Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0524

    Kawża C-524/14 P: Appell ippreżentat fl- 20 ta’ Novembru 2014 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid- 9 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-461/12 – Hansestadt Lübeck vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 26, 26.1.2015, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 26/16


    Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2014 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-461/12 – Hansestadt Lübeck vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-524/14 P)

    (2015/C 026/21)

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Maxian Rusche, R. Sauer, aġenti)

    Parti oħra fil-proċedura: Hansestadt Lübeck, li kienet Flughafen Lübeck GmbH

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli;

    sussidjarjament: tiddikjara li r-rikors fl-ewwel istanza ma għadx għandu skop;

    sussidjarjament: tiddikjara infondata l-parti mir-raba’ motiv ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-parti l-oħra tar-raba’ motiv u fir-rigward tal-ewwel sat-tielet u tal-ħames motivi;

    tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u tal-proċedura fl-appell jew, sussidjarjament fil-każ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fir-rigward tal-ewwel istanza u tal-appell għas-sentenza finali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-ewwel aggravju: assenza ta’ interess individwali

    Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, il-Hansestadt Lübeck hija kkonċernata b’mod individwali mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li hija s-suċċessur legali tal-impriża pubblika li sal-1 ta’ Jannar 2013 kienet topera l-ajruport ta’ Lübeck, u dan peress li din l-impriża pubblika kienet tat għajnuna mill-Istat bis-saħħa ta’ poteri mogħtija esklużivament lilha. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni fattwali segwenti: l-impriża pubblika tipproponi r-regolament li jistabbilixxi l-imposti lil awtorità regolatorja tal-Istat Federali, li għandha s-setgħa li tapprovah jew le (punti 29 sa 34 tas-sentenza appellata).

    Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod korrett il-fatti tal-kawża, hija wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-impriża pubblika li kienet topera l-ajruport ta’ Lübeck sal-1 ta’ Jannar 2013 kienet awtorità li setgħet tagħti għajnuna bis-saħħa ta’ poteri mogħtija esklużivament lilha. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-evalwazzjoni ta’ jekk jeżistix interess individwali għal entità pubblika jew privata li teżegwixxi skema ta’ għajnuna (bħalma hija f’dan il-każ l-impriża pubblika li operat l-ajruport ta’ Lübeck sal-1 ta’ Jannar 2013), il-punt deċiżiv huwa jekk it-tmexxija u l-politika ta’ tali entità jkunux iddeterminati minnha stess jew mill-Istat (1). Il-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali jindikaw li huwa l-Istat li għandu din is-setgħa, u dan għal żewġ raġunijiet. Ir-regolament li jistabbilixxi l-imposti kien jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità regolatorja tal-Istat Federali. Min-naħa tagħha, l-awtorità regolatorja hija marbuta bid-dispożizzjonijiet federali dwar l-imposti tal-ajruport. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li r-regolament li jistabbilixxi l-imposti għandu jiġi propost mill-operatur tal-ajruport ma jfissirx li dan l-operatur jista’ jiddetermina huwa stess t-tmexxija tiegħu u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tar-regolament li jistabbilixxi l-imposti.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u interpretat il-kunċett ta’ “interess individwali” b’mod estensiv wisq meta ddikjarat li s-setgħa li jitwettaq pass preparatorju għall-għoti ta’ għajnuna (f’dan il-każ li r-regolament li jistabbilixxi l-imposti jiġi propost lill-awtorità regolatorja) tammonta għall-eżerċizzju ta’ setgħa proprja li tingħata għajnuna.

    It-tieni aggravju: assenza ta’ interess ġuridiku

    Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, il-Hansestadt Lübeck, minħabba li hija s-suċċessur legali tal-impriża pubblika li sal-1 ta’ Jannar 2013 kienet topera l-ajruport ta’ Lübeck, għad għandha interess ġuridiku anki wara l-bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck lil investitur privat. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-obbligu li tiġi sospiża l-implementazzjoni tal-għajnuna ntemmx fl-1 ta’ Jannar 2013 minħabba li, peress li ma kinux baqgħu involuti riżorsi pubbliċi, ir-regolament li jistabbilixxi l-imposti ma kienx baqa’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Qorti Ġenerali tqis li, anki li kieku dan kien il-każ, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kien għad għandha interess ġuridiku peress li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet għadha ma ntemmietx u peress li, għalhekk, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet għadha tipproduċi effetti legali.

