EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XX0228(02)

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Derivattivi tar-Rata tal-Imgħax fuq il-Frank Żvizzeru (CHF LIBOR) (AT.39924)

ĠU C 72, 28.2.2015, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/8


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Derivattivi tar-Rata tal-Imgħax fuq il-Frank Żvizzeru

(CHF LIBOR)

(AT.39924)

(2015/C 72/06)

Fl-24 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) kontra The Royal Bank of Scotland Group plc, The Royal Bank of Scotland plc (“RBS”), JPMorgan Chase & CO u JPMorgan Chase Bank National Association (“JPMorgan”) (flimkien “il-Partijiet”).

Wara diskussjonijiet u sottomissjonijiet dwar riżolviment skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (3), il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”), fit-23 ta’ Settembru 2014, li tiddikjara li l-RBS u JPMorgan ipparteċipaw bejn is-6 ta’ Marzu 2008 u t-13 ta’ Lulju 2009 fi ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

Il-ksur jirrigwarda s-suq għal Derivati tar-Rata tal-Imgħax fuq il-Frank Żvizzeru (“DRIFS”). Skont id-DO l-Partijiet involvew irwieħhom fi prattiċi antikompetittivi li kienu jikkostitwixxu sensiela interrelatata ta’ okkorrenzi magħquda bl-għan komuni tar-restrizzjoni u/jew it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-settur tad-DRIFS. Għal dan l-għan, il-Partijiet iddiskutew is-sottomissjonijiet CHF LIBOR bil-fehma li dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-pożizzjoni tan-negozjar fid-DRIFS ta’ mill-inqas wieħed min-negozjanti involuti fil-komunikazzjonijiet. Dawn id-diskussjonijiet kultant ġew akkumpanjati minn skambju ta’ informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet kummerċjali attwali u futuri u l-prezzijiet ippjanati.

It-tweġibiet rispettivi tal-Partijiet għad-DO kkonfermaw li d-DO indirizzata lilhom kienet tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni indirizzat lill-Partijiet jirrigwardax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u jien wasalt għal konklużjoni pożittiva.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u waqt li nieħu inkonsiderazzjoni li l-Partijiet ma bagħtuli l-ebda talba jew ilment (4), inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet kollha f’dan il-każ ġew irrispettati.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2014.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu minn 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(4)  Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet għall-proċedimenti f’każijiet ta’ kartell li jieħdu sehem f’diskussjonijiet ta’ riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ riżolviment sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Avviż tal-Kummissjoni 2008/C 167/01 dwar kif jitmexxew il-proċedimenti ta’ riżolviment f’konsiderazzjoni tal-adozzjoni ta’ Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għall-każijiet ta’ kartell (ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1).


Top