This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31994L0025
Directive 94/25/EC of the European Parliament and of the Council of 16 June 1994 on the approximation of the laws, regulations and administrative provisions of the Member States relating to recreational craft
Id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni
Id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni
ĠU L 164, 30.6.1994, p. 15–38
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 17/01/2016; Imħassar b' 32013L0053
Official Journal L 164 , 30/06/1994 P. 0015 - 0038
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 26 P. 0098
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 26 P. 0098
Id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mingħand il-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3], Billi s-suq intern għandu jkun magħmul minn żona mingħajr fruntieri interni illi fiha l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital jiġi żgurat; Billi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fid-diversi Stati Membri dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni jvarjaw fil-kamp ta’ l-applikazzjoni u fil-kontenut; billi dan in-nuqqas ta’ qbil bejniethom jista’ joħloq ostakoli għall-kummerċ u kondizzjonijiet mhux ugwali tal-kompetizzjoni fis-suq intern; Billi l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali hi l-uniku mod sabiex jitneħħew dawn l-ostakoli għall-kummerc liberu; billi dan il-għan ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri individwali; billi din id-Direttiva tistabilixxi biss il-ħtiġiet vitali għall-moviment ħieles tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni; Billi din id-Direttiva għandha tkopri biss id-dgħajjes tar-rikreazzjoni ta’ tul mimimu ta’ 2,5 m u tul massimu ta’ 24 m, stabbiliti mill-istandards ta’ l-ISO; Billi t-tneħħija ta’ l-ostakoli tekniċi fil-qasam tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti tagħhom, safejn ma jkunux jistgħu jitneħħew permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ l-ekwivalenza bejn l-Istati Membri kollha, għandha ssegwi l-approċċ il-ġdid stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1985 [4] illi ssejjaħ għat-tifsira tal-ħtiġiet essenzjali tas-sigurtà u aspetti oħra illi huma importanti għall-benesseri ġenerali; billi l-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 100a jipprovdi illi, fil-proposti tagħha dwar is-saħħa, is-sigurtà, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, il-Kummissjoni ser tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni; billi l-ħtiġiet essenzjali jikkostitwixxu l-kriterji li magħhom għandhom jikkonformaw id-dgħajjess tar-rikreazzjoni, id-dgħajjes parzjalment lesti u l-komponenti tagħhom meta jkunu separati u meta jkunu installati; Billi, għalhekk, din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet essenzjali biss; billi, sabiex jiġi ffaċilitat il-kompitu tal-prova tal-konformità mal-ħtiġiet essenzjali, standards armonizzati Ewropej huma meħtieġa għad-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti tagħhom kif imsemmija fl-Anness II; billi l-istandards armonizzati Ewropej huma mfassla minn korpi privati u għandhom iżommu l-istatus mhux obbligatorju tagħhom; billi, għal dan l-iskop, il-Kumitat Ewropew ta’ l-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew ta’ l-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) huma rikonoxxuti bħala l-korpi kompetenti sabiex jadottaw standards armonizzati li jsegwu l-linji gwida ġenerali għall-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn iż-żewġ korpi, iffirmati fit-13 ta’ Novembru 1984; billi, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, standard armonizzat huwa speċifikazzjoni teknika (Standard Ewropew jew dokument ta’ l-armonizzazzjoni) adottat minn wieħed jew l-ieħor minn dawn il-korpi, jew mit-tnejn li huma, fuq is-suġġeriment tal-Kummissjoni skond id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ l-informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi [5] u skond il-linji gwida ġenerali msemmija hawn fuq; Billi, minħabba n-natura tar-riskji involuti fl-użu tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti tagħhom, jeħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri li japplikaw għall-istima tal-konformità mal-ħtiġiet essenzjali tad-Direttiva; billi dawn il-proċeduri għandhom jiġu mfassla fid-dawl tal-livell tar-riskju li jista’ jkun hemm marbut mad-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti tagħhom; billi, għalhekk, kull kategorija ta’ konformità għandha tiġi supplimentata bi proċedura xierqa jew għażla bejn diversi proċeduri ekwivalenti; billi l-proċeduri adottati jikkonformaw mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta’ Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet diversi tal-proċeduri ta’ stima tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u għall-użu tal-marka ta’ konformità CE li huma maħsubin sabiex jintużaw fid-direttivi ta’ armonizzazzjoni teknika [6]; Billi l-Kunsill ipprovda għat-twaħħil tal-marka CE mill-fabbrikant jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ġewwa l-Komunità; billi din il-marka tfisser li d-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti tagħhom jikkonformaw mal-ħtiġiet essenzjali u l-proċeduri ta’ l-stima kollha stabbiliti mill-liġi tal-Komunità li tapplika għall-prodott; Billi hu xieraq illi l-Istati Membri, kif ipprovdut fl-Artikolu 100a(5) tat-Trattat, jistgħu jieħdu miżuri provviżorji sabiex jillimitaw jew jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u l-użu tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni jew il-prodotti kostitwenti tagħhom fil-każijiet fejn dawn ikunu ta’ riskju partikolari għas-sigurtà tal-persuni u, fejn ikun xieraq, ta’ l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, basta li dawn il-miżuri jkunu suġġetti għal proċedura ta’ kontroll tal-Komunità; Billi r-reċipjenti ta’ kull deċiżjoni meħuda bħala parti minn din id-Direttiva għandhom ikunu jafu r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni u l-mezzi ta’ appell li jkunu disponibbli għalihom; Billi jeħtieġ illi jiġi pprovdut arranġament transitorju illi jippermetti li d-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti tagħhom iffabbrikati b’konformità mar-regolamenti nazzjonali fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva jitqiegħdu fis-suq u mqiegħda fis-servizz; Billi din id-Direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjoni maħsuba sabiex tillimita l-użu tad-dgħajsa tar-rikreazzjoni wara li tkun iddaħħlet fis-servizz; Billi l-kostruzzjoni tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni jista’ jkollha impatt fuq l-ambjent sal-punt illi mid-dgħajsa jistgħu joħorġu sustanzi li jniġġsu; billi għalhekk huwa meħtieġ illi jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent fid-Direttiva, safejn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni mill-aspett ta’ l-impatt dirett tagħhom fuq l-ambjent; Billi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jaffettwaw id-dritt ta’ l-Istati Membri li jistabilixxu, b’konformità mat-Trattat, dawk il-ħtiġiet li huma jqisu meħtieġa dwar in-navigazzjoni f’ċerti ilmijiet għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ l-istruttura tal-passaġġi ta’ l-ilma u l-assigurazzjoni tas-sigurtà fil-passaġġi ta’ l-ilma, sakemm dan ma jfissirx illi d-dgħajjes tar-rikreazzjoni jiġu mmodifikati b’mod mhux speċifikat f’din id-Direttiva, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Il-KAPITOLU I L-Artikolu 1 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dgħajjes tar-rikreazzjoni, għad-dgħajjes illi jkunu parzjalment lesti u għall-komponenti msemmija fl-Anness II fejn ikunu separati u fejn ikunu installati. 2. "Dgħajsa tar-rikreazzjoni" għandha tfisser kull dgħajsa ta’ kull xorta, ikun xi jkun il-mezz tal-propulsjoni, bit-tul tal-buq minn 2,5 sa 24 m, imkejjel skond l-istandards armonizzati xierqa maħsuba għall-iskopijiet ta’ l-isport u r-rikreazzjoni. Il-fatt li l-istess dgħajsa tista’ tiġi wżata għall-kiri jew għat-taħriġ fl-użu tad-dgħajjes għar-rikreazzjoni m’għandux iwaqqafha milli taqa’ taħt din id-Direttiva meta titqiegħed fis-suq għall-iskopijiet tar-rikreazzjoni. 3. Dawn li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva: (a) id-dgħajjes maħsubin b’mod speċifiku għat-tiġrija, inklużi d-dgħajjes tal-qdif tat-tiġrija u d-dgħajjes tal-qdif tat-taħriġ tikkettjati bħala tali mill-fabbrikant; (b) il-kenuri u l-kayaks, il-gondoli u l-pedalos; (ċ) is-surfboards bil-qlugħ; (d) is-surfboards bil-mutur, dgħajjes personali u dgħajjes oħra simili bil-mutur; (e) l-oriġinali, u r-repliki individwali tad-dgħajjes storiċi ddisinjati qabel l-1950, mibnija b’mod predominanti bil-materjali oriġinali u tikkettjati bħala tali mill-fabbrikant; (f) id-dgħajjes sperimentali, sakemm dawn ma jkunux sussegwentement imqiegħda fis-suq tal-Komunità; (g) id-dgħajjes mibnija għall-użu personali, sakemm dawn ma jkunux sussegwentement imqiegħda fis-suq tal-Komunità matul perjodu ta’ ħames snin; (h) id-dgħajjes maħsuba speċifikament għalbiex ikollhom l-ekwipaġġ u għalbiex iġorru l-passiġġieri għall-iskopijiet tal-kummerċ, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, b’mod partikolari dawk definiti fid-Direttiva 82/714/KEE ta’ l-4 ta’ Ottubru 1982 illi tistabbilixxi l-ħtiġiet tekniċi għall-bastimenti ta’ passaġġi interni fuq l-ilma [7], ikun xi jkun in-numru tal-passiġġieri; (i) dgħajjes sommerġibili; (j) id-dgħajjes li jimxu fuq saff ta’ l-arja; (k) l-aliskafi. L-Artikolu 2 Tqegħid fis-suq u dħul fis-servizz 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq u mdaħħla fis-servizz b’mod konformi ma’ l-iskop li għalih kienu maħsuba biss jekk ma jqegħdux fil-periklu s-sigurtà u s-saħħa tal-persuni, tal-proprjetà jew ta’ l-ambjent meta mibnija u mantenuti b’mod korrett. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx iwaqqfu lill-Istati Membri milli jadottaw, b’mod konformi mat-Trattat, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw in-navigazzjoni f’ċerti ilmijiet għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ l-istruttura tal-passaġġi ta’ l-ilma, u sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-passaġġi ta’ l-ilma, basta li dan ma jeħtieġx il-modifika tad-dgħajjes illi jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. L-Artikolu 3 Ħtiġiet essenzjali Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet tas-sigurtà, tas-saħħa, tal-protezzjoni ambjentali u tal-protezzjoni tal-konsumatur stabbiliti fl-Anness I. L-Artikolu 4 Moviment ħieles tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) 1. L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz fit-territorju tagħhom tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) li jkollhom il-marka CE imsemmiija fl-Anness IV li tindika l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva, inklużi l-proċeduri ta’ konformità stabbiliti fil-Kapitolu II. 2. L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta’ dgħajjes li jkunu parzjalment lesti meta l-bennej jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jew il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq tiddikjara, b’mod konformi mal-Anness IIIA, illi dawn huma maħsuba li jitlestew minn oħrajn. 3. L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz tal-komponenti msemmija fl-Anness II u li jkollhom il-marka CE imsemmija fl-Anness IV illi tindika il-konformità tagħhom mal-ħtiġiet essenzjali relevanti meta dawn il-komponenti jkunu maħsuba sabiex ikunu inkorporati f’dgħajjes tar-rikreazzjoni, skond id-dikjarazzjoni, imsemmija fl-Anness IIIB, tal-fabbrikant, tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jew, fil-każ ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi, ta’ kull persuna li tqiegħed dawn il-komponenti fis-suq tal-Komunità. 4. Fil-fieri kummerċjali, wirjiet, dimostrazzjonijiet, eċċ., l-Istati Membri m’għandhom joħolqu l-ebda ostakolu għat-turija tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) illi ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, basta li sinjal li jidher ikun jindika b’mod ċar illi dawn il-prodotti ma jistgħux ikunu mqiegħda fis-suq jew imdaħħla fis-servizz qabel ma jkunu jikkonformaw. 5. Fejn il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) ikunu suġġetti għal Direttivi oħra li jikkonċernaw aspetti oħra u li jipprovdu wkoll għat-twaħħil tal-marka CE, din għandha tindika illi dawn il-prodotti jissodisfaw ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-Direttivi l-oħra. Madankollu, kemm-il darba waħda jew aktar minn dawn id-Direttivi jippermettu lill-fabbrikant, matul xi perjodu transitorju, illi jagħżel liema arranġamenti japplika, il-marka CE għandha tindika li l-prodott jissodisfa biss id-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-Direttivi applikati mill-fabbrikant. F’dan il-każ, il-partikolaritajiet ta’ dawk id-Direttivi, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom jingħataw fid-dokumenti, fl-avviżi jew fl-istruzzjonijiet meħtieġa minn dawk id-Direttivi u li jakkumpanjaw dawn il-prodotti. L-Artikolu 5 L-Istati Membri għandhom jippreżumu l-konformità mal-ħtiġiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 3 tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) li jissodisfaw l-istandards nazzjonali relevanti adottati skond l-istandards armonizzati li l-partikolajiet tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej; l-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-referenzi ta’ dawn l-istandards nazzjonali. L-Artikolu 6 1. Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni jkunu ta’ l-opinjoni li l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 5 ma jissodisfawx għal kollox il-ħtiġiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru għandhom jinnotifikaw lill-kumitat imwaqqaf skond id-Direttiva 83/189/KEE, u jagħtu r-raġunijiet tagħhom. Il-kumitat għandu jagħti opinjoni b’mod urġenti. Fid-dawl ta’ l-opinjoni tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri jekk l-istandards ikkonċernati għandhomx jiġu rtirati mill-pubblikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5. 2. Il-Kummissjoni tista’ tadotta kull miżura xierqa bl-għan illi tiżgura li din id-Direttiva tiġi applikata b’mod prattiku u uniformi skond il-paragrafu 3. 3. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat Permanenti li jkun magħmul minn rappreżentanti appuntati mill-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-Kumitat Permanenti għandu jfassal r-regoli tal-proċedura tiegħu stess. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f’perijodu ta’ żmien illi l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ, jekk ikun hemm il-ħtieġa billi jittieħed vot. L-opinjoni għandha tiġi mdaħħla fil-minuti; barra minn hekk, kull Stat Membru għandu ikollu d-dritt illi jitlob li l-pożizzjoni tiegħu tkun imniżżla fil-minuti. Il-Kummissjoni għandha tagħti konsiderazzjoni massima lill-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Għandha tinforma lill-Kumitat bil-mod illi bih l-opinjoni tiegħu tkun ġiet ikkunsidrata. 4. Il-Kumitat Permanenti jista’, barra minn hekk, jeżamina kull kwistjoni li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva illi tiġi mqajma mill-president tiegħu fuq l-inizzjattiva personali tiegħu jew fuq it-talba ta’ Stat Membru. L-Artikolu 7 Klawsola ta’ Salvagwardja 1. Fejn Stat Membru jaċċerta li d-dgħajjes tar-rikreazzjoni jew il-komponenti tagħhom imsemmija fl-Anness II u li jkollhom il-marka CE imsemmija fl-Anness IV meta mibnija, installati, mantenuti u użati b’mod korrett skond l-iskop maħsub għalihom jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-sigurtà u s-saħħa tal-persuni, tal-proprjetà jew ta’ l-ambjent, għandu jieħu kull miżura temporanja xierqa sabiex jirtirahom mis-suq jew jipprojbixxi jew jirrestrinġi t-tqegħid tagħhom fis-suq jew id-dħul tagħhom fis-servizz. L-Istat Membru għandu minnufih jinforma lill-Kummissjoni b’kull miżura ta’ din ix-xorta u jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ konformità jkun ir-riżultat ta’: (a) in-nuqqas ta’ konformità mal-ħtiġiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 3; (b) l-applikazzjoni mhix korretta ta’ l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5, fejn ikun affermat illi dawn l-istandards ikunu ġew applikati; (ċ) nuqqasijiet fl-istandards infushom imsemmija fl-Artikolu 5. 2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati kemm jista’ jkun malajr. Fejn, wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni ssib illi: - il-miżuri huma ġġustifikati, għandha minnufih tinforma b’dan lill-Istat Membru li jkun ħa l-inizzjattiva u lill-Istati Memrbi l-oħra; fejn id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 hi attribwita għal nuqqasijiet fl-istandards, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 6(1) fi żmien xahrejn, jekk l-Istat Membru illi jkun ħa d-deċiżjoni jkun beħsiebu jżommha, u għandha tibda l-proċedura imsemmija fl-Artikolu 6(1), - il-miżuri mhumiex iġġustifikati, għandha minnufih tinforma b’dan lill-Istat Membru li jkun ħa l-inizzjattiva u lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità. 3. Fejn komponent li ma jikkonformax imsemmi fl-Anness II jew dgħajsa ikollhom il-marka CE, il-miżuri xierqa għandhom jittieħdu mill-Istat Membru li jkollu l-awtorità fuq min waħħal il-marka; dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan. 4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura illi l-Istati Membri jinżammu infurmati bil-progress u r-riżultat ta’ din il-proċedura. Il-KAPITOLU II Stima tal-konformità L-Artikolu 8 Qabel ma jipproduċi u jqiegħed fis-suq il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1), il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandhom japplikaw il-proċeduri li ġejjin għall-kategoriji tad-disinn tad-dgħajjes A, B, Ċ u D imsemmija fit-Taqsima 1 tal-Anness I. 1. Għall-kategoriji A u B: - għad-dgħajjes bit-tul tal-buq inqas minn 12 m: il-kontroll intern tal-produzzjoni flimkien mat-testijiet (modulu Aa) imsemmi fl-Anness VI, - għad-dgħajjes bit-tul tal-buq minn 12 m sa 24 m: L-eżami tat-tip tal-KE (modulu B) imsemmi fl-Anness VII supplimentat bil-modulu Ċ (konformità tat-tip) imsemmi fl-Anness VIII, jew xi wieħed mill-moduli li ġejjin: B + D, jew B + F, jew G jew H. 2. Għall-kategorija Ċ: (a) għad-dgħajjes bit-tul tal-buq minn 2,5 m sa 12 m: - fejn ikun hemm konformità ma’ l-istandards armonizzati imsemmija fit-taqsimiet 3.2 u 3.3 tal-Anness I: il-kontroll intern tal-produzzjoni (modulu A) imsemmi fl-Anness V, - fejn ma jkunx hemm konformità ma’ l-istandards armonizzati imsemmija fit-Taqsimiet 3.2 u 3.3 tal-Anness I: il-kontroll intern tal-produzzjoni flimkien mat-testijiet (modulu Aa) imsemmija fl-Anness VI. (b) għad-dgħajjes bit-tul tal-buq minn 12 m sa 24 m: l-eżami tat-tip tal-KE (modulu B) imsemmi fl-Anness VII segwit bil-modulu Ċ (konformità tat-tip) imsemmi fl-Anness VIII, jew xi wieħed mill-moduli li ġejjin: B + D, jew B + F, jew G jew H. 3. Għall-kategorija D: Għad-dgħajjes bit-tul tal-buq minn 2,5 m sa 24 m: il-kontroll intern tal-produzzjoni (modulu A) imsemmi fl-Anness V. 4. Għall-komponenti msemmija fl-Anness II: wieħed mill-moduli li ġejjin: B + Ċ, jew B + D, jew B + F, jew G jew H. L-Artikolu 9 Korpi nnotifikati 1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra il-korpi li huma jkunu ħatru sabiex jagħmlu x-xogħol relatat mal-proċeduri ta’ l-istima tal-konformità imsemmija fl-Artikolu 8, flimkien mal-kompiti speċifiċi li dawn il-korpi jkunu ġew maħtura sabiex iwettqu u n-numri ta’ l-identifikazzjoni mogħtija lilhom minn qabel mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-korpi nnotifikati, flimkien man-numri ta’ l-identifikazzjoni li tkun allokat lilhom u l-kompiti li dwarhom ikunu ġew innotifikati, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandha tiżgura illi l-lista tinżamm aġġornata. 2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIV meta jistmaw il-korpi li għandhom jiġu indikati f’din in-notifika. Il-korpi li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-istima stabbiliti fl-istandards armonizzati relevanti għandhom ikunu preżunti illi jissodisfaw dawn il-kriterji. 3. Stat membru għandu jirtira l-approvazzjoni tiegħu minn korpi bħaldan jekk jiġi stabbilit illi dan ta’ l-aħħar ma baqax jissodisfa il-kriterji msemmija fl-Anness XIV. Għandu minnufih jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni tiegħu. Il-KAPITOLU III Marka CE L-Artikolu 10 1. Id-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti imsemija fl-Anness II illi jkunu meqjusa li jilħqu l-ħtiġiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 3 għandu jkollhom il-marka tal-konformità CE meta jitqiegħdu fis-suq. 2. Il-marka tal-konformità CE, kif murija fl-Anness IV, għandha tidher f’forma visibbli, leġibbli u li ma titħassarx fuq id-dgħajjes tar-rikreazzjoni bħal fil-punt 2.2 ta’ l-Anness I u fuq il-komponentikif imsemmi fl-Anness II u/jew fuq l-imballaġġ tagħhom Il-marka CE għandha tkun akkumpanjata min-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-korp innotifikat responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proċeduri stabbiliti fl-Annessi VI, IX, X, XI u XII. 3. It-twaħħil ta’ marki jew skrizzjonijiet fuq id-dgħajjes li jistgħu jqarrqu b’terzi persuni f’dak li hu t-tifsir jew il-forma tal-marka CE għandu jiġi pprojbit. Kull marka oħra tista’ titwaħħal fuq id-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti kif imsemmi fl-Anness II u/jew fuq l-imballaġġ tagħhom, sakemm il-marka CE tibqa’ tingħaraf sewwa u tinqara tajjeb. 4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7: (a) fejn Stat Membru jistabilixxi illi l-marka CE tkun twaħħlet ħażin, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu jiġi obbligat li jtemm dan il-ksur tar-regolamenti taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru; (b) fejn in-nuqqas ta’ konformità jkompli, l-Istat Membru għandu jieħu kull miżura xierqa sabiex jirrestrinġi jew jipprojbixxi it-tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat jew sabiex jiżgura illi dan jiġi rtirat mis-suq, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7. Il-KAPITOLU IV Dispożizzjonijiet finali L-Artikolu 11 Raġunijiet dettaljati għandhom jingħataw għal kull deċiżjoni meħuda skond din id-Direttiva li twassal għal xi restrizzjoni tat-tqegħid fis-suq u d-ħul dis-servizz tal-prodotti imsemmija fl-Artikolu 1(1). Il-parti ikkonċernata għandha tkun infurmata bid-deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr kif ukoll bir-rimedji disponibbli taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru ikkonċernat u ż-żmien li fih għandhom isiru l-appelli. L-Artikolu 12 Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura illi t-tagħrif li jaffettwa d-deċiżjonijiet relevanti kollha marbuta ma’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkun disponibbli. L-Artikolu 13 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-16 ta’ Diċembru 1995. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan. L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonjiet mis-16 ta’ Ġunju 1996. Il-Kumitat Permanenti msemmi fl-Artikolu 6(3) jista’ jibda l-kompiti tiegħu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9 minn din id-data. Meta L-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati b’mod uffiċjali. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. 3. L-Istati Membri għandhom jaċċettaw it-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) illi jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ fit-territorju tagħhom fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva matul perijodu ta’ erba’ snin minn dik id-data. L-Artikolu 14 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 15 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-16 ta’ Ġunju 1994. Għall-Parlament Ewropew Il-President E. Klepsch Għall-Kunsill Il-President Y. Papantoniou [1] ĠU C 123, tal-15.5.1992, p. 7. [2] ĠU C 313, tat-30.11.1992, p. 38. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Novembru 1992 (ĠU C 337, tal-21.12.1992, p. 17), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1993, (ĠU C 137, tad-19.5.1994, p. 1); Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 (ĠU C 91, tat-28.3.1994). [4] ĠU C 136, ta’ l-4.6.1985, p. 1. [5] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Id-Direttiva l-aħħar emendata bid-Direttiva 88/182/KEE (ĠU L 81, tas-26.3.1988, p. 75). [6] ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 23. [7] ĠU L 301, tat-28.10.1982, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS I Il-ĦTIĠIET ESSENZJALI TAS-SIGURTÀ GĦAll-IDDISINJAR U L-KOSTRUZZJONI TAD-DGĦAJJES TAR-RIKREAZZJONI 1. IL-KATEGORIJI TAD-DISINN TAD-DGĦAJJES Il-kategorija tad- disinn | Il-qawwa tar-riħ (fuq l-iskala Beaufort) | L-għoli sinifikattiv tal-mewġ (H 1/3, metri) | A — "Oċean" | li jeċċedi 8 | li jeċċedi 4 | B — "’L barra mix-xatt" | sa u inkluż 8 | sa u inkluż 4 | Ċ — "Qrib ix-xatt" | sa u inkluż 6 | sa u inkluż 2 | D — "Ilmijiet imkenna" | sa u inkluż 4 | sa u inkluż 0,5 | Definizzjonijiet: OĊEAN : Iddisinjati għal vjaġġi twal fejn il-kondizzjonijiet jistgħu jiżbqu l-qawwa tar-riħ ta’ 8 (fuq l-iskala Beaufort) u l-għoli sinifikattiv tal-mewġ ta’ 4 m u aktar, u bastimenti li jkunu l-biċċa l-kbira suffiċjenti għalihom infushom. ’L BARRA MIX-XATT : Iddisinjati għal vjaġġi xi ftit ’il bogħod mill-kosta fejn jistgħu jiġu esperjenzati kondizzjonjiet sal-qawwa tar-riħ ta’ 8 inkluża u l-għoli sinifikattiv tal-mewġ sa 4 m inklużi. QRIB IX-XATT : Iddisinjati għal vjaġġi f’ilmijiet qrib il-kosta, f’bajjiet kbar, f’estwarji, f’lagi u fi xmajjar fejn jistgħu jiġu esperjenzati kondizzjonijiet sal-qawwa tar-riħ ta’ 6 inkluża u l-għoli sinifikattiv tal-mewġ sa 2 m inklużi. ILMIJIET IMKENNA : Iddisinjati għal vjaġġi fuq lagi żgħar, xmajjar, u kanali fejn jistgħu jiġu esperjenzati kondizzjonijiet sal-qawwa tar-riħ 4 inkluża u l-għoli tal-mewġ sinifikattiv sa 0,5 m inklużi. Id-dgħajjes f’kull Kategorija għandhom jiġu ddisinjati u mibnija b’mod illi jifilħu għal dawn il-parametri f’dawk li huma stabbilità, kapaċità li jżommu f’wicc l-ilma, u l-ħtiġiet essenzjali relevanti l-oħra elenkati fl-Anness I, u li jkollhom karatteristiċi ta’ l-immaniġġjar tajbin. 2. ĦTIĠIET ĠENERALI Id-dgħajjes tar-rikreazzjoni u l-komponenti msemmija fl-Anness II għandhom jikkonformaw mal-ħtiġiet essenzjali safejn dawn japplikaw għalihom. 2.1. L-identifikazzjoni tal-buq Kull dgħajsa tar-rikreazzjoni għandha tkun immarkata b’numru ta’ l-identifikazzjoni tal-buq li jinkludi t-taghrif illi ġej: - il-kodiċi tal-fabbrikant, - il-pajjiż tal-fabbrikazzjoni, - numru tas-serje uniku, - is-sena tal-produzzjoni, - is-sena tal-mudell. L-istandard armonizzat relevanti jagħti d-dettalji ta’ dawn il-ħtiġiet. 2.2. Il-plakka tal-bennej Kull dgħajsa tar-rikreazzjoni għandha ġġorr plakka mwaħħla b’mod permanenti li tkun separata min-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-buq, li tinkludi t-tagħrif li ġej: - l-isem tal-fabbrikant, - il-marka CE (ara l-Anness IV), - il-kategorija tad-disinn tad-dgħajsa skond it-taqsima I, - il-tagħbija massima rakkomandata mill-fabbrikant skond it-taqsima 3.6, - in-numru ta’ persuni rakkomandat mill-fabbrikant li d-dgħajsa tkun ġiet ddisinjata għalbiex ġġorr. 2.3. Il-protezzjoni mill-waqgħat minn fuq id-dgħajsa għal ġo l-ilma u l-meżżi tat-tlugħ lura. Id-dgħajsa għandha tiġi ddisinjata, skond il-kategorija tad-disinn, b’mod li jimminimiżża r-riskji ta’ waqgħat minn fuq id-dgħajsa għal ġo l-ilma u li jiffaċilita t-tlugħ lura fuq id-dgħajsa. 