    L-ewwel argument tal-Qorti Ġenerali huwa żbaljat minħabba li, anki fl-assenza ta’ deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni kontenzjuża tista’ titlef l-uniku effett legali tagħha, jiġifieri l-obbligu li tiġi sospiża l-implementazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna matul l-investigazzjoni, fil-każ li din il-miżura ma tibqax fis-seħħ għal raġunijiet li ma jkunux marbuta mal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fiha nfisha (f’dan il-każ minħabba l-privatizzazzjoni tal-ajruport).

    It-tieni argument tal-Qorti Ġenerali ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza li tirrikjedi interess kweżit u reali. Fil-kawża ineżami, ir-riskju ta’ sospensjoni tal-miżura ma mmaterjalizzax qabel l-1 ta’ Jannar 2013 peress li l-ajruport ġiet pprivatizzat. Il-Hansestadt Lübeck ma kinitx kisbet l-interess li tkompli bil-kawża tagħha wara l-privatizzazzjoni tal-ajruport.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha interess reali.

    It-tielet aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ selettività fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

    Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, sabiex ikun jista’ jiġi analizzat jekk ir-regolament li jistabbilixxi l-imposti ta’ impriża pubblika huwiex selettiv, huwa meħtieġ li jiġi analizzat jekk dan ir-regolament japplikax mingħajr diskriminazzjoni għall-utenti u għall-utenti potenzjali kollha tal-prodotti jew tas-servizzi offruti minn din l-impriża pubblika (punt 53 tas-sentenza appellata).

    Din il-fehma hija manifestament kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li meta l-miżuri inkwistjoni japplikaw biss għal attività partikolari jew għal impriżi partikolari li jeżerċitaw din l-attività, tali miżuri ma jkunux miżuri ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika iżda jkunu miżuri selettivi (2). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tariffi preferenzjali offruti minn impriżi pubbliċi fir-rigward ta’ prodotti u servizzi jkunu selettivi anki jekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom l-utenti jew l-utenti potenzjali kollha (3). Fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Deutsche Lufthansa, l-Avukat Ġenerali Mengozzi applika din il-ġurisprudenza għal sitwazzjoni li tikkorrispondi preċiżament għal dik ineżami, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn kien involut regolament li jistabbilixxi l-imposti ta’ ajruport u li jipprevedi tnaqqis għal utenti kbar partikolari, u kkonferma n-natura selettiva tal-miżura korrispondenti (4).

    Ir-raba’ aggravju: nuqqas ta’ motivazzjoni u motivazzjoni kontradittorja

    Il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata. Fl-ewwel lok, ma twettqitx parti essenzjali tal-analiżi tan-natura selettiva, jiġifieri d-determinazzjoni tal-għan segwit mir-regolament li jistabbilixxi l-imposti. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din is-sistema, għandu jiġi vverifikat liema impriżi jkunu jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli. Fit-tieni lok, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja sa fejn l-ewwel tapplika l-ġurisprudenza dwar in-natura selettiva tal-miżuri fiskali (punti 51 u 53 tas-sentenza appellata) u sussegwentement tiddikjara li din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti (punt 57 tas-sentenza appellata).

    Il-ħames aggravju: applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju restrittiv tal-istħarriġ ġudizzjarju għal deċiżjoni li tinfetaħ proċedura

    Għalkemm il-Qorti Ġenerali tidentifika l-kriterju legali korrett, fil-motivazzjoni tagħha hija tinjora l-fatt li l-kawża ineżami kienet tikkonċerna deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li hija suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, b’mod partikolari fir-rigward tal-motivazzjoni (5). Fis-sentenza appellata ma tingħata ebda spjegazzjoni għalfejn l-assenza tan-natura selettiva tar-regolament li jistabbilixxi l-imposti kienet tant manifesta li l-Kummissjoni kellha tastjeni milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.


    (1)  Sentenza DEFI vs Il-Kummissjoni, 282/85, Ġabra 1986, 2649, punt 18.

    (2)  Sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra 2004, I-10901, punt 99, u Unicredito, C-148/04, Ġabra 2005, I-11137, punt 45.

    (3)  Ara b’mod partikolari s-sentenza GEMO, C-126/01, Ġabra 2003, I-13769, punti 35-39.

    (4)  Konklużjonijiet Deutsche Lufthansa, C-284/12, Ġabra 2013, I-00000, punti 47-55.

    (5)  Ara, fl-iktar kawża reċenti, id-digriet Stahlwerk Bous vs Il-Kummissjoni, T-172/14 R, Ġabra 2014, II-00000, punti 39 sa 78 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


    Top