Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998D0500

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Mejju 1998, dwar l-istabbiliment ta' Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew (notifikata bid-dokument numru K (1998) 2334)Test b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/500/oj

    31998D0500



    Official Journal L 225 , 12/08/1998 P. 0027 - 0028


    Id-Deċiżjoni tal-kummissjoni

    ta' l-20 ta' Mejju 1998,

    dwar l-istabbiliment ta' Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew

    (notifikata bid-dokument numru K (1998) 2334)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (98/500/KE)

    IL-KUMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Billi l-Artikolu 118b tat-Trattat jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tagħmel minn kollox biex tiżviluppa djalogu bejn il-partijiet soċjali fuq livell Ewropew, li jista' jwassal, jekk il-partijiet ikunu jixtiequ, għal relazzjonijiet imsejsa fuq ftehim;

    Billi l-punt 12 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema jistabbilixxi li min iħaddem jew organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, min-naħa l-waħda, u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra, għandu jkollhom id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettiv taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn liġijiet u prattika nazzjonali. U illi d-djalogu li għandu jiżviluppa bejn il-partijiet soċjali fuq livell Ewropew jista' jwassal ukoll, jekk il-partijiet ikunu jixtiequ, għal relazzjonijiet kontrattwali partikolarment fuq livell inter-professjonali u settorjali;

    Billi l-Kummissjoni, bi tweġiba għall-Komunikazzjoni tat-18 ta' Settembru 1996, dwar l-iżvilupp tad-djalogu soċjali fuq livell Komunitarju [1], irċeviet appoġġ qawwi mill-partijiet kollha interessati dwar il-proposta tagħha biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali settorjali;

    Billi l-Parlament Ewropew, bir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Lulju 1997 [2], bi tweġiba għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, għamel sejħa biex tingħata importanza speċifika lid-djalogu soċjali settorjali peress li l-effetti ta' regolamentazzjoni u deregolamentazzjoni fl-impjiegi fis-setturi ekonomiċi jistgħu jkunu eżaminati aħjar fi ħdan id-djalogu settorjali;

    Billi l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, fl-opinjoni tiegħu tad-29 ta' Jannar, 1997 [3], bi tweġiba għal dik il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, stqarr li d-djalogu settorjali għandu jkun effikaċi, effiċjenti u mmexxi sewwa;

    Billi s-sitwazzjoni f'ħafna Stati Membri turi biċ-ċar li hemm ħtieġa li ż-żewġ naħat tal-industrija jipparteċipaw b'mod attiv f'diskussjonijiet għal titjib fil-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol fis-setturi tagħhom; billi kumitat ta' djalogu settorjali fi ħdan il-Kummissjoni ikun l-aħjar mezz li jassigura li jkun hemm din il-parteċipazzjoni, billi jinħoloq fuq livell tal-Komunità forum rappreżentattiv għall-interessi soċjo-ekonomiċi relevanti;

    Billi l-Kummissjoni għandha tagħmel minn kollox biex tassigura li s-sħubija u l-ħidma tal-Kumitati ta' Djalogu Settorjali jagħtu s-sehem tagħhom biex tinġieb 'il quddiem l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

    Billi l-Kumitati Konġunti li hemm bħalissa għandhom ikunu ssostitwiti minn Kumitati ta' Djalogu Settorjali; billi d-Deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawk il-kumitati għandhom għalhekk ikunu revokati,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kumitati ta' Djalogu Settorjali (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Kumitati") huma b'dan stabbiliti f'dawk is-setturi fejn l-imsieħba soċjali jagħmlu talba konġunta biex jieħdu sehem fi djalogu fuq livell Ewropew, u fejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw iż-żewġ partijiet soċjali tas-setturi interessati josservaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) ikollhom x'jaqsmu ma' setturi jew kategoriji speċifiċi u jkunu organizzati fuq livell Ewropew;

    (b) ikunu organizzazzjonijiet li minnhom infushom jagħmlu parti integrali u rikonoxxuta mill-istrutturi ta' l-imseħba soċjali ta' Stati Membri u jkollhom il-ħila li jinnegozjaw ftehim, u li jkunu rappreżentanti ta' għadd ta' Stati Membri;

    (ċ) ikollhom strutturi biżżejjed biex jassiguraw parteċipazzjoni effettiva fil-ħidma tal-Kumitati.

    Artikolu 2

    Kull Kumitat għandu, għas-settur ta' ħidma li għalih ikun stabbilit,

    (a) ikun ikkonsultat dwar żviluppi fuq livell tal-Komunità li jkollhom implikazzjonijiet soċjali, u

    (b) jiżviluppa u jġib 'il quddiem id-djalogu soċjali fuq livell settorjali.