2.4. Il-viżibilità mill-pożizzjoni tat-tmexxija prinċipali Għad-dgħajjes bil-mutur, il-pożizzjoni tas-sewqan prinċipali għandha tagħti lill-operatur, taħt il-kondizzjonijiet ta’ l-użu normali (ħeffa u tagħbija), viżibilità tajba dawra mejt. 2.5. Il-manwal tas-sid Kull dgħajsa għandha tkun ipprovduta bil-manwal tas-sid fl-ilsien jew fl-ilsna uffiċjali tal-Komunità li jistgħu jiġu stabbiliti skond it-Trattat mill-Istat Membru li fih titqiegħed fis-suq. Dan il-manwal għandu jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għar-riskji tal-ħruq u li d-dgħajsa tista’ tiġi mgħargħra bl-ilma u għandu jkollu t-tagħrif elenkat fit-taqsimiet 2.2, 3.6 u 4 kif ukoll il-piż f’kilogrammi tad-dgħajsa mingħajr it-tagħbija. 3. SĦUĦIJA U L-ĦTIĠIET STRUTTURALI 3.1. L-istruttura L-għażla u t-tagħqid u t-taħlit flimkien tal-materjali u l-binja tad-dgħajsa għandhom jiżguraw illi d-dgħajsa tkun b’saħħitha biżżejjed minn kull aspett. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kategorija tad-disinn skond it-taqsima 1, u lit-taghbija massima rakkomandata mill-fabbrikant skond it-taqsima 3.6. 3.2. L-istabbilità u s-soprastruttura u l-buq ’il fuq mill-ilma Id-dgħajsa għandha jkollha biżżejjed stabbilità u soprastruttura u buq ’il fuq mill-ilma meta tiġi kkunsidrata l-kategorija tad-disinn skond it-taqsima 1 u t-tagħbija massima rakkomandata mill-fabbrikant skond it-taqsima 3.6. 3.3. Il-kapaċità li żżomm f’wiċċ l-ilma u t-tagħwim Id-dgħajsa għandha tiġi mibnija hekk illi jiġu żgurati l-karatteristiċi tal-kapaċità li żżomm f’wiċċ l-ilma skond il-kategorija tad-disinn tagħha skond it-taqsima 1.1, u t-tagħbija massima rakkomandata mill-fabbrikant skond it-taqsima 3.6. Kull dgħajsa abitabbli li jkollha aktar minn buq wieħed għandha tkun iddisinjata għalbiex ikollha biżżejjed tagħwim li tibqa’ f’wiċċ l-ilma jekk tinqaleb. Dgħajjes ta’ inqas minn sitt metri fit-tul li għandhom it-tendenza li jitgħargħru meta użati fil-kategorija tad-disinn tagħhom għandhom ikunu pprovduti bil-mezzi xierqa ta’ tagħwim meta jkunu mgħargħra. 3.4. Il-fetħiet fil-buq, fil-gverta u fis-soprastruttura Fetħiet fil-buq, fil-gverta(iet) u fis-soprastruttura m’għandhomx itellfu mis-sħuħija strutturali tad-dgħajsa jew is-sħuħija tagħha kontra l-maltemp meta jiġu magħluqa. It-twieqi, it-twieqi żgħar tal-ġenb, il-bibien u l-portelli tal-bokkaporti għandhom jifilħu l-pressjoni tal-ilma illi x’aktarx jagħmel magħhom fil-pożizzjoni speċifika tagħhom, kif ukoll piżijiet speċifiċi applikati bil-piż tal-persuni li jimxu fuq il-gverta. Tagħmir fil-buq iddisinjat għalbiex iħalli l-ilma jgħaddi għal ġewwa l-buq jew joħroġ barra mill-buq, taħt il-linja fejn wicc l-ilma jmiss mal-ġenb tad-dgħajsa li tikkorrispondi mat-tagħbija massima rakkomandata mill-fabbrikant skond taqsima 3.6, għandu jkun mgħammar b’mezzi tal-għeluq illi jkunu aċċessibbli faċilment. 3.5. L-għargħar Id-dgħajjes kollha għandhom jiġu ddisinjati b’mod li jimminimizza r-riskju ta’ l-għarqa. Attenzjoni partikolari għandha tingħata fejn xieraq: - u x-xaftijiet, illi għandhom ikunu jitbattlu weħidhom jew ikollhom mezzi oħra li jżommu l-ilma barra mill-ġewwieni tad-dgħajsa, - it-tagħmir tal-ventilazzjoni, - it-tneħħija ta’ l-ilma permezz ta’ pompi jew mezzi oħra. 3.6. It-tagħbija massima rakkomandata mill-fabbrikant Il-tagħbija massima rakkomandata mill-fabbrikant (karburanti, ilma, proviżjonijiet, apparat divers u nies (f’kilogrammi)) li għaliha tkun ġiet iddisinjata d-dgħajsa, kif immarkat fuq il-plakka tal-bennej, għandha tiġi stabbilita skond il-kategorija tad-disinn (taqsima 1), l-istabbilità u s-soprastruttura u l-buq ’l fuq mill-ilma (taqsima 3.2) u l-kapaċità li żżomm fil-wiċċ u t-tagħwim (taqsima 3.3). 3.7. L-istivar taċ-ċattra tas-salvataġġ Id-dgħajjes kollha tal-kategoriji A u B, u d-dgħajjes tal-kategoriji Ċ u D itwal minn sitt metri għandu jkollhom wieħed jew aktar postijiet għall-istivar ta’ ċattra tas-salvataġġ (ċattri) kbira biżżejjed għalbiex tesa’ n-numru ta’ persuni rakkomandat mill-fabbrikant li d-dgħajsa tkun ġiet iddisinjata għalbiex ġġorr. Dan (dawn) il-post(ijiet) ta’ l-istivar għandu(hom) jkun(u) dejjem aċċessibbli fil-pront. 3.8. Ħelsien mill-periklu Kull-dgħajsa abitabbli ta’ aktar minn buq wieħed li hija itwal minn 12-il metru għandu jkollha mezzi vijabbli tal-ħelsien mill-periklu fil-każ ta’ qlib. Kull dgħajsa abitabbli ta’ aktar minn buq wieħed għandu jkollha mezzi vijabbli ta’ ħelsien mill-periklu fil-każ ta’ ħruq. 3.9. L-ankrar, l-irmiġġ u l-irmunkar Kull dgħajsa, skond il-kategorija tad-disinn u l-karatteristiċi tagħha, għandha tkun mgħammra b’wieħed jew aktar punti b’saħħithom jew mezzi oħra li kapaċi jieħdu b’mod sigur il-piż ta’ l-ankrar, ta’ l-irmiġġ u ta’ l-irmunkar. 4. IL-KARATTERISTIĊI TA’ L-IMMANIĠĠJAR Il-fabbrikant għandu jiżgura li l-karatterisiċi ta’ l-immaniġġjar tad-dgħajsa jkunu sodisfaċenti fil-każ ta’ l-aktar magna qawwija li għaliha d-dgħajsa tkun ġiet iddisinjata u mibnija. Għall-magni tal-baħar tar-rikreazzjoni kollha, il-qawwa massima stabbilita tal-magna għandha tiġi ddikjarata fil-manwal tas-sid skond l-istandard armonizzat. 5. IL-ĦTIĠIET TA’ L-INSTALLAZZJONI 5.1. Il-magni u l-spazji għall-magni 5.1.1. Il-magna fuq ġewwa Il-magni kollha mmuntati fuq ġewwa għandhom jitqiegħdu fi spazju magħluq separat mill-kwartieri tan-nies u installati b’mod illi jimminimizza r-riskju tal-ħruq jew tat-tifrix tan-nirien kif ukoll perikli minn dħaħen tossiċi, sħana, storbju jew vibrazzjonijiet fil-kwartieri fejn joqgħodu n-nies. Il-partijiet tal-magna u l-aċċessorji li jeħtieġu spezzjoni frekwenti u/jew servizz sabiex jinzammu f’kondizzjoni tajba u jissewwew fejn hemm bżonn għandhom ikunu aċċessibbli bil-ħeffa. Il-materjal ta’ l-iżolazzjoni ġewwa l-spazji tal-magni għandu jkun li ma jieħux in-nar. 5.1.2. Il-ventilazzjoni ll-kompartiment tal-magna għandu jkun ivventilat. Id-dħul perikoluż ta’ l-ilma ġewwa l-kompartiment tal-magna minn kull ftuh m’għandux jitħalla. 5.1.3. Il-partijiet esposti Sakemm il-magna ma tkunx protetta permezz ta’ għata jew l-ispazju maghluq tagħha stess, il-partijiet esposti tal-magna li jiċċaqalqu jew li jkunu sħan li jistgħu jikkawżaw dannu personali għandhom jiġu protetti b’mod effettiv. 5.1.4. It-tqabbid tal-magna li tkun fuq barra tad-dgħajsa Kull dgħajsa li jkollha magna fuq barra għandu jkollha apparat li ma jħallix il-magna taqbad meta tkun ingranata, ħlief: (a) meta l-magna tipproduċi anqas minn 500 newtons (N) ta’ static thrust; (b) meta l-magna jkollha apparat li jillimita l-ftuħ tal-valvola li tikkontrolla l-ammont ta’ karburanti li jidħol fil-magna sabiex jillimita l-imbottatura għal 500 N xħin il-magna tiġi mqabbda. 5.2. Is-sistema tal-karburanti 5.2.1. Ġenerali L-arranġamenti u l-installazzjonijiet għall-mili, il-ħażna, il-ventilazzjoni u l-provvista tal-karburanti għandhom ikunu ddisinjati u installati b’mod li jimminimizza r-riskju ta’ ħruq u splużjoni. 5.2.2. It-tankijiet tal-karburanti It-tankijiet, il-linji u l-manek tal-karburanti għandhom jiġu mwaħħla sewwa u separati jew protetti minn kull sors ta’ sħana sinifikanti. Il-materjal li minnu jkunu magħmlua t-tankijiet u l-metodu tal-kostruzzjoni tagħhom għandhom ikunu skond il-kapaċità tagħhom u t-tip ta’ karburanti. L-ispazji kollha tat-tankijiet għandhom ikunu vventilati. Il-karburanti likwidu bit-temperatura li fiha jista’ jaqbad taħt il-55 °C għandu jinżamm f’tankijiet li ma jiffurmawx parti mill-buq u huma: (a) iżolati mill-kompartiment tal-magna u minn kull sors ieħor li jista’ jqabbdu; (b) separati mill-kwartieri li fihom joqgħodu n-nies. Il-karburanti likwidu bit-temperatura li fiha jista’ jaqbad ta’ jew ogħla minn 55 °C jista’ jinżamm f’tankijiet li jkunu jagħmlu parti mill-buq. 5.3. Is-sistema ta’ l-elettriku Is-sistemi ta’ l-elettriku għandhom ikunu ddisinjati u installati hekk illi jiżguraw l-operazzjoni kif suppost tad-dgħajsa taħt il-kondizzjonijiet normali ta’ l-użu u għandhom jimminimizzaw ir-riskju ta’ ħruq jew xokk elettriku. Għandha tingħata attenzjoni lill-forniment tal-protezzjoni kontra t-tagħbija żejda u ċ-ċirkuwiti qosra fiċ-ċirkuwiti elettiriċi kollha li jistgħu jittieħdu minn batteriji, minbarra ċ-ċirkuwiti li jqabbdu l-magna. Għandu jkun hemm ventilazzjoni sabiex ma jakkumulawx il-gassijiet li jistgħu joħorġu mill batteriji. Il-batteriji għandhom ikunu mwaħħla sod u protetti mid-dħul ta’ l-ilma. 5.4. Is-sistema ta’ l-iggwidar 5.4.1. Ġenerali Is-sistemi ta’ l-iggwidar għandhom ikunu ddisinjati, mibnija u installati b’mod illi jippermettu t-trasmissjoni ta’ l-isteering loads taħt il-kondizzjonijiet ta’ l-operazzjoni li wieħed ikun jista’ jbassar. 5.4.2. L-arranġamenti ta’ l-emerġenza Dgħajjes tal-qlugħ u dgħajjes b’mutur wieħed li jkun fuq ġewwa u b’sistema ta’ kontroll mill-boghod tat-tmun għandhom ikollhom mezzi ta’ emerġenza sabiex jiddirieġu d-dgħajsa b’ħeffa mnaqqsa. 