Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0644

    Kawża C-644/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-17 ta’ Novembru 2017 – Eurobolt BV

    ĠU C 52, 12.2.2018, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 52/18


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-17 ta’ Novembru 2017 – Eurobolt BV

    (Kawża C-644/17)

    (2018/C 052/25)

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Hoge Raad der Nederlanden

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Eurobolt BV

    Parti oħra: Staatssecretaris van Financiën

    Domandi preliminari

    1)

    a)

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom jew mal-użu ħażin ta’ poter insostenn tal-kontestazzjoni tagħha tal-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li għandu jiġi implementat minn awtoritajiet nazzjonali?

    b)

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li pparteċipaw fit-tfassil ta’ att li l-validità tiegħu hija kkontestata fi proċedura quddiem il-qorti nazzjonali huma obbligati li jikkomunikaw lil din tal-aħħar, fuq talba, l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħhom u li ħadu jew li jmisshom ħadu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ dan l-att?

    c)

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal rimedju effettiv jimponi fuq il-qorti li tivverifika, mingħajr ebda riżerva, l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (1)? Dan l-Artikolu 47 jimplika, b’mod partikolari, li din il-qorti hija kompetenti sabiex tevalwa b’mod sħiħ jekk il-konstatazzjoni tal-fatti kinitx eżawrjenti u jekk din hijiex adegwata fir-rigward tal-konsewenzi legali li ġew invokati? B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni timplika wkoll li din il-qorti hija kompetenti sabiex tevalwa b’mod sħiħ jekk kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti li allegatament ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċess deċiżjonali, iżda li setgħu jċaħħdu mill-effett tagħhom il-konsegwenzi legali marbuta mal-fatti li kienu tassew ittieħdu inkunsiderazzjoni?

    2

    a.

    Il-kunċett ta’ “informazzjoni rilevanti kollha” fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li taħtha jaqgħu l-osservazzjonijiet li importatur indipendenti, stabbilit fl-Unjoni, tal-prodotti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, ikun ippreżenta bħala tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, jekk dan l-importatur ikun ġie informat mill-Kummissjoni dwar din l-investigazzjoni, ikun ikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba u jkun wieġeb fil-ħin għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni wara li jkun ingħata l-opportunità sabiex jagħmel dan?

    b.

    Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 2a, dan l-importatur jista’ jinvoka l-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jekk l-osservazzjonijiet li huwa jkun ippreżenta bħala tweġiba ma jkunux tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv previst f’din id-dispożizzjoni tal-inqas għaxart ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa ta’ dan tal-aħħar?

    c.

    Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 2b, dan il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 iwassal għall-illegalità ta’ dan l-att u jirrikjedi li l-applikazzjoni tiegħu tiġi skartata?


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51).


    Top