiltaqgħu mad-detentur tal-awtorità tal-ġenituri malajr kemm jista' jkun, fejn tali laqgħa tkun kompatibbli mar-rekwiżiti investigattivi u operattivi. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għan-nomina jew il-ħatra ta' persuna adulta xierqa oħra skont l-Artikolu 5 jew 15.

Artikolu 13

Trattament f'waqtu u diliġenti tal-kawżi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti kollha biex jiżguraw li proċedimenti kriminali li jinvolvu t-tfal jiġu trattati b'urġenza u bid-diliġenza dovuta.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tfal jiġu dejjem trattati b'mod li jipproteġi d-dinjità tagħhom u xieraq għall-età tagħhom, maturità u għal-livell ta' fehim, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tagħhom, inkluż, kwalunkwe diffikultajiet li jista' jkollhom fil-komunikazzjoni.

Artikolu 14

Dritt għall-protezzjoni tal-privatezza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi protetta l-privatezza tat-tfal waqt proċedimenti kriminali.

2.   Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li seduti ta' smigħ tal-qorti li jinvolvu tfal ikunu abitwalment miżmuma bil-bibien magħluqa, jew għandhom jippermettu qrati jew imħallfin jiddeċiedu li jinżammu dawn is-seduti ta' smigħ bil-bibien magħluqa.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li r-reġistrazzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 9 ma jiġux imxerrda pubblikament.

4.   L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, iħeġġu lill-media sabiex tieħu miżuri awtoregolatorji sabiex tissodisfa l-għanijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Dritt tat-tifel li jiġi akkumpanjat mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt il-proċedimenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ikollhom id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt is-seduti ta' smigħ tal-qorti li jkunu involuti fihom.

2.   It-tifel għandu d-dritt li jkun akkumpanjat minn persuna adulta xierqa oħra, li hija nominata mit-tifel u aċċettata bħala tali mill-awtorità kompetenti fejn il-preżenza tad-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri li jakkumpanja lit-tifel matul seduta ta' smigħ tal-qorti

(a)

ikun imur kontra l-aħjar interessi tat-tifel;

(b)

ma tkunx possibbli minħabba li, wara li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-ebda detentur tar-responsabilità tal-ġenituri ma jkun jista' jintlaħaq jew l-identità tiegħu jew tagħha ma tkunx magħrufa; jew

(c)

tkun tista', abbażi ta' ċirkostanzi oġġettivi u fattwali, sostanzjalment tippreġudika l-proċedimenti kriminali,

Fejn it-tifel ma jkunx innomina persuna adulta xierqa oħra, jew fejn l-adult li jkun ġie nominat mit-tifel ma jkunx aċċettabbli mill-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għandha, waqt li tqis l-aħjar interessi tat-tifel, taħtar persuna oħra biex takkumpanja lit-tifel. Dik il-persuna tkun tista' wkoll tkun ir-rappreżentant ta' awtorità jew ta' istituzzjoni oħra responsabbli għall-protezzjoni jew il-benesseri tat-tfal.

3.   Meta ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għal applikazzjoni ta' punt (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2 ma jibqgħux jeżistu, it-tifel għandu jkollu d-dritt li jkun akkumpanjat mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt is-seduti ta' smigħ tal-qorti li jkun fadal.

4.   Barra mid-dritt previst skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ikollhom id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jew minn persuna adulta xierqa oħra kif imsemmi fil-paragrafu 2, matul stadji oħra tal-proċedimenti għajr seduti ta' smigħ tal-qorti li t-tifel ikun preżenti għalihom fejn l-awtorità kompetenti tqis li:

(a)

huwa fl-aħjar interessi tat-tifel li jkun akkumpanjat minn dik il-persuna; u

(b)

il-preżenza ta' dik il-persuna ma tippreġudikax l-proċedimenti kriminali.

Artikolu 16

Dritt tat-tfal li jkunu fiżikament preżenti, u li jieħdu sehem, fil-proċess tagħhom

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ikollhom id-dritt li jkunu fiżikament preżenti waqt il-proċess tagħhom u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippermettulhom jieħdu sehem b'mod effikaċi waqt il-proċess, inkluż billi tingħatalhom l-opportunità li jinstemgħu u li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal, li ma kinux preżenti waqt il-proċess tagħhom, ikollhom id-dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor, f'konformità ma' u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/343.

Artikolu 17

Proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5, 6 u 8, l-Artikoli 10 sa 15 u l-Artikolu 18 japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta' tfal li huma persuni rikjesti fil-mument tal-arrest tagħhom skont dawk il-proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.

Artikolu 18

Dritt għall-għajnuna legali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali li għandha x'taqsam mal-għajnuna legali tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta' aċċess għall-assistenza ta' avukat skont-l-Artikolu 6.

Artikolu 19

Rimedji

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll tfal li huma persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f'każ ta' ksur tad-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.

Artikolu 20

Taħriġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-faċilitajiet ta' detenzjoni li jittrattaw kawżi li jinvolvu t-tfal jirċievu taħriġ speċifiku sa livell xieraq tal-kuntatt tagħhom mat-tfal fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal, it-tekniki adattati għall-interrogazzjoni, il-psikoloġija tat-tfal u l-komunikazzjoni b'lingwaġġ adattat għat-tifel.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u għad-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Istati Membri, u bir-rispett dovut għar-rwol ta' dawk responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-imħallfin u l-prosekuturi li jittrattaw il-proċedimenti kriminali li jinvolvu t-tfal ikollhom kompetenza speċifika f'dan il-qasam, aċċess effettiv għal taħriġ speċifiku, jew it-tnejn li huma.

3.   Bir-rispett dovut għall-indipendenza tal-professjoni legali u għar-rwol ta' dawk responsabbli għat-taħriġ tal-avukati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-għoti ta' taħriġ speċifiku kif imsemmi fil-paragrafu 2 għall-avukati li jittrattaw proċedimenti kriminali li jinvolvu t-tfal.

4.   Permezz tas-servizzi pubbliċi tagħhom jew billi jiffinanzjaw l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għat-tfal, l-Istati Membri għandhom iħeġġu inizjattivi li jagħmluha possibbli għal dawk li jagħtu appoġġ lit-tfal u lis-servizzi ta' ġustizzja restorattiva, li jirċievu taħriġ adegwat f'livell xieraq għall-kuntatt tagħhom mat-tfal u li josservaw standards professjonali biex jiġi żgurat li tali servizzi jingħataw b'mod imparzjali, rispettuż u professjonali.

Artikolu 21

Ġbir tad-data

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sal-11 ta' Ġunju 2021, u wara din id-data kull tliet snin, id-data disponibbli li turi kif id-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva ġew implimentati.

Artikolu 22

Spejjeż

L-Istati Membri għandhom jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 8 u 9, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti, sakemm, fir-rigward tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 8, dawn ma jkunux koperti minn assigurazzjoni medika.

Artikolu 23

Klawżola ta' nonregressjoni

Xejn f'din id-Direttiva m'għandu jinftiehem li jillimita jew jidderoga minn kwalunkwe dritt jew salvagwardja proċedurali li huma garantiti skont il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jew id-dritt ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdi livell ogħla ta' protezzjoni.

Artikolu 24

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sal-11 ta' Ġunju 2019. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 25

Rapport

Il-Kummissjoni għandha, sal-11 ta' Ġunju 2022, biex tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-punt sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, inkluża evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti leġislattivi.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Mejju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 63.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' April 2016.

(3)  ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

(4)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(5)  Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

(8)  Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(10)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


Top