5.5. Is-sistema tal-gass Is-sistemi tal-gass għall-użu domestiku għandhom ikunu ta’ l-għamla vapour-withdrawal u għandhom jiġu ddisinjati u installati hekk illi ma jkunx hemm tnixxija ta’ gass u riskju ta’ splużjoni u li jkunu jistgħu jiġu ttestjati għat-tnixxija. Il-materjali u l-komponenti għandhom ikunu adattati għall-gass speċifiku użat għalbiex ikunu jifilħu l-pressjonijiet u l-kondizzjonijiet li għalihom ikunu miftuħin fl-ambjent marittimu. Kull apparat li jaħdem bil-gass għandu jkollu protezzjoni kontra t-tifi accidentali tal-fjamma li jaħdem fuq il-berners kollha. Kull apparat li jaħdem bil-gass għandu jkun provdut b’fergħa separata tas-sistema tad-distribuzzjoni, u kull apparat għandu jkun ikkontrollat b’sistema tal-għeluq separata. Għandu jkun hemm ventilazzjoni biżżejjed sabiex ma jkunx hemm perikli mit-tnixxija tal-gass u mill-prodotti ta’ kombustjoni. Id-dgħajjes kollha li jkollhom is-sistema tal-gass installata b’mod permanenti għandhom ikollhom spazju magħluq fejn jinżammu ċ-ċilindri tal-gass kollha. L-ispazju għandu jkun separat mill-kwartieri fejn joqgħodu n-nies, għandu jkun jiġi milhuq minn barra biss u jkun ivventilat lejn in-naħa ta’ barra sabiex il-gass li jnixxi jista’ jinżel barra mid-dgħajsa. Kull sistema permanenti tal-gass għandha tiġi ttestjata wara li tiġi installata. 5.6. Il-protezzjoni mill-ħruq 5.6.1. Ġenerali It-tip ta’ apparat illi jiġi installat u l-konfigurazzjoni tad-dgħajsa għandhom jikkunsidraw ir-riskju u t-tifrix tan-nar. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-inħawi madwar l-apparat li jkollu l-fjamma esposta, lil spazji sħan jew magni u magni awżiljarji, lit-tifwir taż-żejt u l-karburanti, lil pajpijiet taż-żejt u tal-karburanti mikxufa u li jiġi evitat li jitgħadda l-elettriku ’l fuq minn partijiet sħan tal-magni. 5.6.2. It-tagħmir għat-tifi tan-nar Id-dgħajjes għandhom ikunu mgħammra b’apparat tat-tifi tan-nar adattat għar-riskju tan-nar. L-ispazji magħluqin għal magni tal-petrol għandhom jiġu protetti permezz ta’ sistema tat-tifi tan-nar li tevita l-ħtieġa li l-ispazji jinfetħu fil-każ ta’ ħruq. Fejn ikunu pprovduti, it-teffejja tan-nar li jistgħu jinġarru għandhom ikunu milħuqin bil-ħeffa u wieħed minnhom għandu jkun f’pożizzjoni li jista’ jintlaħaq b’mod faċli mill-pożizzjoni prinċipali tat-tmexxija tad-dgħajsa. 5.7. Id-dwal tan-navigazzjoni Fejn id-dwal tan-navigazzjoni jkunu mwaħħla, dawn għandhom ikunu konformi mal-Colreg 1972 jew ir-regolamenti CEVNI, skond kif ikun xieraq. 5.8. Il-prevenzjoni tat-tniġġiż Id-dgħajjes għandhom ikunu mibnija hekk illi ma jkunx hemm ħruġ aċċidentali ta’ sustanzi li jniġġsu (żejt, karburanti, eċċ.) Id-dgħajjes mgħammra bit-toilet għandhom ikollhom: (a) tankijiet apposta; jew (b) provvediment għalbiex jiġu mwaħħla tankijiet apposta fuq bażi temporanja f’postijiet fejn il-ħruġ ta’ l-skart uman ikun ristrett. Barra minn hekk, kull pajp illi jgħaddi l-iskart uman minn ġol-buq għandu jkollu valvijiet li jkunu jistgħu jiġu ssiġillati. -------------------------------------------------- L-ANNESS II IL-KOMPONENTI 1. It-tagħmir għal magni li jkunu fuq ġewwa u magni fil-poppa li jkollhom protezzjoni kontra t-tqabbid aċċidentali. 2. L-apparat li jipproteġi l-magni li jkunu fuq barra milli jitqabbdu jew meta jitqabbdu meta jkunu ingranati. 3. Ir-roti ta’ l-isteering, il-mekkaniżmi ta’ l-isteering u l-cable assemblies. 4. It-tankijiet tal-karburanti u l-manek tal-karburanti. 5. Il-bokkaporti prefabbrikati u t-twieqi żgħar tal-ġenb. -------------------------------------------------- L-ANNESS III ID-DIKJARAZZJONI MILL-BENNEJ JEW IR-RAPPREŻENTANT AWTORIZZAT TIEGĦU STABBILIT FIL-KOMUNITÀ JEW IL-PERSUNA RESPONSABBLI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ (L-Artikolu 4(2) u (3)) (a) Id-dikjarazzjoni mill-bennej jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità msemmija fl-Artikolu 4(2) (dgħajsa parzjalment lesta) għandha tinkludi dan li ġej: - l-isem u l-indirizz tal-bennej, - l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-bennej stabbilit fil-Komunità jew, jekk applikabbli, il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq, - id-deskrizzjoni tad-dgħajsa parzjalment lesta, - id-dikjarazzjoni li d-dgħajsa parzjalment lesta hi maħsuba li titlesta minn oħrajn u li tikkonforma mal-ħtiġiet essenzjali li japplikaw f’dan l-istadju tal-kostruzzjoni. (b) Id-dikjarazzjoni mill-bennej, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jew il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq imsemmija fl-Artikolu 4(3) (komponenti) għandha tinkludi dan li ġej: - l-isem u l-indirizz tal-bennej, - l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-bennej stabbilit fil-Komunità jew, jekk applikabbli, il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq, - id-deskrizzjoni tal-komponent, - id-dikjarazzjoni li l-komponent jikkonforma mal-ħtiġiet essenzjali relevanti. -------------------------------------------------- L-ANNESS IV MARKA CE Il-marka tal-konformità CE għandha tikkonsisti fl-inizjali "CE" li jieħdu l-għamla li ġejja: +++++ TIFF +++++ Jekk il-marka tiġi mċekkna jew imkabbra, il-proporzjonijiet mogħtija fit-tpinġija hawn fuq immarkata b’diviżjonijiet regolari għandhom jinżammu. Id-diversi elementi tal-marka CE għandu jkollhom ftit jew wisq l-istess qies vertikali, li m’għandux ikun inqas minn 5 mm. Il-marka CE tiġi segwita bin-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-korp innotifikat jekk dan jidħol fil-kontroll tal-produzzjoni. -------------------------------------------------- L-ANNESS V IL-KONTROLL INTERN TAL- PRODUZZJONI (module A) 1. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità, li jaqdi l-obbligi stabbiliti fil-punt 2, jiżgura u jiddikjara li l-prodotti interessati jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità għandu jwaħħal il-marka CE fuq kull prodott u jfassal dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub (ara l-Anness XV). 2. Il-fabbrikant għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-paragrafu 3 u hu jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità għandhom iżommuha għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali relevanti għal skopijiet ta’ spezzjoni għal perijodu li jintemm mill-inqas 10 snin wara li l-aħħar prodott ikun ġie ffabbrikat. Fejn la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkunu stabbiliti ġewwa l-Komunità, l-obbligu li tinżamm disponibbli d-dokumentazzjoni teknika għandha tkun ir-responsabbiltà tal-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq tal-Komunità. 3. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tagħmel possibbli l-konformità tal-prodotti mal-ħtiġiet tad-Direttiva li jkunu ser jiġu stmati. Għandha, safejn ikun relevanti għal dik l-istima, tkopri d-disinn, il-fabbrikazzjoni u l-operazzjoni tal-prodott (ara l-Anness XIII). 4. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità mad-dokumentazzjoni teknika. 5. Il-fabbrikant għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess tal-fabbrikazzjoni jiżgura l-konformità tal-prodotti fabbrikati mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 u mal-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. -------------------------------------------------- L-ANNESS VI IL-KONTROLL INTERN TAL-PRODUZZJONI FLIMKIEN MAT-TESTIJIET (module Aa, għażla 1) Dan il-modulu jikkonsisti fil-modulu A, imsemmi fl-Anness V, flimkien mal-ħtiġiet supplimentari li ġejjin: Wieħed jew aktar mit-testijiet li ġejjin, kalkolu ekwivalenti jew kontroll għandhom isiru mill-fabbrikant jew għan-nom tiegħu fuq waħda jew diversi dgħajjes li jirrapreżentaw il-produzzjoni tal-fabbrikant: - it-test ta’ l-istabbilità skond il-punt 3.2 tal-Ħtiġiet Essenzjali, - it-test tal-karatteristici tat-tagħwim skond il-punt 3.3 tal-Ħtiġiet Essenzjali. Id-dispożizzjonijiet illi jgħoddu għaż-żewġ varjazzjonijiet Dawn it-testijiet jew kalkoli jew kontroll għandhom isiru taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat magħżul mill-fabbrikant. Taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat, il-fabbrikant għandu jwaħħal in-numru distintiv ta’ dan ta’ l-ewwel waqt il-proċess tal-fabbrikazzjoni. -------------------------------------------------- L-ANNESS VII L-EŻAMI TAT-TIP TAL-CE (modulu B) 1. Il-korp innotifikat jaċċerta u jiddikjara li kampjun li jirrappreżenta l-produzzjoni maħsuba jissodisfa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li japplikaw għalih. 2. L-applikazzjoni għall-eżami tat-tip tal-CE għandha ssir mill-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità lil korp innotifikat illi jagħżel hu. L-applikazzjoni għandha tinkludi: - l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant u, jekk l-applikazzjoni ssir mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll, - dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma tkunx ġiet magħmula lil xi korp innotifikat ieħor, - id-dokumentazzjoni teknika, deskritta fil-punt 3. L-applikant għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-korp innotifikat kampjun li jirrappreżenta l-produzzjoni maħsuba u li aktar ’il quddiem jissejjaħ "it-tip" [1]. Il-korp innotifikat jista’ jitlob aktar kampjuni jekk ikunu meħtieġa sabiex iwettaq il-programm tat-testjar. 3. Id-dokumentazzjoni teknika għandha taghmel possibbli l-konformità tal-prodott mal-ħtiġiet tad-Direttiva li jkunu ser jiġu stmati. Għandha, safejn ikun relevanti għal dik l-istima, tkopri d-disinn, il-fabbrikazzjoni u l-funzjoni tal-prodott (ara l-Anness XIII). 