Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CA0445

    Kawża C-445/18: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Novembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) – Vaselife International BV, Chrysal International BV vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden (“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Kummerċ parallel – Bidla tat-tul tal-validità tal-permess għal kummerċ parallel – Identità tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodott ta’ referenza – Kundizzjonijiet)

    ĠU C 10, 13.1.2020, p. 15–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 10/15


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Novembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) – Vaselife International BV, Chrysal International BV vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden

    (Kawża C-445/18) (1)

    (“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (KE) Nru 1107/2009 - Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Kummerċ parallel - Bidla tat-tul tal-validità tal-permess għal kummerċ parallel - Identità tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodott ta’ referenza - Kundizzjonijiet)

    (2020/C 10/17)

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Il-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Vaselife International BV, Chrysal International BV

    Konvenuta: College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden

    Dispożittiv

    1)

    Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux proċedura nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità kompetenti għandha s-setgħa li ex officio tieħu l-inizjattiva li tadatta t-tul tal-validità ta’ permess għal kummerċ parallel għall-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza mġedda.

    2)

    Ir-Regolament Nru 1107/2009 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 52 tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adattament tat-tul tal-validità ta’ permess għal kummerċ parallel ma jirriżultax awtomatikament mid-deċiżjoni li tiġi mġedda l-awtorizzazzjoni ta’ prodott ta’ referenza, iżda jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni f’dan ir-rigward.

    Ir-Regolament Nru 1107/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-adattament tal-perijodu ta’ validità ta’ permess għal kummerċ parallel għall-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza mġedda, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1107/2009, neċessarji għall-kisba ta’ dan il-permess, għandhom jiġu ssodisfatti u hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

    L-Artikolu 52(3)(a) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri sitwazzjoni li fiha l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat mill-Istat Membru ta’ oriġini huwa mmanifatturat minn kumpannija A, filwaqt li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ta’ referenza huwa mmanifatturat, skont l-istess proċedura iżda f’post ta’ produzzjoni differenti minn dak preċedenti, minn kumpannija B bil-kunsens tal-kumpannija A, sa fejn dan il-ftehim jidħol fit-tul b’mod analogu għal ftehim ta’ liċenzja.

    3)

    L-Artikolu 52(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa l-possessur tal-permess għal kummerċ parallel li għandu jippreżenta applikazzjoni sħiħa ġdida, billi jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, sabiex juri li l-prodotti kkonċernati għadhom “identiċi”, fis-sens tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, bla ħsara għall-possibbiltà għall-awtorità kompetenti li titlob lill-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodott importat l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni tan-natura identika ta’ dawn il-prodotti. F’każ ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni li toħroġ il-permess għal kummerċ parallel, huma r-regoli nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li japplikaw fil-materja tal-oneru tal-prova, sakemm josservaw il-prinċipju ta’ ekwivalenza u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.


    (1)  ĠU C 373, 15.10.2018.


    Top