EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0327

Kawża T-327/15: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2015– Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

ĠU C 279, 24.8.2015, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 279/42


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2015– Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-327/15)

(2015/C 279/52)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos, O. Tsirkinidou u A.E. Vasilopoulou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Marzu 2015, dwar l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fl-għajnuna tal-FAEGG, Taqsima “Gwida”, mogħtija fil-programm operattiv CCI No2000GR061PO021 (GREĊJA – Objettiv 1 – Rikostruzzjoni rurali), tal-ammont ta’ EUR 7 2 1 05  592,41, innotifikata bid-dokument numru C (2015) 1936 finali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn bażi legali, peress li l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (1), li fuqu hija bbażata, tħassar, sa fejn hija tikkonċerna t-Taqsima “Gwida” tal-FAEGG (l-ewwel parti tal-ewwel motiv) u, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet legali li jippermettu li l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jintuża bħala bażi legali, ma humiex sodisfatti minn qabel (it-tieni parti tal-ewwel motiv.)

2.

It-tieni motiv isostni, b’mod sussidjarju għall-ewwel motiv, li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata teċċedi l-kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni (l-ewwel parti tat-tieni motiv), jew li hija ġiet adottata b’mod tardiv u bi ksur ta’ rekwiżiti proċedurali fundamentali, b’tali mod li hija tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smiegħ tar-Repubblika Ellenika u tad-drittijiet tad-difiża tagħha (it-tieni parti tat-tieni motiv).

3.

It-tielet motiv isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u aspettattivi leġittimi mħaddan mill-Istat Membru.

4.

Ir-raba’ motiv isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem permezz tal-impożizzjoni ta’ diversi korrezzjonijiet u, fi kwalunkwe każ, il-korrezzjoni finanzjarja imposta hija totalment sproporzjonata, b’tali mod li għandha tiġi annullata.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).


Top