Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0123

    Kawża T-123/22: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2022 – Ecocert India vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 207, 23.5.2022, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 207, 23.5.2022, p. 28–29 (GA)

    23.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 207/43


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2022 – Ecocert India vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-123/22)

    (2022/C 207/58)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Ecocert India Pte Ltd (Gurugram, l-Indja) (rappreżentanti: Y. Martinet, D. Todorova u J. Sohm, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Artikolu 1 flimkien mal-punt 5 tal-Anness I, fir-rigward tal-Indja, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2325 tas-16 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-lista ta’ pajjiżi terzi u l-lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll li ġew rikonoxxuti skont l-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għall-fini tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni (1), sa fejn din id-dispożizzjoni tneħħi lil Ecocert India Private Limited mill-korpi ta’ kontroll irrikonoxxuti li jidhru fil-lista għall-Indja, li huma akkreditati għat-twettiq ta’ kontrolli u ta’ ħruġ ta’ ċertifikati ta’ spezzjoni li jawtorizzaw ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea, bħala prodotti organiċi, ta’ prodotti importati mill-Indja, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq allegata inkompetenza tal-konvenuta fir-rigward tat-tneħħija mil-lista ta’ korpi ta’ kontroll Indjani rrikonoxxuti.

    Skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 (2), u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 (3), il-konvenuta għandha l-kompetenza li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi rrikonoxxuti, li hija stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008. Mandankollu, hija biss l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li tista’ takkredita jew tneħħi mil-lista korpi ta’ kontroll. Billi neħħiet lir-rikorrenti mil-lista ta’ korpi ta’ kontroll irrikonoxxuti, il-konvenuta eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha u kisret l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru1235/2008. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li fuqhom ir-rikorrenti bbażat ir-Regolament (UE) 2021/2325, jiġifieri l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1342 tas-27 ta’ Mejju 2021 (4), ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2022.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur mill-konvenuta tar-rekwiżiti formali essenzjali.

    Billi ddeċidiet li tneħħi lir-rikorrenti mil-lista ta’ korpi ta’ kontroll Indjani abbażi tal-lista ppubblikata fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (lista ta’ pajjiżi terzi rrikonoxxuti), ir-rikorrenti tqis li l-konvenuta ċaħditha minn kwalunkwe garanziji proċedurali, peress li taħt din il-bażi legali ma hemm ebda possibbiltà għal korpi ta’ kontroll individwali li jinstemgħu qabel ma tittieħed deċiżjoni negattiva fil-konfront tagħhom.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq allegat żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti u verifika tal-evidenza; żball ta’ evalwazzjoni mill-konvenuta fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2325.

    L-ewwel parti tat-tielet motiv: il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex għarfien tal-użu tal-ossidu etiliniku (EtO) bħala fumigant kontra s-salmonella, fi żmien meta seħħew il-fatti.

    It-tieni parti tat-tielet motiv: il-konvenuta ma siltitx il-konklużjonijiet korretti mill-fatt li r-rikorrenti ħadet il-miżuri rimedjali neċessarji kollha.

    It-tielet parti tat-tielet motiv: il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sanzjonijiet adottati mill-awtorità kompetenti Indjana APEDA.

    4.

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipji ġenerali legali ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

    L-ewwel parti tar-raba’ motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li t-tneħħija tar-rikorrenti mil-lista ta’ korpi ta’ kontroll iċċertifikati kienet sproporzjonata mal-iskoperta ta’ irregolaritajiet u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dewmien u miżuri korrettivi adatti.

    It-tieni parti tar-raba’ motiv: ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, peress li l-konvenuta ddeċidiet b’mod diskriminatorju li tiddeċertifika biss ċerti korpi ta’ kontroll, għalkemm twettqu l-istess irregolaritajiet minn entitajiet oħra, u għalhekk kien hemm kompetizzjoni żleali bejn korpi ta’ kontroll barranin.

    It-tielet parti tar-raba’ motiv: ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, peress li l-inklużjoni repetittiva tar-rikorrenti fil-lista ta’ korpi ta’ kontroll, mill-2006, ħolqot sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal aspettattivi leġittimi li nkisru mill-konvenuta; id-dispożizzjoni legali inċerta u imprevidibbli serviet bħala bażi għat-tneħħija tar-rikorrenti mil-lista ta’ korpi ta’ kontroll Indjani.


    (1)  ĠU 2021, L 465, p. 8.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU 2007 L 189, p. 1).

    (3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU 2008 L 334, p. 25).

    (4)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1342 tas-27 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll għall-finijiet tas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom skont l-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għall-prodotti organiċi importati u l-miżuri li għandhom jittieħdu fl-eżerċizzju ta’ dik is-superviżjoni (ĠU 2021 L 292, p. 20).


    Top