This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CN0029
Case C-29/14: Action brought on 21 January 2014 — European Commission v Republic of Poland
Kawża C-29/14: Rikors ippreżentat fil- 21 ta’ Jannar 2014 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
Kawża C-29/14: Rikors ippreżentat fil- 21 ta’ Jannar 2014 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
ĠU C 85, 22.3.2014, p. 17–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 85/17 |
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Jannar 2014 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-29/14)
2014/C 85/32
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Gheorghiu u M. Owsiany-Hornung)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/23/KE, tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar l-iffissar ta’ standards ta’ kwalità u sigurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta’ tessuti u ċelloli tal-bniedem (1), taħt l-Artikoli 3(b), 4(2) u 7 u tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/17/KE, tat-8 ta’ Frar 2006, rigward ċerti rekwiżiti tekniċi għad-donazzjoni, għall-ksib u għall-ittestjar tat-tessuti u taċ-ċelluli uman (2), kif ukoll taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/86/KE, tal-24 ta’ Ottubru 2006, li timplimenta d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kondizzjonijiet tar-rintraċċabbiltà, notifikazzjoni dwar rejazzjonijiet u avvenimenti ta’ ħsara serja u ċerti kondizzjonijiet tekniċi għall-ikkowdjar, l-ipproċessar, il-preżervazzjoni, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ tessuti u ċelluli umani (3), billi eskludiet iċ-ċelluli riproduttivi u t-tessuti embrijoniċi u fetali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi. |
— |
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Skont ir-rikorrenti, it-traspożizzjoni mwettqa mill-Polonja fl-ordinament ġuridiku Pollakk tad-Direttivi 2004/23, 2006/17 u 2006/86 hija inkompleta, peress illi la fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-1 ta’ Lulju 2005 dwar il-kisba, il-ħażna u t-trapjantazzjoni ta’ ċelluli, tessuti u organi, li permezz tagħha dawn id-Direttivi huma inkorporati fl-ordinament ġuridiku intern u lanqas fil-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni adottati skont din il-liġi ma huma inklużi ċ-ċelluli riproduttivi u lanqas it-tessuti embrjoniċi u fetali.
Bħala konsegwenza, id-dispożizzjonijiet għat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2004/23 u 2006/86 ma humiex inkorporati fid-dritt Pollakk, sa fejn dawn jirreferu għall-imsemmija ċelluli riproduttivi u t-tessuti embrijoniċi u fetali.
Minbarra dan, ma ġewx trasposti d-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2006/17 li jirreferu għaċ-ċelluli riproduttivi, jiġifieri, l-Artikoli 3(b) u 4(2) u l-AnnessIII.
Dan ifisser li, fil-proċedura amministrattiva qabel dik ġudizzjarja, ir-Repubblika tal-Polonja kkonfermat li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humex inkorporati fid-dritt nazzjonali, filwaqt li ssostni dan li ġej: “Fl-ambitu taċ-ċelluli riproduttivi, kif ukoll tat-tessuti embrijoniċi u fetali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi japplikaw fil-parti l-kbira fil-prattika klinika ta’ kuljum, fejn dawn ġew trasposti mill-ispeċjalisti […]”.
Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni kellhom jiġu trasposti fl-intier tagħhom permezz ta’ regoli legali vinkolanti.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 291.
(2) ĠU L 330M, p. 162
(3) ĠU L 314M, p. 272