4. Il-korp innotifikat għandu: 4.1. jeżamina d-dokumentazzjoni teknika, jivverifika li t-tip ikun ġie ffabbrikat b’konformità mad-dokumentazzjoni teknika u jidentifika l-elementi li jkunu ġew iddisinjati skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5, kif ukoll il-komponenti li jkunu ġew ddisinjati mingħajr ma ġew applikati d-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dawk l-istandards; 4.2. jagħmel jew ikun għamel l-eżamijiet applikabbli u t-testijiet meħtieġa sabiex jivverifika illi, fejn l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5 ma jkunux ġew applikati, is-soluzzjonijiet adottati mill-fabbrikant ikunu jilħqu l-Ħtiġiet Essenzjali tad-Direttiva; 4.3. jagħmel jew ikun għamel l-eżamijiet applikabbli u t-testijiet meħtieġa sabiex jivverifika illi, fejn il-fabbrikant ikun għażel li japplika l-istandards relevanti, dawn ikunu ġew applikati tassew; 4.4. jaqbel ma’ l-applikant dwar il-lok fejn l-eżamijiet u t-testijiet meħtieġa għandhom isiru. 5. Fejn it-tip ikun jissodisfa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE lill-applikant. Iċ-ċertifikat għandu jinkludi l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant, il-konklużjonijiet ta’ l-eżami, il-kondizzjonijiet għall-validità tiegħu u l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Lista tal-partijiet relevanti tad-dokumentazzjoni teknika għandha tiġi annessa maċ-ċertifikat u għandha tinżamm kopja mill-korp innotifikat. Jekk il-fabbrikant jiġi miċħud iċ-ċertifikat tat-tip, il-korp innotifikat għandu jipprovdi raġunijiet dettaljati għal din iċ-ċaħda. 6. L-applikant għandu jinforma lill-korp innotifikat illi jżomm id-dokumentazzjoni teknika dwar iċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE b’kull modifika lill-prodott approvat li għandha tirċievi approvazzjoni addizzjonali fejn din il-bidla tista’ taffettwa l-konformità mal-ħtiġiet essenzjali jew il-kondizzjonijiet preskritti għall-użu tal-prodott. Din l-approvazzjoni addizzjonali tiġi mogħtija f’forma ta’ żjieda maċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE. 7. Kull korp innotifikat għandu jikkomunika lill-korpi nnotifikati l-oħra l-informazzjoni relevanti dwar iċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u ż-żjidiet maħruġa u irtirati. 8. Il-korpi nnotifikati l-oħra jistgħu jirċievu kopji taċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u/jew iż-żjidiet magħhom. L-annessi għaċ-ċertifikati għandhom jinżammu għad-dispożizzjoni tal-korpi nnotifikati l-oħra. 9. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom iżomm mad-dokumentazzjoni teknika kopji taċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u ż-żjidiet magħhom għal perijodu li jintemm mill-inqas 10 snin wara li l-aħħar prodott ikun ġie ffabbrikat. Fejn la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkunu stabbiliti ġewwa l-Komunità, l-obbligu li tinżamm disponibbli d-dokumentazzjoni teknika għandha tkun ir-responsabbiltà tal-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq tal-Komunità. [1] It-tip jista’ jkopri diversi verżjonijiet tal-prodott sakemm id-differenzi bejn il-verżjonijiet ma jaffettwawx il-livell tas-sigurtà u l-ħtiġiet l-oħra dwar il-funzjonalità tal-prodott. -------------------------------------------------- L-ANNESS VIII KONFORMITÀ MAT-TIP (modulu Ċ) 1. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità jiżgura u jiddikjara li l-prodotti interessati huma konformi mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. Il-fabbrikant għandu jwaħħal il-marka CE fuq kull prodott u jfassal dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub (ara l-Anness XV). 2. Il-fabbrikant għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li l-proċess tal-fabbrikazzjoni jiżgura l-konformità tal-prodotti fabbrikati mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u mal-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. 3. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità għal perijodu li jintemm mill-inqas 10 snin wara li l-aħħar prodott ikun ġie ffabbrikat. Fejn la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkunu stabbiliti ġewwa l-Komunità, l-obbligu li tinżamm disponibbli d-dokumentazzjoni teknika għandha tkun ir-responsabbilta tal-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq tal-Komunità (ara l-Anness XIII). -------------------------------------------------- L-ANNESS IX L-ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ TAL-PRODUZZJONI (modulu D) 1. Il-fabbrikant li jissodisfa l-obbligi tal-punt 2 jiżgura u jiddikjara li l-prodotti interessati huma konformi mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità għandhom iwaħħlu l-marka CE fuq kull prodott u jagħmlu dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub (ara l-Anness XV). Il-marka CE għandha tkun akkumpanjata bin-numru distintiv tal-korp innotifikat responsabbli għall-monitorjar kif speċifikat fil-punt 4. 2. Il-fabbrikant għandu jħaddem sistema approvata tal-kwalità għall-produzzjoni, għall-ispezzjoni finali tal-prodott u għat-testjar kif speċifikat fil-paragrafu 3 u għandu jkun soġġett għall-monitorjar kif speċifikat fil-punt 4. 3. Is-sistema tal-kwalità 3.1. Il-fabbrikant għandu jagħmel applikazzjoni għal stima tas-sistema tal-kwalità tiegħu għall-prodotti interessati lil korp innotifikat li jagħżel hu. L-applikazzjoni għandha tinkludi: - l-informazzjoni kollha relevanti għall-kategorija maħsuba tal-prodott, - id-dokumentazzjoni dwar is-sistema tal-kwalità, - fejn xieraq, id-dokumentazzjoni teknika tat-tip approvat (ara l-Anness XIII) u kopja taċ-ċertifikat ta’ l-ispezzjoni tat-tip tal-CE. 3.2. Is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità tal-prodotti mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u mal-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. L-elementi kollha, il-ħtiġiet u d-dispożizzjonijiet adottati mill-fabbrikant għandhom ikunu dokumentati b’mod sistematiku u ordnat fl-għamla ta’ politika miktuba, proċeduri u istruzzjonijiet. Id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità għandha tippermetti l-interpretazzjoni konsistenti tal-programmi tal-kwalità, il-pjan, il-manwali u r-reġistri. Għandha tinkludi b’mod partikolari deskrizzjoni adegwata ta’: - l-oġġettivi tal-kwalità u l-istruttura ta’ l-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet u l-poteri ta’ min imexxi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-prodott, - il-metodi, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li jkunu ser jiġu użati fil-fabbrikazzjoni, fil-kontroll tal-kwalità u fl-assigurazzjoni tal-kwalità, - l-eżamijiet u t-testijiet li għandhom isiru qabel, matul u wara l-fabbrikazzjoni, u l-frekwenza li biha dawn isiru, - ir-reġistri tal-kwalità, bħal mhuma rapporti ta’ spezzjonijiet u informazzjoni fuq testijiet, informazzjoni dwar il-kalibrar, rapporti tal-kwalifikazzjoni tal-persunal interessat, eċċ., - il-mezzi sabiex jiġi monitorjat il-proċess tal-kisba tal-kwalità meħtieġa tal-prodott u l-operazzjoni effettiva tas-sistema tal-kwalità. 3.3. Il-korp innotifikat għandu jistma s-sistema tal-kwalità sabiex jistabilixxi jekk din tissodisfax il-ħtiġiet imsemmija fil-punt 3.2. Għandu jippresumi l-konformità ma’ dawn il-ħtiġiet tas-sistemi tal-kwalità li jimplimentaw l-istandard armonizzat relevanti. It-tim tal-verifika għandu jinkludi mill-inqas membru wieħed b’esperjenza fl-istima fit-teknoloġija tal-prodotti interessati. Il-proċedura ta’ l-istima għandha tinkludi viżta ta’ spezzjoni fl-istabbiliment tal-fabbrikant. Id-deċiżjoni għandha tiġi innotifikata lill-fabbrikant. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni raġunata ta’ l-istima. 3.4. Il-fabbrikant għandu jimpenja ruħu li josserva l-obbligi li joriginaw mis-sistema tal-kwalità kif approvata u li jgħin għalbiex din tibqa’ adegwata u effiċjenti. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom jżommu infurmat lill-korp innotifikat li jkun approva s-sistema tal-kwalità b’kull aġġornament maħsub tas-sistema tal-kwalità. Il-korp innotifikat għandu jistma l-modifiki proposti u jiddeċiedi jekk is-sistema tal-kwalità emendata tibqax tissodisfa l-ħtiġiet imsemmija fil-paragrafu 3.2 jew jekk tkunx meħtieġa stima mill-ġdid. Għandu jinnotifika d-deċiżjonijiet tiegħu lill-fabbrikant. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni raġunata ta’ l-istima. 4. Is-sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat 4.1. L-iskop tas-sorveljanza hu li jiġi żgurat illi l-fabbrikant josserva b’mod korrett l-obbligi li joriġinaw mis-sistema tal-kwalità approvata. 4.2. Il-fabbrikant għandu jippermetti lill-korp innotifikat id-dħul għal skopijiet ta’ spezzjoni fil-postijiet tal-fabbrikazzjoni, ta’ l-spezzjoni u t-testjar, u tal-ħażna u għandu jipprovdih bl-informazzjoni kollha meħtieġa, b’mod partikolari: - id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità, - ir-reġistri tal-kwalita, bħal ma huma rapporti ta’ spezzjonijiet u informazzjoni dwar testijiet, informazzjoni dwar il-kalibrar, rapporti tal-kwalifikazzjoni tal-persunal interessat, eċċ., 4.3. Il-korp innotifikat għandu jagħmel verifika kull tant żmien sabiex jiżgura li l-fabbrikant iżomm u japplika s-sistema tal-kwalità u għandu jipprovdi lill-fabbrikant b’rapport tal-verifika. 