Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0124

    Kawża C-124/13: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Marzu 2013 — Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 156, 1.6.2013, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 156/21


    Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2013 — Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-124/13)

    2013/C 156/32

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: L.G. Knudsen, I. Liukkonen u R. Kaškina, aġenti)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2012, tad-19 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (1); u

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Parlament Ewropew iqajjem motiv wieħed ta’ annullament tar-regolament ikkontestat ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 43(3) TFUE ma huwiex il-bażi legali adegwata għar-regolament ikkontestat u li dan missu ġie adottat abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE, billi din id-dispożizzjoni tal-aħħar tagħti lill-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea s-setgħat neċessarji sabiex jadotta att bil-għan u bil-kontenut tar-regolament ikkontestat. Il-bażi legali użata teskludi l-parteċipazzjoni tal-Parlament fl-adozzjoni tal-att, filwaqt li l-Artikolu 43(2) TFUE jipprovdi li għandha tiġi segwita l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-bażi legali żbaljata għandha twassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

    Fl-ewwel parti tal-motiv tiegħu, il-Parlament isostni li, billi kull pjan multiannwali, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, huwa strument għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut, dan jifforma assjem li jinkludi biss dispożizzjonijiet intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ konservazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u għalhekk għandu jiġi adottat fl-totalità tiegħu taħt l-Artikolu 43(2) TFUE.

    It-tieni parti tal-motiv tal-Parlament tikkonsisti fl-affermazzjoni li l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat b’mod separat mill-bqija tal-proposta tal-Kummissjoni fi kwalunkwe każ tikkostitwixxi abbuż tal-proċedura u ġġib fix-xejn il-kontenut tal-ġurisprudenza stabbilita dwar l-għażla tal-bażi legali skont iċ-ċentru ta’ gravità tal-att. Il-qsim tal-proposta ppermetta li l-Kunsill jagħżel, b’mod artifiċjali, bażi legali separata għal ċerti elementi tal-att propost, filwaqt li dawn kienu jiġu assorbiti mill-bażi legali waħdanija tal-Artikolu 43(2) TFUE li kieku l-att ġie adottat fil-forma tal-assjem inizjalment propost.


    (1)  ĠU L 352, p. 10.


    Top