    Artikolu 3

    Ir-rappreżentanti taż-żewġ naħat tal-industrija li jattendu għal-laqgħat ta' kull Kumitat għandhom ikunu 40 b'kollox, maqsuma b'mod ugwali għal kull delegazzjoni.

    Artikolu 4

    Il-Kummissjoni għandha tistieden biex jipparteċipaw għal-laqgħat tal-Kumitati lir-rappreżentanti nnominati mill-organizzazzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali li jkunu għamlu t-talba msemmija fl-Artikolu 1.

    Artikolu 5

    1. Kull Kumitat għandu jagħmel, flimkien mal-Kummissjoni, ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

    2. Il-Kumitati għandhom jitmexxew minn rappreżentant ta' min iħaddem jew ta' delegazzjonijiet ta' ħaddiema jew, fuq talba konġunta tagħhom, minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    3. Il-Kumitati għandhom jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena. Spejjeż ta' ikel u safar għandhom jingħataw lil mhux aktar minn 30 rappreżentant magħżula mill-partijiet soċjali biex jieħdu sehem għal-laqgħat tal-Kumitat.

    4. Il-Kummissjoni għandha tqis regolarment, b'konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, il-mod kif jaħdmu l-Kumitati u kif iwettqu ħidmithom fid-diversi setturi.

    Artikolu 6

    Jekk il-Kummissjoni tgħarraf lill-Kumitat b'diskussjoni dwar materja kunfidenzjali, membri tal-Kumitat ikunu marbuta li, bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 214 tat-Trattat, ma jikxfux it-tagħrif li jkunu saru jafu bih waqt il-laqgħat tal-Kumitat jew ta' segretarjat tiegħu.

    Artikolu 7

    1. Il-Kumitati ta' Djalogu Settorjali għandhom ikunu minflok il-Kumitati Konġunti li hemm bħalissa, jiġifieri:

    (a) Kumitat Konġunt dwar it-Trasport Marittimu, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 87/467/KEE [4];

    (b) Kumitat Konġunt dwar l-Avjazzjoni Ċivili, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/449/KEE [5];

    (ċ) Kumitat Konġunt dwar Navigazzjoni Interna, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 80/991/KEE [6];

    (d) Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Art, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 85/516/KEE [7];

    (e) Kumitat Konġunt dwar il-Ferroviji, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 85/13/KEE [8];

    (f) Kumitat Konġunt dwar Servizzi tat-Telekomunikazzjoni, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/450/KEE [9];

    (g) Kumitat Konġunt dwar Problemi Soċjali tal-Ħaddiema Agrikoli, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 74/442/KEE [10];

    (h) Kumitat Konġunt dwar Problemi Soċjali tas-Sajd fuq il-Baħar, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 74/441/KEE [11];

    (i) Kumitat Konġunt dwar Servizzi Postali, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/595/KE [12].

    Iżda l-Kumitati stabbiliti b'dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikomplu sakemm il-Kumitati Settorjali stabbiliti b'din id-deċiżjoni jieħdu posthom, iżda f'kull każ mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru, 1998.

    2. Bla ħsara għall-Artikolu 1, il-Kumitat ta' Djalogu Settorjali għandu wkoll jibdel gruppi ta' ħidma oħra informali li permezz tagħhom il-Kummissjoni sa issa ġabet 'il quddiem id-djalogu soċjali f'ċerti setturi li ma kinux milquta bl-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabilixxi Kumitati Konġunti.

    3. Id-Deċiżjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (i) tal-paragrafu 1 huma revokati b'effett mill-1 ta'Jannar 1999.

    Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Mejju 1998.

    Għall-Kummissjoni

    Pádraig Flynn

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] COM (96) 448 finali.

    [2] ĠU C 286, tat-22.9.1997, p. 338.

    [3] ĠU C 89, tad-19.3.1997, p. 27.

    [4] ĠU L 253, ta' l-4.9.1987, p. 20.

    [5] ĠU L 230, ta' l-24.8.1990, p. 22.

    [6] ĠU L 297, tas-6.11.1980, p. 28.

    [7] ĠU L 317, tat-28.11.1985, p. 33.

    [8] ĠU L 8, ta' l-10.1.1985, p. 26.

    [9] ĠU L 230, ta' l-24.8.1990, p. 25.

    [10] ĠU L 243, tal-5.9.1974, p. 22.

    [11] ĠU L 243, tal-5.9.1974, p. 19.

    [12] ĠU L 225, tal-31.8.1994, p. 31.

    --------------------------------------------------

    Top