Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0940

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    /* KUMM/2011/0940 finali - 2011/0467 (NLE) */

    52011PC0940

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja /* KUMM/2011/0940 finali - 2011/0467 (NLE) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    (1) Fit-2 ta' Marzu 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja sabiex tiġi attwata r-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. B’konformità mar-Riżoluzzjoni 1973 (2011) tas-17 Marzu 2011 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-assi tal-Bank Ċentrali tal-Libja u tal-Libyan Arab Foreign Bank ġew iffriżati skont ir-Regolament (UE) Nru 233/2011.

    (2) Fil-15 ta' Settembru 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2009 (2011) sabiex jippromwovi l-irkupru tal-Libja mill-kunflitt reċenti tagħha u jibda jirtira wħud mis-sanzjonijiet imposti skont l-UNSCR 1970 u skont riżoluzzjonijiet suċċessivi. Il-UNSCR 2009 tipprovdi għal żblokk trasparenti u responsabbli ta’ ċerti fondi li kienu ġew iffriżati, bil-għan li jingħata sostenn ħalli l-attività ekonomika terġa’ taqbad.

    (3) Fi 16 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda li jneħħi minn fuq il-Bank Ċentrali tal-Libja u l-Libyan Arab Foreign Bank il-miżuri restrittivi li kien impona fuqhom permezz tar-Riżoluzzjoni 1973(2011) tas-17 ta’ Marzu 2011. Il-Kunsill qiegħed iħejji Deċiżjoni tal-PESK sabiex jattwa din id-deċiżjoni tan-NU.

    (4) Dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b’mod speċjali bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom.

    (5) Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea għalhekk jipproponu li jitwaqqfu l-miżuri restrittivi korrispondenti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja.

    2011/0467 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/…/PESK tal-… 2011 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja[1],

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1) Fit-2 ta’ Marzu 2011, u wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja[2]. Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 jipprovdi b'mod partikulari għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-Bank Ċentrali tal-Libja u tal-Libyan Arab Foreign Bank.

    (2) Fid-dawl tal-UNSCR 2009 (2011), u wara d-Deċiżjoni 2011/625/PESK, ir-Regolament (UE) Nru 965/2011 jipprovdi b'mod partikulari għal aġġustamenti fl-iffriżar tal-assi ta' ċerti entitajiet Libjani sabiex jiġi sostnut l-irkupru ekonomiku tal-Libja.

    (3) Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda li l-miżuri li jolqtu lill-Bank Ċentrali tal-Libja u lil-Libyan Arab Foreign Bank għandhom jitneħħew. B’konformità mad-Deċiżjoni 2011/…/PESK id-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 għandha għalhekk tiġi emendata,

    (4) Dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b’mod speċjali bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn li tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

    (5) Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ minnufih,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa emendat kif ġej:

    L-Artikolu 5(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.     Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li fis-16 ta’ Settembru 2011 kienu jappartjenu għal dawn li ġejjin, kienu proprjetà tagħhom, jew kienu miżmumin jew ikkontrollati minnhom:

    (a) il-Libyan Investment Authority; u

    (b) il-Libyan Africa Investment Portfolio,

    u li f’dik id-data kienu jinsabu barra mil-Libja, jibqgħu ffriżati.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L … , … 2011, p. ...

    [2]               ĠU L 58, 3.03.2011, p. 1.

    Top