4.4. Barra minn hekk il-korp innotifikat jista’ jagħmel viżti mhux mistennija lill-fabbrikant. Matul dawn il-viżti l-korp innotifikat jista’, jekk ikun meħtieġ, jagħmel, jew jordna li jsiru, testijiet sabiex jivverifika li s-sistema tal-kwalità tkun qed taħdem kif suppost. Il-korp innotifikat għandu jipprovdi lill-fabbrikant rapport tal-viżta u, jekk ikun sar test, b’rapport dwar it-test. 5. Il-fabbrikant għandu, għal perijodu li jintemm mill-inqas 10 snin wara li l-aħħar prodott ikun ġie ffabbrikat, iżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali: - id-dokumentazzjoni imsemmija fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 3.1, - l-aġġornament imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-punt 3.4, - id-deċiżjoni u r-rapporti mill-korp innotifikat imsemmija fl-aħħar subparagrafu tal-punt 3.4, il-punt 4.3 u l-punt 4.4. 6. Kull korp innotifikat għandu jagħti lill-korpi nnotifikati l-oħra l-informazzjoni relevanti dwar is-sistemi approvati tal-kwalità maħruġa u rtirati. -------------------------------------------------- L-ANNESS X IL-VERIFIKA TAL-PRODOTT (modulu F) 1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura li permezz tagħha l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità jiċċekkjaw u jiddikjaraw li l-prodotti bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-punt 3 huma konformi mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. 2. Il-fabbrikant għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li l-proċess tal-fabbrikazzjoni jiżgura l-konformità tal-prodotti mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u mal-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità għandhom iwaħħlu l-marka CE fuq kull prodott u jfasslu dikjarazzjoni tal-konformità (ara l-Anness XV). 3. Il-korp innotifikat għandu jagħmel l-ezamijiet u t-testijiet xierqa sabiex jivverifika l-konformità tal-prodott mal-ħtiġiet tad-Direttiva permezz ta’ l-eżaminazzjoni u t-testjar ta’ kull prodott speċifikati fil-punt 4 jew permezz ta’ l-ispezzjonar u t-testjar tal-prodotti fuq il-bażi ta’ l-istatistika, speċifikati fil-punt 5, skond l-għażla tal-fabbrikant. 3a. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità għal perijodu li jintemm mill-inqas 10 snin wara li l-aħħar prodott ikun ġie ffabbrikat. 4. Il-verifika permezz ta’ l-eżaminazzjoni u t-testjar ta’ kull prodott 4.1. Il-prodotti kollha għandhom jiġu spezzjonati wieħed wieħed u għandhom isiru t-testijiet xierqa stabbiliti fl-istandard(s) relevanti imsemmi(ija) fl-Artikolu 5 jew testijiet ekwivalenti sabiex tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-CE u l-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. 4.2. Il-korp innotifikat għandu jwaħħal, jew jordna li jiġi mwaħħal, in-numru distintiv tiegħu fuq kull prodott approvat u jfassal ċertifikat tal-konformità bil-miktub dwar it-testijiet magħmula. 4.3. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom jiżguraw illi jkunu jistgħu jipprovdu ċ-ċertifikati tal-konformità tal-korp innotifikat fejn mitluba. 5. Il-verifika fuq il-bażi ta’ l-istatistika 5.1. Il-fabbrikant għandu jippreżenta l-prodotti tiegħu bħala lottijiet omoġenji u għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess tal-fabbrikazzjoni jiżgura l-omoġeneità ta’ kull lott li jiġi prodott. 5.2. Il-prodotti kollha għandhom ikunu disponibbli għall-verifika fil-forma ta’ lottijiet omoġenji. Għandu jintgħażel kampjun minn kull lott fuq bażi ta’ inzertaturi. Il-prodotti fil-kampjun għandhom jiġu spezzjonati wieħed wieħed u t-testijiet xierqa stabbiliti fl-istandard(s) relevanti imsemmi(ija) fl-Artikolu 5, jew testijiet ekwivalenti, għandhom isiru sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom u sabiex jiġi stabbilit jekk il-lott għandux jiġi aċċettat jew irroftat. 5.3. Il-proċedura ta’ l-istatistika għandha tuża l-elementi li ġejjin: - il-metodu ta’ l-istatistika li għandu jintuża, - il-pjan ta’ l-għażla tal-kampjuni bil-karatteristiċi ta’ l-operat tiegħu. 5.4. Fil-każ tal-lottijiet aċċettati, il-korp innotifikat għandu jwaħħal, jew jordna li jiġi mwaħħal, in-numru distintiv tiegħu fuq kull prodott u jfassal ċertifikat tal-konformità bil-miktub dwar it-testijiet magħmula. Il-prodotti kollha fil-lott jistgħu jitqegħdu fis-suq minbarra dawk il-prodotti mill-kampjun illi jinstabu li ma jikkonformawx. Jekk xi lott ma jiġix aċċettat, il-korp innotifikat jew l-awtorità kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex ma jħallux il-lott jitqiegħed fis-suq. Fil-każ ta’ l-irroftar frekwenti tal-lottijiet il-korp innotifikat jista’ jissospendi l-verifika fuq il-bażi ta’ l-istatistika. Il-fabbrikant jista’, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat, iwaħħal in-numru distintiv ta’ dan ta’ l-aħħar waqt il-proċess tal-fabbrikazzjoni. 5.5. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jiżgura li jkun jista’ jipprovdi ċ-ċertifikati tal-konformità tal-korp innotifikat fejn jiġi mitlub. -------------------------------------------------- L-ANNESS XI IL-VERIFIKA TAL-PRODOTT (modulu G) 1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura li biha l-fabbrikant jiżgura u jiddikjara li l-prodott interessat, illi jkun inħariġlu ċ-ċertifikat imsemmi fil-punt 2, jikkonforma mal-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalih. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità għandhom iwaħħlu l-marka CE fuq il-prodott u jfasslu dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub (ara l-Anness XV). 2. Il-korp innotifikat għandu jeżamina l-prodott individwali u jagħmel it-testijiet xierqa stabbiliti fl-istandard(s) relevanti imsemmi(ija) fl-Artikolu 5, jew testijiet ekwivalenti, sabiex jiżgura l-konformità mal-ħtiġiet relevanti tad-Direttiva. Il-korp innotifikat għandu jwaħħal, jew jordna li jiġi mwaħħal, in-numru distintiv tiegħu fuq kull prodott approvat u jfassal ċertifikat tal-konformità dwar it-testijiet magħmula. 3. L-għan tad-dokumentazzjoni teknika hu li tagħmel possibbli l-konformità mal-ħtiġiet tad-Direttiva li jkunu se jiġu stmati u li d-disinn, il-fabbrikazzjoni u l-operazzjoni tal-prodott jiġu mifhuma (ara l-Anness XIII). -------------------------------------------------- L-ANNESS XII L-ASSIGURAZZJONI SĦIĦA TAL-KWALITÀ (modulu H) 1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura li biha l-fabbrikant illi jissodisfa l-obbligi tal-paragrafu 2 jiżgura u jiddikjara li l-prodotti interessati jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità għandhom iwaħħlu l-marka CE fuq kull prodott u jfasslu dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub (ara l-Anness XV). Il-marka CE għandha tkun akkumpanjata bin-numru distintiv tal-korp innotifikat responsabbli għas-sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4. 2. Il-fabbrikant għandu jopera sistema tal-kwalità approvata għad-disinn, il-fabbrikar u l-ispezzjoni tal-prodott finali u t-testjar kif speċifikat fil-punt 3 u għandu jkun soġġett għas-sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4. 3. Is-sistema tal-kwalità 3.1. Il-fabbrikant għandu jagħmel applikazzjoni lil korp innotifikat għal stima tas-sistema tal-kwalità tiegħu. L-applikazzjoni għandha tinkludi: - l-informazzjoni relevanti kollha għall-kategorija maħsuba tal-prodott, - id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità. 3.2. Is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità tal-prodotti mal-ħtiġiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. L-elementi kollha, l-ħtiġiet u dispożizzjonijiet adottati mill-fabbrikant għandhom jiġu dokumentati b’mod sistematiku u ordnat fl-għamla ta’ politika miktuba, proċeduri u istruzzjonijiet. Din id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità għandha tiżgura ftehim komuni tal-politika u l-proċeduri tal-kwalità bħal ma huma programmi, pjanijiet, manwali u reġistri tal-kwalità. Għandha tinkludi b’mod partikolari deskrizzjoni adegwata ta’: - l-oġġettivi tal-kwalità u l-istruttura ta’ l-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet u l-poteri ta’ min imexxi għal dak dak li għandu x’jaqsam mad-disinn u l-kwalità tal-prodott, - l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-disinn, inklużi l-istandards, li ser jiġu applikati u, fejn l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5 ma jiġux applikati kollha, il-mezzi li ser jiġu użati sabiex jiġi żgurat illi l-ħtiġiet essenzjali tad-Direttiva li japplikaw għall-prodotti jiġu osservati, - it-teknika tal-kontroll tad-disinn u tal-verifika tad-disinn, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi relevanti fil-kategorija tal-prodott koperta li ser jiġu użati meta jiġu ddisinjati l-prodotti, - it-teknika tal-fabbrikazzjoni, tal-kontroll tal-kwalità u ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi korrispondenti li jkunu ser jiġu użati, - l-eżamijiet u t-testijiet li għandhom isiru qabel, matul u wara l-fabbrikazzjoni, u l-frekwenza li biha dawn għandhom isiru, - ir-reġistri tal-kwalità, bħal ma huma rapporti ta’ spezzjoni u informazzjoni fuq testijiet, informazzjoni dwar il-kalibrar, rapporti tal-kwalifikazzjoni tal-persunal interessat, eċċ., - il-mezzi sabiex jiġi monitorjat il-proċess tal-kisba tal-kwalità meħtieġa tad-disinn u tal-prodott u l-operazzjoni effettiva tas-sistema tal-kwalità. 