This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CN0514
Case C-514/15 P: Appeal brought on 25 September 2015 by HIT Groep BV against the judgment of the General Court (Sixth Chamber) delivered on 15 July 2015 in Case T-436/10 HIT Groep v Commission
Kawża C-514/15 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 minn HIT Groep BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-15 ta’ Lulju 2015 fil-Kawża T-436/10, Hit Groep vs Il-Kummissjoni
Kawża C-514/15 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 minn HIT Groep BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-15 ta’ Lulju 2015 fil-Kawża T-436/10, Hit Groep vs Il-Kummissjoni
ĠU C 398, 30.11.2015, p. 18–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 398/18 |
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 minn HIT Groep BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-15 ta’ Lulju 2015 fil-Kawża T-436/10, Hit Groep vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-514/15 P)
(2015/C 398/24)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: HIT Groep BV (rappreżentanti: G. van der Wal u L. Parret, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
— |
tiddikjara fondati l-aggravji invokati mill-appellanti, tannulla s-sentenza appellata, (sussegwentement) tiddikjara fondat ir-rikors tal-appellanti ppreżentat fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni kkontestata (1) u tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lill-appellanti, b’mod partikolari, il-punt 9(b) tal-Artikolu 1, il-punt 9 tal-Artikolu 2 u l-punt 22 tal-Artikolu 4, sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas, skont kif tqis xieraq, l-ammont tal-multa imposta fuqha fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata; jew minn tal-inqas tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fl-ewwel istanza u fl-appell, inkluż l-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali tagħha. |
Aggravji u argumenti prinċipali
a) |
Fil-punti 174 sa 188 u 228 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, billi wettqet żball ta’ liġi u billi ma mmotivatx b’mod suffiċjenti jew komprensibbli d-deċiżjoni tagħha, u bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2) (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (3), tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-Artikolu 49 tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, u kkonstatat fis-sentenza appellata li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu tal-multa imposta fuq l-appellanti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq is-sena (kummerċjali) 2003 tal-appellanti u billi bbażat ruħha fuq din is-sena kummerċjali hija ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u b’mod żbaljat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti u kkundannata għall-ispejjeż. |
b) |
Il-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat, billi wettqet żball ta’ liġi u bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikoli 41(2)(ċ) u 49(3) tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, milli tiddeċiedi dwar il-proporzjonalità tal-multa li ġiet imposta fuq l-appellanti mill-Kummissjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali (minn tal-inqas) ma mmotivatx is-sentenza jew ma mmotivathiex b’mod suffiċjenti (jew komprensibbli), u b’mod żbaljat, ċaħdet ir-rikors tal-appellanti u kkundannata għall-ispejjeż. |
Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (fil-kawża preżenti) ma hijiex permissibbli u tikkostitiwixxi żball ta’ liġi. Tali deroga li tieħu bħala bażi s-sena kummerċjali 2003 minflok is-sena kummerċjali preċedenti (2009) għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tmur kontra din id-dispożizzjoni u l-għan tagħha. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż li jipprekludi li tiġi imposta multa li teċċedi l-kapaċità finanzjarja tal-impriża fid-data li fiha l-Kummissjoni tiddikjara li hija responsabbli għall-ksur u timponilha sanzjoni pekunjarja. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi garanzija tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, liema prinċipju ma jibqax iktar iggarantit jekk issir deroga mill-kontenut ad litteram tagħha.
Deroga minn din id-dispożizzjoni (mill-kontenut ad litteram tagħha) tikser ukoll (fil-kawża preżenti) l-Artikolu 7(1) KEDB u l-Artikolu 49 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità (prinċipju ta’ legalità u prinċipju ta’ lex certa).
Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fihom ġiet ammessa deroga mill-kontenut ad litteram tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, EU:C:2007:326, u l.garantovaná vs Il-Kummissjoni, C-90/13 P, EU:C:2014:326) ingħataw (ferm) wara li seħħew il-fatti li taw lok għall-impożizzjoni ta’ multa fuq l-appellanti. Għalhekk, l-applikazzjoni retroattiva ta’ din il-ġurisprudenza tkun tikser l-Artikolu 7(1) KEDB u l-Artikolu 49 tal-Karta.
Fil-każ li deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (tista’) tkun legalment ammessa f’każijiet eċċezzjonali, din tkun teżiġi motivazzjoni fid-dettall, liema motivazzjoni hija nieqsa jew insuffiċjenti fis-sentenza appellata, u dan bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.
Il-garanzija tal-prinċipju ta’ proporzjonalità teżiġi (f’kull każ) li, fil-każ ta’ deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ (sussegwentement) jekk il-multa tosservax l-għan ta’ din id-dispożizzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, aspett li l-Qorti Ġenerali (u l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata) naqset milli twettaq, jew fi kwalunkwe każ, ma mmotivatx jew ma mmotivatx suffiċjentement.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).