3.3. Il-korp innotifikat għandu jistma s-sistema tal-kwalità sabiex jistabilixxi jekk tissodisfax il-ħtiġiet imsemmija fil-punt 3.2. Għandu jippresumi l-konformità ma’ dawn il-ħtiġiet fil-każ tas-sistemi tal-kwalità li jimplimentaw l-istandard armonizzat relevanti (EN 29001). It-tim tal-verifika għandu jinkludi mill-inqas membru wieħed b’esperjenza fl-istima fit-teknoloġija tal-prodotti interessati. Il-proċedura ta’ l-istima għandha tinkludi viżta ta’ stima fl-istabbiliment tal-fabbrikant. Id-deċiżjoni għandha tiġi innotifikata lill-fabbrikant. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni raġunata ta’ l-istima. 3.4. Il-fabbrikant għandu jimpenja ruħu li josserva l-obbligi li joriġinaw mis-sistema tal-kwalità approvata u li jara li din tibqa’ adegwata u effiċjenti. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jżomm infurmat lill-korp innotifikat li jkun approva s-sistema tal-kwalita b’kull aġġornament maħsub tas-sistema tal-kwalità. Il-korp innotifikat għandu jistma l-modifiki proposti u jiddeċiedi jekk is-sistema tal-kwalità emendata tibqax tissodisfa l-ħtiġiet imsemmija fil-paragrafu 3.2 jew jekk tkunx meħtieġa stima mill-ġdid. Għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-fabbrikant. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni raġunata ta’ l-istima. 4. Is-sorveljanza tal-KE taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat 4.1. L-iskop tas-sorveljanza hu li jiġi żgurat illi l-fabbrikant josserva b’mod korrett l-obbligazzi li joriġinaw mis-sistema tal-kwalità approvata. 4.2. Il-fabbrikant għandu jippermetti lill-korp innotifikat dħul għal skopijiet ta’ spezzjoni fil-postijiet tad-disinn, tal-fabbrikar, ta’ l-ispezzjoni u t-testjar, u tal-ħażna, u għandu jipprovdih bl-informazzjoni kollha meħtieġa, b’mod partikolari: - id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità, - ir-reġistri tal-kwalità previsti mill-parti tad-disinn tas-sistema tal-kwalità, bħalma huma r-riżultati ta’ analiżijiet, il-kalkoli, it-testijiet, eċċ., - ir-reġistri tal-kwalità kif maħsuba mill-parti tal-fabbrikar tas-sistema tal-kwalità, bħalma huma rapporti ta’ spezzjonijiet u informazzjoni fuq testijiet, informazzjoni fuq il-kalibrar, rapporti tal-kwalifikazzjoni tal-persunal interessat, eċċ. 4.3. Il-korp innotifikat għandu jagħmel verifiki kull tant żmien sabiex jiżgura li l-fabbrikant iżomm u japplika s-sistema tal-kwalità u għandu jipprovdi lill-fabbrikant b’rapport tal-verifika. 4.4. Barra minn hekk il-korp inotifikat jista’ jagħmel viżti mhux mistennija għand il-fabbrikant. Waqt dawn il-viżti, il-korp innotifikat jista’ jagħmel testijiet jew jordna li dawn isiru sabiex jivverifika l-funzjoni korretta tas-sistema tal-kwalità fejn meħtieġ; għandu jipprovdi lill-fabbrikant b’rapport tal-viżta u, jekk ikun sar xi test, b’rapport tat-test. 5. Il-fabbrikant għandu, għal perijodu li jintemm mill-inqas 10 snin wara li l-aħħar prodott ikun ġie ffabbrikat, iżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali: - id-dokumentazzjoni imsemmija fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 3.1, - l-aġġornament imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-punt 3.4, - id-deċiżjonijiet u r-rapporti tal-korp innotifikat imsemmija fl-aħħar subparagrafu tal-punt 3.4, il-punt 4.3 u l-punt 4.4. 6. Kull korp innotifikat għandu jagħti lill-korpi nnotifikati l-oħra l-informazzjoni relevanti dwar l-approvazzjonijiet tas-sistemi tal-kwalità maħruġa u rtirati. -------------------------------------------------- L-ANNESS XIII ID-DOKUMENTAZZJONI TEKNIKA PPROVDUTA MILL-FABBRIKANT Id-dokumentazzjoni teknika riferuta fl-Annessi V, VII, VIII, IX u XI jeħtieġ ikollha l-informazzjoni jew il-mezzi relevanti kollha użati mill-fabbrikant sabiex jiżgura li l-komponenti jew dgħajjes tal-baħar jikkonformaw mal-ħtiġiet essenzjali li jirreferu għalihom. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tgħin sabiex jinftiehmu id-disinn, il-fabbrikar u l-operazzjoni tal-prodott, u għandha tippermetti l-istima tal-konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi safejn ikun relevanti għall-istima: - deskrizzjoni ġenerali tat-tip, - tpinġijiet tal-konċetti tad-disinn u tal-fabbrikar u skemi tal-komponenti, sub-assemblies, ċirkuwiti, eċċ., - deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa sabiex jinftiehmu t-tpinġijiet u l-skemi msemmija hawn fuq u l-operazzjoni tal-prodott, - il-lista ta’ l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5, applikati fl-intier tagħhom jew f’partijiet minnhom, u d-deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali meta l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5 ma jkunux ġew applikati, - ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn magħmula, eżamijiet magħmula, eċċ., - ir-rapporti tat-testjiet, jew il-kalkoli jiġifieri dwar l-istabbilità skond il-punt 3.2 tal-Ħtiġiet Essenzjali u t-tagħwim skond il-punt 3.3 tal-Ħtiġiet Essenzjali. -------------------------------------------------- L-ANNESS XIV IL-KRITERJI MINIMI LI GĦANDHOM JIĠU KKUNSIDRATI MILL-ISTATI MEMBRI GĦAN-NOTIFIKA TAL-KORPI 1. Il-korp, id-direttur tiegħu u l-impjegati responsabbli għat-testijiet tal-verifika m’għandhomx ikunu d-disinjaturi, il-fabbrikanti, il-fornituri jew l-installaturi tad-dgħajjes jew tal-komponenti li huma jispezzjonaw, u lanqas ir-rappreżentanti awtorizzati ta’ xi wieħed minn dawn il-partijiet. M’għandhomx ikunu involuti la direttament u lanqas bħala rappreżentanti awtorizzati fid-disinn, fil-kostruzzjoni, fit-tqegħid fis-suq jew fil-manutenzjoni tal-prodotti msemmija hawn fuq. Dan ma jipprekludix il-possibiltà tal-bdil ta’ informazzjoni teknika bejn il-fabbrikant u l-korp. 2. Il-korp u l-istaff tiegħu għandhom jagħmlu t-testijiet tal-verifika bl-ogħla grad ta’ integrità professjonali u kompetenza teknika u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u persważjoni, b’mod partikolari finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultat ta’ l-ispezzjoni, b’mod speċjali minn persuni jew gruppi ta’ persuni b’xi interess fir-riżultat tal-verifiki. 3. Il-korp għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-istaff meħtieġ u jkollu l-faċilitajiet meħtieġa li jippermettulu li jwettaq kif suppost ix-xogħolijiet amministrattivi u tekniċi konnessi mal-verifika; għandu wkoll ikollu aċċess għall-apparat meħtieġ għal verifiki speċjali. 4. L-istaff responsabbli għall-ispezzjoni għandu jkollu: - taħriġ tekniku u professjonali sod, - għarfien sodisfaċenti tal-ħtiġiet tat-testijiet li huma jagħmlu u esperjenza biżżejjed ta’ dawn it-testijiet, - il-kapaċità li jagħmlu ċ-ċertifikati, ir-reġistri u r-rapporti meħtieġa sabiex jawtentikaw it-twettiq tat-testijiet. 5. L-imparzjalità ta’ l-istaff ta’ l-ispezzjoni għandha tkun garantita. Il-ħlas tagħhom m’għandhux jiddependi min-numru ta’ testijiet magħmula jew fuq ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet. 6. Il-korp għandu johroġ polza ta’ l-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà tiegħu għat-testijiet sakemm ir-responsabbiltà tiegħu ma’ tiġix merfugħa mill-Istat taħt il-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għat-testijiet. 7. L-impjegati tal-korp għandhom jiġu obbligati josservaw is-segretezza professjonali dwar l-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti tagħhom (minbarra vis-a-vis l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istat li fih l-attivitajiet tiegħu isiru) skond id-Direttiva jew kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tqiegħda fis-seħħ. -------------------------------------------------- L-ANNESS XV ID-DIKJARAZZJONI TAL- KONFORMITÀ BIL-MIKTUB 1. Id-dikjarazzjoni bil-miktub tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom dejjem jakkompanjaw: - lil dgħajjes tar-rikreazzjoni u jiġu mehmuża mal-manwal tas-sid (l-Anness I, punt 2.5), - lill-komponenti msemmija fl-Anness II. 2. Id-dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub għandha tinkludi dan li ġej [1]: - l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità [2], - id-deskrizzjoni tad-dgħajsa tal-baħar tar-rikreazzjoni [3] jew il-komponenti tagħha [4], - ir-referenzi għall-istandards armonizzati relevanti użati, jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet li magħhom tiġi ddikjarata l-konformità, - fejn xieraq, referenza għaċ-ċertifikat ta’ l-ispezzjoni tat-tip tal-KE maħruġ minn korp innotifikat, - fejn xieraq, l-isem u l-indirizz tal-korp innotifikat, - l-identifikazzjoni tal-persuna awtorizzata sabiex tiffirma għan-nom tal-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità. [1] u tkun magħmula bil-lingwa (lingwi) prevista taħt il-punt 2.5 tal-Anness I. [2] l-isem kummerċjali u l-indirizz sħiħ; ir-rappreżentant awtorizzat ukoll għandu jagħti l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-fabbrikant. [3] id-deskrizzjoni tal-għamla, it-tip, in-numru tas-serje tal-prodott fejn xieraq. [4] id-deskrizzjoni tal-għamla, it-tip, in-numru tas-serje tal-prodott fejn xieraq. --------------------------------------------------